• Missio, li hi l-organizzazjoni uffiċċjali tal-Knisja għall-missjoni, ser tniedi l-programm ta’ attivitajiet għax-xahar ta’ Ottubru. Il-Ġurnata Missjunarja, li hi l-qofol tal-attivitajiet, ser tiġi ċċelebrata fit-18 ta’ Ottubru. Biex tintwera solidarjetà ma’ dawn ħutna fil-bżonn, Missio ser jorganizza diversi attivitajiet matul ix-xahar t’Ottubru kollu.

    Waqt konferenza stampa ingħata rendikont tad-dħul finanzjarju li nġabar fl-2014 mingħand il-poplu Malti u Għawdxi u xi proġetti saru. It-tema għal din is-sena hija ‘Agħtini Nixrob’ (Ġw 4:7). Din il-kampanja hija ddedikata għall-missjoni fil-Madagascar fejn Sister Rose qegħda twettaq missjoni ma’ diversi tfal fi skola ta’ Vatomandry, fuq il-kosta tan-naħa tal-Lvant tal-pajjiż. Bil-għajnuna li diġà ngħatat fis-snin imgħoddija, Sister Rose għenet biex jinbnew tmien latrini u ħaffret bjar għall-ilma nadif permezz ta’ pompi tal-ilma. F’dawn l-aħħar sentejn, din is-soru bdiet tara titjib kbir fis-saħħa tat-tfal u tal-komunità kollha tal-madwar. Missio Malta jixtieq li dak li seħħ lill-iskola ta’ Sr. Rose isir ukoll f’mijiet ta’ skejjel u rħula oħra f’Madagascar u b’hekk ikunu salvati iktar tfal. L-għajnuna trid tingħata biex ħafna iktar skejjel u rħula f’dan il-pajjiż, ikollhom toilets u bjar għall-ilma nadif u aktar faċilitajiet iġjeniċi, fost proġetti oħra.

    Matul is-sena 2014, inġabru €850,000, li €365,000 ġew miġbura waqt il-Ġurnata Missjunarja, waqt li €113,249 intefqu fi proġetti għat-tfal. B’dawn il-fondi qed jitħarrġu 93 seminarista u saru 8,774 quddiesa b’suffraġju fl-artijiet tal-missjoni. Saru wkoll 74 proġett bħal bini ta’ kappelli, bjar u spieri (boreholes) għall-ilma u proġetti oħra.

    L-attivitajiet se jibdew minn għada s-Sibt, 3 t’Ottubru, fejn Missio se jipparteċipa fin-Notte Bianca – Lejl Imdawwal fejn se jintwerew pitturi Afrikani u Asjatiċi u kant min diversi artisti, fil-Knisja ta’ San Ġakbu, il-Belt Valletta. Se jkun hemm irkejjen għat-tfal, tal-ikel, ħelu u xorb. Il-ħanut Faith, Hope and Charity  se jkun miftuħ ukoll fejn wieħed jista’ jixtri numru ta’ rigali għal kull okkażjoni.

    Nhar il-Ħadd, 11 t’Ottubru se tkun organizzata l-attività annwali, ‘Mixja għall-Missjoni’ fejn fid-9.00 a.m. ser tiġi ċċelebrata quddiesa u fl-10.00 a.m. tibda l-mixja madwar il-Mosta. Il-parteċipazzjoni għaliha se tkun €10.00 għall-kbar u €2.00 għat-tfal bħala donazzjoni għall-skopijiet Missjunarji. Din il-mixja tiġi organizzata b’solidarjetà ma’ eluf ta’ foqra li ta’ kuljum iridu jimxu distanzi twal biex iġibu l-ilma jew jaqdu affarijiet personali.

    L-attivitajiet ewlenin isiru nhar il-Ħadd, 18 t’Ottubru, fil-Ġurnata Missjunarja. Fid-9.00 a.m. tkun iċċelebrata b’quddiesa mill-knisja Ta’ Mlit, il-Mosta, imxandra fuq TVM2. Wara jkun hemm ġurnata t’attivitajiet għall-familja kollha ħdejn il-knisja tal-Mosta fejn fost l-oħrajn se jkun hemm kant, ikel, xorb, logħob u esibizzjoni t’artiġġjanat. Il-mobile unit mill-Bank tad-Demm u l-mobile unit mill-Fakultà tad-Dentistrija tal-Università ta’ Malta se jkunu maġenb il-Knisja Parrokkjali għad-disposizzjoni tal-pubbliku.

    Nhar il-Ġimgħa, 23 t’Ottubru jittella’ d-dramm mużikali “Fjura Ċkejkna”, il-bijografija ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux, Padruna tal-Missjonijiet. Dan se jsir fl-Oratorju tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Mosta fis-6.30 p.m. Tkun apprezzata donazzjoni mad-dħul.

    Fil-31 t’Ottubru, fl-okkażjoni tal-50 sena mid-digriet Ad Gentes, se jkun organizzat symposium b’numru ta’ kelliema bħala mistiedna. Dan se jsir fil-Katekumenju tal-Mosta bejn id-9.00 a.m. u s-1.00 p.m.

    Għal aktar tagħrif dwar dawn l-attivitajiet, ikkuntattja lil Missio fuq in-numru 21236962 jew email fuq [email protected].