Nhar is-Sibt 23 ta’ Jannar, fil-Kurja, Floriana, l-Arċisqof Pawl Cremona O.P. laqa’ lil numru ta’ persuni involuti fil-ħidma ekumenika ġewwa l-Arċidjoċesi ta’ Malta. L-attivita’ – l-ewwel waħda tax-xorta tagħha – kienet organizzata mill-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana fl-okkażjoni tal-ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara.

F’kelmtejn ta’ merħba, Dun Hector Scerri, il-President tal-Kummissjoni Ekumenika radd ħajr lill-Arċisqof li għoġbu jilqa’ għandu grupp sabiħ ta’ persuni li huma lokalment impenjati fl-ekumeniżmu. Huwa qal kemm kien pożittiv is-Servizz Ekumeniku li sar il-Ħamis ġewwa St Andrew’s Scots Church, il-Belt Valletta, fejn kien hemm ambjent ta’ talb, fraternita’ u ta’ xhieda komuni. Huwa rrefera għal dak li ntqal fl-omelija li saret fis-servizz ekumeniku, li x-xhieda nisranija mhijiex messaġġ li sar esperjenza, imma esperjenza li saret messaġġ. U l-fatt tal-laqgħa soċjali tas-Sibt kien xhud ta’ dan.

Fil-messaġġ tiegħu, Monsinjur Arċisqof tkellem dwar kemm l-Insara minn Knejjes u komunitajiet differenti g]andhom jagħtu importanza għal dak li jgħaqqadhom u mhux dak li dwaru huma sfortunatament mifrudin. Huwa saħaq li x-xhieda li tingħata flimkien mill-Insara hija frott ta’ relazzjoni personali ma’ Ġesu’. Dan huwa li flimkien irridu nwasslu lis-soċjeta’, huwa temm jgħid.

Għal-laqgħa kienu preżenti l-membri tal-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana, tal-Malta Ecumenical Council, saċerdoti u pastors mill-Knisja Serba Ortodossa, u mill-Komunita’ Anglikana, u dik Luterana Evanġelika Ġermaniża. Preżenti wkoll kien hemm grupp mill-Azzjoni Kattolika (Fergħa Nisa) li huma membri tal-Ecumenical Forum of European Christian Women (EFECW).

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]

Jekk kont preżenti għal din l-attivita’, ħalli l-kummenti tiegħek.