• Nhar il-Ħamis 10 ta’ Settembru 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa mal-membri tal-komunità Marana thà, f’għeluq l-40 anniversarju ta’ din il-komunità mmexxija minn Dr John Bonnici Mallia. Il-Quddiesa saret fiċ-Ċentru Parrokkjali ta’ Raħal Ġdid.

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

    Ċentru Parrokkjali, Raħal Ġdid

    10 ta’ Settembru 2015

     

    Jiena ser nieħu l-qari li l-Mulej ipprovdilna llum, li huwa mill-Ħamis tat-Tlieta u Għoxrin ġimgħa ta’ matul is-sena, bħala l-profezija fuqkom, fuqek għażiż Dr John u fuqna. Nixtieq nibda billi nikkonfermakom fil-missjoni tagħkom u fil-vokazzjoni tagħkom, u nagħmel hekk f’isem il-Knisja u bħala l-Isqof tagħkom.

    X’inhi l-missjoni tagħkom? Il-missjoni tagħkom, “intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu”, l-ewwelnett hija “li tilbsu s-sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar”. Ejjew nifhmu x’inhi din il-vokazzjoni. Id-dinja tgħallimna sentimenti oħrajn. Id-dinja u x-xitan jgħallmuna l-vendetta, il-kefrija, is-suppervja, jgħallmuna anke n-nuqqas ta’ paċenzja ma’ xulxin u r-rabja. Mela dawn is-sentimenti mhumiex sentimenti soft, huma s-sentimenti ta’ min f’ħajtu għażel li jkun tassew wild id-dawl, huma s-sentimenti ta’ min qed jitħabat biex jgħix il-magħmudija tiegħu. Ħniena, tjieba, umilta, ħlewwa u sabar! Mhux dawn huma l-valuri ta’ suċċess li bihom tkejjel id-dinja, imma huma l-istedina li nissel fil-qalb tagħna l-Ispirtu Qaddis tal-Mulej.

    Għalhekk, San Pawl (Kol 3, 12-17) jidħol anke fil-prattiċità ta’ dawn is-sentimenti u jitlobna li aħna nuru ħniena ma’ xulxin billi naħfru lil xulxin. “Aħfru lil xulxin bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll”. Jekk għandna bżonn konferma insibuha fil-kelma ta’ Ġesù fil-Vanġelu, li hija l-espressjoni li ispirat il-Ġubilew tal-Ħniena li se nibdew fit-8 ta’ Diċembru li ġej, biex aħna nkunu ta’ ħniena: “ħennu bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6, 36). Inkunu mela nies ta’ ħniena, misericordes sicut Pater, li aħna nkunu nies ta’ ħniena bħalma hu ħanin Missierkom.

    Il-ħniena hija qawwa divina, il-ħniena għandha l-kapaċità tibdel l-istorja; dak li għalija kien għadu, bil-ħniena u l-maħfra tiegħi nbiddlu f’ħabib. Hekk inkun qiegħed nipparteċipa f’prerogattiva divina, il-prerogattiva tas-Sid tal-istorja, u din il-qawwa hija biss il-ħniena. Il-ħniena kapaċi tbiddel falliment f’opportunità ta’ bidu ġdid, mentri jekk jiena ma nħennx nibqa’ imjassar mill-istorja li tirkibni u tirbaħni. Avveniment li ġara, li ma nistax inħassru għax ġara’, nista’ nibdlu u nittrasformah bil-ħniena. Hekk nagħmel ukoll meta jien inkun għaffiġtha u mmur quddiem il-Mulej nitolbu ħniena. Il-maħfra tal-Mulej tbiddel l-istorja. Inkun għamilt żball oħxon,  u l-Mulej juża dik iċ-ċirkustanza biex nitqaddes iżjed. Il-ħniena għalhekk hija straordinarja għax hija dik il-virtù, u virtù tfisser qawwa, dik il-qawwa ta’ Alla li tbiddel l-istorja ta’ ħajjitna. Il-ħniena aħna għandna bżonnha, għandna bżonnha kuljum.Ejjew ukoll nużawha ma’ xulxin għax meta nagħmlu hekk, inkunu tassew “ulied Missierna li hu fis-smewwiet” għaliex qegħdin nipparteċipaw mill-qawwa li għandu fuq l-istorja.

    “Ħalli s-sliem ta’ Kristu isaltan fi qlubkom, dak is-sliem li għalih kontu msejħa biex issiru ġisem wieħed” (Kol 3, 15). Issa din il-kelma ‘ġisem wieħed’ Ġesù jużaha wkoll għaż-żwieġ. Imma hekk ukoll il-ġisem mistiku tal-Knisja, il-komunità tal-Knisja, aħna ġisem wieħed. Aħna ġisem wieħed fi Kristu u Kristu huwa r-ras. M’hemmx ras mingħajr ġisem u lanqas ġisem mingħajr ras. Aħna msejħin biex insiru ġisem wieħed, li aħna nkunu l-Knisja ta’ Ġesù.

    Din l-esperjenza ta’ Knisja bħala ġisem wieħed, Pawlu min fejn ġabha? Għawx huwa Pawlu dak li kontinwament jitkellem fuq il-Knisja bħala l-ġisem ta’ Kristu. Titfakru l-ewwel laqgħa li kellu ma’ Ġesù qrib Damasku? Meta nstabat mal-art, tilef id-dawl u sema’ din il-vuċi: “Sawlu, Sawlu għaliex qiegħed tippersegwitani?” (Atti 9, 4). Ġesù ma qallux ‘għaliex qiegħed tippersegwita’ l-Insara ħuti’, imma qallu “għaliex qiegħed tippersegwitani!” 

    F’dik il-mistoqsija ta’ Ġesù hemm diġa l-għerq ta’ dak kollu li Pawlu jgħid fuq il-ġisem ta’ Kristu għaliex hu kellu l-konferma b’dik l-ewwel mistoqsija, li Ġesù jqis li dak li jsir lil-komunità tiegħu, lill-Insara, qed isir lill-ġismu, lilu nnifsu. “Għaliex qiegħed tippersegwitani?” Ma qallux ‘jiena ħallejt grupp ta’ segwaċi jiġġieldu bejniethom, uħud tajbin u oħrajn inqas’. Ma qalx hekk, imma qal “għaliex qiegħed tippersegwitani?” U Pawlu min jaf kemm ħaseb fuqha dik l-ewwel kelma ta’ Ġesù. Hu fehem u jfehmna li aħna ħaġa waħda ma’ Ġesù, mhux biss fl-Ewkaristija meta aħna nilqgħuh fina imma hu jilqagħna fih,

    “Ibqgħu fija u jiena fikom” (Ġw 15, 4), imma anke fir-realtà li aħna l-Knisja tiegħu.   

    Aħna kif se nkunu ġisem wieħed? Pawlu jgħidilna: “Ħalli s-sliem ta’ Kristu ssaltan fi qlubkom”. Is-sliem, il-paċi. Tiftakru t-tislima ta’ Ġesù kif qam mill-imwiet: “il-paċi magħkom. Nagħtikom il-paċi tiegħi, mhux kif tagħtikom il-dinja se nagħtihielkom jien”. Għalhekk l-Isqof meta jsellem lill-komunità dejjem juża’ t-tislima ta’ Ġesù: “il-paċi magħkom”, għaliex hija s-sinteżi ta’ dak kollu li Ġesù ġab bil-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet: “paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba u glorja ’l Alla fis-smewwiet”. 

    “Ħalli l-bxara ta’ Kristu tgħammar sħiha fikom” (Kol 3,16). Faċli tgħidha! Aħna msejħin nħallu l-bxara ta’ Kristu tgħammar sħiha fina. Però aħna ħafna drabi l-Vanġelu nħobbuh a la carte, bħal meta tmur f’restorant u tagħżel xi affarjiet u tħalli barra dak li ma tridx. Imma San Pawl qed jgħidilna li min dan il-Vanġelu m’għandu jonqos l-ebda paragrafu u m’għandha tonqos l-ebda paġna. Din l-eżortazzjoni ta’ Pawlu hija impenjattiva, “il-bxara ta’ Kristu tgħammar sħiha fikom”. Imma jekk ikollna nagħmlu sinteżi ta’ din il-bxara, ta’ din il-kerygma, hija ‘Kristu miet għalik, Kristu qam għalik, Kristu jħobbok, Kristu salvak’. U minn dik l-esperjenza li Ġesù jħobbni, Ġesù miet għalija, li qam ukoll biex jiena jkolli t-tama tal-ħajja ta’ dejjem, joħorġu l-affarijiet kollha, bħal minn żerriegħa ċkejkna li mbagħad tikber f’siġra kbira.        

    “Għallmu bil-għerf kollu u wittbu lil xulxin” (v 16). Pawlu juża t-tagħlim u anke t-twiddib, għax din hija l-qofol tal-karità. It-tagħlim huwa opra tal-ħniena. Jekk aħna se niċċelebraw bil-għaqal il-Ġublew tal-Ħniena, irridu niskopru l-opri tal-ħniena. Waħda mill-opri ta’ ħniena hija li tgħallem lil min ma jafx, li tagħti parir lil min għandu bżonnu, li tlibbes lil min hu għarwien, li żżur lill-morda u lill-ikkalzrati. Imma hija wkoll opra tal-ħniena li aħna ngħallmu lil xulxin u nitgħallmu, imma mhux biss, għax li twiddeb hija li inti tikkoreġi, mhux bilfors iċċanfar għax tista’ twiddeb bil-ħlewwa, imma Alla ħares aħna fil-komunità nibżgħu milli nwiddbu lil xulxin. Li twiddeb hija wkoll att ta’ karità.

    Pawlu juża metodu li intom tħobbu ħafna, u jiena wkoll inħoss li jaħdem ħafna: “b’salmi, innijiet u b’għana spiritwali”. Kultant messaġġ jasal iżjed b’xi song ħelwa milli b’xi priedka, “u b’radd il-ħajr kantaw f’qalbkom innijiet lil Alla”. Issa tgħiduli f’qalbna jiġifieri ma ngħajtux. Le, imma tfisser mill-qalb. Il-praise tagħkom, it-tifħir tagħkom irid jibda fil-qalb. Irid ikun stil ta’ ħajja! 

    Aħna llum qegħdin nitkellmu fuq it-tkasbir tar-reliġjon, vilipendju, id-dritt li tkasbar lil Alla – xi dritt sabih dan ukoll! Ħalli ma nidħlux fil-mertu, imma iżjed ma jkun hemm diskors bħal dan, issir iżjed urġenti l-missjoni tagħkom li tfaħħru lil Alla.

    Dr John, jiena llum ġejt nittallab, għax l-isqof hekk jagħmel, jittallab. Nittallab li intom tiddedikaw ħajjitkom għat-tifħir tal-Mulej, jiġri x’jiġri. Jien għandi bżonn komunitajiet li jfaħħru lill-Mulej, jiġri x’jiġri. Jiena nixtieq bħala l-Isqof ta’ din id-djoċesi li f’Malta t-tifħir lil Alla ma jieqafx, jiġri x’jiġri. Ħalli jkasbru lil Ġesù, imma aħna nfaħħruh!

    Qegħdin tifhmu kemm hi essenzjali l-missjoni tagħkom? Qegħdin tifhmu kemm hija għażiża l-preżenza tagħkom hawnhekk? Qegħdin tifhmu li Alla għażilkom. Ħadd ma jaf għaliex għażilkom, kulħadd għandu l-istorja tiegħu u forsi tgħid: ‘u iva, xi dwejjaq, nista’ noqgħod nara t-tele-serials li qed jirrepetu’, għax fis-sajf qed jagħmluhom kollha mill-ġdid. Inti tista’ taħli ħajtek tara r-repeats, imma tista’ tgħid ukoll ‘almenu biċċa minn ħajti se nużaha biex ma’ sħabi nfaħħar lill-Mulej’.

    Intom tafu li hawn min id-delizzju tiegħu hu li jkasbru lill-Mulej. Il-Mulej fil-Vanġelu tal-lum għallimna biċċa minn qalbu: “min jagħtik daqqa ta’ ħarta lestilu n-naħa l-oħra” (Lq 6, 29). Kliem diffiċli ħafna! Imma dan huwa l-atteġġjament tal-Mulej li meta ħalaqna, ħalaqna wkoll b’ħalq li jista’ jgħajbu, b’ilsien li jista’ jkasbru, għax tana l-libertà. Imma tana wkoll għajnejn li jaraw il-ġmiel li tana u qalb biex tgħidlu grazzi. Tana ilsien biex ngħidulu ‘nirringrazzjak Mulej’, tana idejn biex ngħolluhom fit-tifħir u biex inċapċpulu. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna nfaħħru lill-Mulej, għaliex hija l-aqwa preparazzjoni għall-ġenna. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna, minn issa, nirringrazzjaw lill-Mulej tal-ġid kollu li għamel magħna!

    Il-missjoni tal-praise, kif issejħulha intom, mhijiex xi ħaġa sekondarja fil-Knisja, imma hija fil-qalba tal-missjoni tal-Knisja. Ftakkru l-ewwel kelma tal-Innu ta’ Marija, Magnificat: “ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” u anke l-kantiku ta’ Żakkarija, Benedictus, “imbierek”. Ejjew niftakru li meta l-Mulej għallimna t-talba tiegħu, il-Missierna, għallimna ngħidu wkoll: “jitqaddes ismek”. U qalilna biex nitolbuha kuljum. Il-Knisja titlobha uffiċjalment tlett darbiet kuljum: filgħodu, filgħaxija u fl-Ewkaristija.

    Jien nixtieq illum nikkonfermakhom fil-missjoni tagħkom u nberikkhom, aħna u niċċelebraw l-erbgħin sena u dak li għamel il-Mulej permezz ta’ Dr John, aħna u naħsbu fis-snin li l-Mulej jislifilna, ilkoll kemm aħna. Jalla l-Mulej iqaddisna b’din il-missjoni ta’ tifħir u meta tiltaqgħu ma’ xi ħadd li ddeċida li lil Alla jkasbru f’ħajtu, ara ma jfettilkomx tibżgħu. Ir-reazzjoni tagħkom trid tkun tifħir lill-Mulej fil-qalb tagħkom u li titolbu għal dawn ħutna biex il-Mulej, bil-ħniena tiegħu, jurihom kemm hu sabih li tħobbu u tagħti ħajtek għalih f’tifħir u glorja lilu. Ammen. 
     

    ✝ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta