• Il-Knisja tqis id-dehriet li jistgħu jkunu ta’ Ġesù, tal-Madonna jew tal-qaddisin, bħala don, bħala kariżma speċjali tal-Ispirtu. Għalhekk, aħna l-Insara rridu naċċettawhom, nilqgħuhom u nistħarrġuhom bħalma nistħarrġu bi gratitudni kbira u b’umiltà, kull don tal-Ispirtu. Tifhmu għalhekk li qegħdin nitkellmu fuq teżor kbir, u li rridu nużaw reqqa kbira biex nagħżlu dak li hu tajjeb minn dak li hu ħażin għax huwa qarrieqi.

    Id-Doni Spiritwali

    Nibda billi nagħti l-lista tal-appostlu Missierna San Pawl dwar id-doni spiritwali. Din hija silta mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Missierna lill-Korintin, kapitlu 12: “Ma rridkomx ma tkunux tafu, ħuti, dwar id-doni tal-Ispirtu … Hemm imbagħad diversi doni, imma l-istess wieħed hu l-Ispirtu; hemm diversi ministeri, imma l-istess wieħed hu l-Mulej; hemm diversi ħidmiet, imma l-istess Alla li jaħdem kollox f’kulħadd. Lil kull wieħed tingħata r-rivelazzjoni tal-Ispirtu għall-ġid ta’ kulħadd”. Hawnhekk, jibda jsemmi disa’ doni. “Lil wieħed kliem l-għerf, mill-istess Spirtu; lill-ieħor il-kelma tas-sapjenza mill-istess Spirtu; lil ieħor il-fidi mill-istess Spirtu; lil ieħor id-don tal-fejqan mill-istess Spirtu; lil ieħor is-setgħa tal-mirakli, lil ieħor id-don tal-profezija; lil ieħor id-don tal-għażla tal-ispirti; lil ieħor diversi ilsna; lil ieħor it-tifsir tal-ilsna. Dan kollu jaħdmu l-istess Spirtu wieħed, li jqassam lil kull wieħed kif jogħġbu” (1 Kor 12, 1.4-11).

    Dawn id-doni li Alla jagħtina mingħajr mertu tagħna, jagħtihomlna biex nagħrfu lilu u nħobbuh. Mela la huwa don tal-Ispirtu, l-għan prinċipali ta’ dehra ta’ Ġesù, tal-Madonna, ta’ qaddis huwa li jiena nagħraf lil Alla u nħobbu iżjed. Mela dawn id-disa’ doni li semma San Pawl, u li l-Knisja tilqa’, jinqasmu fi tliet tipi:

    1. L-ewwel tip huma doni li jingħataw biex nagħrfu l-ħwejjeġ ta’ Alla b’mod sħiħ: kliem

      il-għerf, il-kliem tas-sapjenza, il-fidi.

    2. Imbagħad hemm doni li jikkonfermaw il-ħwejjeġ ta’ Alla u juruna li dawn huma tassew ħwejjeġ ta’ Alla. Dawn huma d-don tal-fejqan u s-setgħa tal-mirakli. Hemm ukoll konferma li tiġi minn don speċjali li jagħti Alla biex ikun hemm tagħrif tal-ħwejjeġ tiegħu, u dan isir bid-don tal-profezija u bid-don tal-għażla tal-ispirti. Skont it-tagħlim tal-Knisja,

      id-dehriet jidħlu taħt id-don tal-profezija.

    3. L-aħħar żewġ doni huma doni tal-Ispirtu biex il-ħwejjeġ ta’ Alla jiġu mfissra sew. Dawn huma d-don tad-diversi ilsna u d-don tat-tifsir tal-ilsna.

    L-istudjużi jħarsu lejn il-bniedem u, bl-esperjenza tal-Knisja li llum għandha iżjed minn elfejn sena, jagħrfu li d-doni tal-Ispirtu s-Santu jaffettwaw ukoll il-kapaċitajiet tal-bniedem. F’liema sens? Hemm doni dwar l-għarfien, hemm doni li jingħataw lill-qalb, u doni li jidhru anke fil-ġisem ta’ dak li jkun. Id-dehriet huma don tal-Ispirtu dwar l-għarfien u jaffettwaw il-qawwa tal-għarfien ta’ dak li jkun, kif ukoll oħrajn bħal rivelazzjonijiet u d-dixxerniment tal-ispirti.

    Meta qed nitkellmu fuq il-qawwa tal-qalb, id-doni tal-Ispirtu huma tnejn: l-estażi u l-ħeġġa tal-imħabba – ħeġġa li ġejja direttament mill-Ispirtu s-Santu. Il-fenomeni fil-ġisem ta’ dak li jkun, li huma wkoll doni meta huma ġejjin mill-Ispiru s-Santu – u huma doni speċjali – huma l-istigmati fejn jidhru l-pjagi ta’ Ġesù fil-ġisem tal-qaddej tiegħu, dmugħ u għaraq tad-demm, u ċertu kapaċitajiet oħra li aħna nafuhom mill-esperjenza tal-qaddisin. San Ġużepp ta’ Copertino kien jinqata’ mill-art waqt it-talb; San Alfons Maria de Liguori nstab f’żewġ postijiet fl-istess ħin nhar il-21 ta’ Settembru 1774, ħaġa li xhud minnhom qalha wkoll dwar il-maħbub tagħna San Ġorġ Preca. Dun Ġorġ ma kienx jitkellem fuq dawn l-affarijiet imma għandna tagħrif dwar ċerti doni li Alla ta lil dan il-qaddis Malti. 

    X’inhi Dehra?

    Dehra, jew viżjoni, hija għarfien sopranaturali, jiġifieri ġejja minn Alla, ta’ xi ħadd – Ġesù, il-Madonna, San Ġużepp, xi qaddis ieħor – li huwa inviżibbli għalina b’mod naturali, imma fid-dehra, Alla jippermetti li dak li jiena ma narax b’mod naturali narah bl-għajnuna u bid-don tal-Ispirtu qaddis tiegħu.

    Il-Knisja tgħallem li hemm tliet kwalitajiet ta’ viżjonijiet:

    1. L-ewwel kwalità hija viżjoni sensibbli, jew dik li ngħidulha “korporali”, fejn dak li jkun jara

      ’l barra minnu bħalma ġralha Bernardette f’Lourdes, fejn ma ratx lill-Madonna

      fl-immaġinazzjoni tagħha imma ratha fl-għar, fil-grotta ta’ Massabielle. Jew inkella t-tliet rgħajja ta’ Fatima li raw lill-Madonna fuq is-siġra. Għalkemm ħaddieħor mhux qed jara

      d-dehra, min ingħata d-don speċjali, jara din id-dehra ’l barra minnu.

    2. Hemm ukoll viżjonijiet immaġinarji fejn Alla jippermetti li l-viżjoni ma narahiex ’l barra minni imma li jkolli impressjoni ċara fl-immaġinazzjoni tiegħi.
    3. Imbagħad hemm l-iżjed ħaġa elevata, li hija viżjoni intellettwali. Din tiġri lil ftit qaddisin li jifhmu xi ħaġa fl-intellett tagħhom mingħajr għajnuna ta’ xbihat. Allura, per eżempju, ikollhom persważjoni fuq is-Santissima Trinità, fuq l-Ewkaristija, fuq affarijiet tal-fidi li huma jifhmuhom b’viżjoni msejħa intellettwali. 

    Fil-qosor: Id-dehriet tal-Madonna, biex nagħtu eżempju, huma viżjonijiet sensibbli, li wieħed jarahom ’il barra minnu, imma li għandhom oriġini li trid tiġi minn Alla. Din tajjeb nispjegawha għaliex il-viżjonijiet jistgħu jiġu jew min-natural tal-bniedem – biex ngħiduha ċara: mill-problemi ta’ saħħa mentali – jew mix-xitan, li nsejħulhom “preternaturali”, ’il fuq min-natura imma mhux minn Alla, jew “sopranaturali” li ġejjin minn Alla. Mela dehra tista’ tiġi minn Alla u għalhekk hija vera, tista’ tiġi mix-xitan – u dak jaf jigdeb biss u jqarraq – u tista’ tiġi mill-problemi ta’ saħħa mentali.

    Id-dehriet huma don ta’ Alla mingħajr mertu tagħna, biex jiġu ikkonfermati l-ħwejjeġ divini b’tagħrif kariżmatiku, jiġifieri don tal-Ispirtu li jikkorrispondi għad-don tal-profezija li semma San Pawl. Dan mhux biex titħabbar duttrina ġdida iżda biex ireġi l-għemil tal-bniedem. 

    Id-Dehriet Marjani

    Id-dehriet Marjani m’għandhomx jiġu maħnuqa iżda mixtarra, u hawnhekk irrid nikkwota mill-ġdid lill-appostlu Missierna San Pawl fl-Ewwel Ittra lit-Tessalonkin, kapitlu 5: “Ixxekklux l-Ispirtu, tmaqdrux il-profezija, ippruvaw kollox; it-tajjeb żommuh, u, fuq kollox, warrbu kull xorta ta’ ħażen” (1 Tess 5, 19-22). Il-Konċilju Vatikan II, meta kellem lilna s-saċerdoti fid-dokument Presbyterorum Ordinis, qalilna: “is-saċerdoti għandhom ikunu jafu kif jiddixxernu liema spirti ġejjin minn Alla li jagħti lil-lajċi taħt diversi forom, għandhom jilqgħuhom bil-ferħ, għandhom imexxuhom bil-għaqal, fost il-ħafna doni li Alla jagħti lill-fidili jistħoqqilhom attenzjoni speċjali dawk id-doni li jqanqlu lil diversi għall-ħajja spiritwali iżjed għolja”. Il-Konċilju mill-ewwel imur għall-frott. Mela aħna mhux biex nagħmlu l-flus, imma biex nikbru fil-qdusija. 

    Tgħiduli imma għalfejn id-dehriet tal-Madonna? Qed ngħid tal-Madonna għaliex huma l-iżjed li huma qrib lejna, imma, per eżempju, dalwaqt niċċelebraw il-festa tal-Qalb ta’ Ġesù, li tfakkarna fid-dehriet ta’ Ġesù lil Santa Margerita Marija Alacoque, f’Paray le Monial fi Franza. Imma l-iżjed qrib tagħna, fis-seklu li għadda, għandna d-dehriet ta’ Fatima, u ftit qabel, id-dehriet ta’ Lourdes. Nieħu pjaċir nitkellem fuq Lourdes u Fatima għaliex qed nitkellmu fuq żewġ dehriet tal-Madonna approvati mill-Isqof tal-post u approvati wkoll mill-Knisja.

    Id-dehriet tal-Madonna għandhom jiġu milqugħa fl-isfond tar-rivelazzjoni definittiva, darba għal dejjem, li ngħatat lilna f’Ġesù Kristu. Mela d-dehriet tal-Madonna ma jżidu xejn ġdid mal-Vanġelu. Mhumiex neċessarji, imma huma għajnuna biex aħna ngħixu aħjar. L-aħħar kelmiet tal-Madonna fil-Bibbja kienu: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2, 5) u din se tibqa’ tgħidha sal-aħħar tad-dinja.

    Ħa naqralkom x’tgħid il-Knisja. “Alla qal kollox fil-Verb tiegħu”. Qed nikkwota mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika li l-qaddej t’Alla Ġwanni Pawlu II ħabbar u xandar fl-1992. Xogħol tal-Kardinal Ratzinger, illum il-Papa Benedittu XVI. Fin-numru 65 jgħid hekk:

    “Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti. Issa, f’dan l-aħħar żmien, huwa kellimna permezz ta’ Ibnu (Lh 1, 1-2). Kristu, l-Iben ta’Alla magħmul bniedem, hu l-Kelma Waħda u perfetta tal-Missier. Kelma li ma jistax ikun hemm oħra aqwa minnha. Fih, fi Kristu, il-Missier qal kollox, u mhux se jkun hemm Kelma oħra barra minnha. San Ġwann tas-Salib, wara tant oħrajn, ifissirha b’mod tassew imdawwal, huwa u jikkumenta mill-Ittra lil-Lhud:

    Miż-żmien li tana ’l Ibnu, li hu l-Kelma, il-Verb tiegħu, Alla m’għandux xi Kelma oħra x’jagħtina. Qalilna kollox f’waqt wieħed, f’daqqa waħda, f’din il-Kelma waħda … għax dak li qal biċċa biċċa lill-profeti qalu kollu f’Ibnu huwa u jagħtina dak kollu li hu Ibnu. Araw għaliex issa jekk xi ħadd irid jistaqsih xi ħaġa jew jixtieq minn għandu xi dehra, jew xi rivelazzjoni, mhux biss ikun jagħmel xi bluha, imma jkun ukoll joffendi lil Alla, għax ma jkunx qed jitfa’ ħarstu biss fuq Kristu, imma jkun ifittex xi ħaġa oħra jew xi ħaġa ġdida” (KKK 65).

    Dan hu l-kliem ta’ San Ġwann tas-Salib (mit-Trattat: It-Telgħa tal-Muntanja tal-Karmel). 

    Aħna nafu wkoll li d-dehriet Alla ppermettihom. Inħarsu lejn Fatima u nħarsu lejn Lourdes. Allura huwa importanti li, jekk ikun hemm dehriet, mhux biss nilqgħuhom bħala doni tal-Ispirtu s-Santu, għax lil Alla wara kollox ma nindaħlulux, hu s-Sid. Id-don jagħtih meta jrid u lil min irid. Għalhekk hemm bżonn li jagħtina l-qawwa li aħna nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin, u t-tagħlim tal-Knisja jgħid li Alla, li jagħti d-don lill-Knisja, jagħtiha l-qawwa tagħrfu għax ħafna drabi d-don ikun fost ħafna affarijiet oħrajn u inti trid tagħżel il-ġawhra vera minn ħafna oħrajn li jkunu biġotterija, tas-sold xelin.

    Ejjew nisimgħu mill-ġdid il-kelma li qal Ġesù lil San Pietru “Jiena ngħidlek, inti Pietru u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern”, inżid jien ‘bil-qerq tagħhom’, “ma jegħlbuhiex. Jien nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-Smewwiet” (Mt 16, 18-19). Mela l-qawwa li l-Knisja għandha tahielha Ġesù.

    Isimgħu dawn iż-żewġ kmandi li rċevejna minn żewġ appostli għeżież: San Pawl Missierna u San Ġwann. San Pawl jgħid hekk lit-Tessalonkin: “stħarrġu kollox, it-tajjeb żommuh”. Mela San Pawl qed jgħidilna li aħna għandna l-awtorità u l-kapaċità nistħarrġu d-doni tal-ispirti. San Ġwann jgħid hekk: “Għeżież, mhux lil kull xorta ta’ spirti għandkom temmnu. L-ispirti stħarrġuhom, biex taraw ikunux ġejjin minn Alla; għax kienu ħafna l-profeti foloz li ħarġu fid-dinja” (1 Ġw 4, 1).

    Id-Dixxerniment tad-Dehriet

    Id-dixxerniment tad-dehriet huwa neċessarju għal żewġ affarijiet. L-ewwelnett għax ir-rgħajja ma jistgħux joqogħdu b’idejhom marbutin u ma jitkellmux. Isimgħu x’jgħid San Pawl lill-presbiteri ta’ Efesu f’Miletu qabel jitlaq: “Ħudu ħsieb tagħkom infuskom u tal-merħla kollha li l-Ispirtu s-Santu għamilkom għassiesa tagħha biex tirgħu ’l Knisja ta’ Alla li hu kiseb b’demmu stess. Jien naf li wara li nitlaq jien, jidħlu fostkom ilpup qalila li lill-merħla ma jaħfruhiliex. U minn fostkom stess għad iqumu xi wħud li jgħallmu dak li hu kontra s-sewwa. Għalhekk iftħu għajnejkom, ftakru li għal tliet snin sħaħ, lejl u nhar, qatt ma waqaft inwissi bid-dmugħ f’għajnejja lil kull wieħed minnkom” (Atti 20, 28).  Mela San Pawl jgħidilhom: intom rgħajja, tridu tgħassu.

    San Pawl, ukoll fit-Tieni Ittra lill-Korintin, iwissihom dwar il-profeti foloz: “Dawk l-appostli foloz, ħaddiema qarrieqa, ibiddlu lilhom infushom f’appostli ta’ Kristu. Mhux għaġeb, għax Satana stess jitbiddel f’anġlu tad-dawl. Mhijiex ħaġa kbira, mela, jekk il-qaddejja tiegħu jitbiddlulek bħallikieku kienu qaddejja tal-ġustizzja. Iżda tmiemhom ikun skont għemilhom” (2 Kor 11, 13-15). Tmiemhom ikun skont għemilhom! Mela la għandna l-qawwa, għandu jsir id-dixxerniment. 

    L-ewwel ħaġa dwar id-dixxerniment hija regola importanti, dik li l-ebda dehra ta’ Ġesù Kristu, tal-Madonna, ta’ San Ġużepp, mhu se tkun kontra l-fidi. Anzi hija sottomessa għall-fidi li tħaddan u tgħallem il-Knisja Kattolika. Qed naqra l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, numru 67: “Tul iż-żminijiet kien hemm rivelazzjonijiet, hekk imsejħa ‘privati’ u xi wħud minnhom ġew magħrufa mill-awtorità tal-Knisja”, bħal ta’ Lourdes, ta’ Fatima, “iżda dawn mhumiex parti mid-depożitu tal-fidi.

    L-għan tagħhom mhux li ‘jtejbu’ r-Rivelazzjoni definittiva ta’ Kristu, jew li din issir ‘sħiħa’ permezz tagħhom f’xi żmien tal-istorja tal-bniedem. Il-fidili, immexxijin mill-Maġisteru tal-Knisja, jafu jagħżlu, bis-sens tagħhom, u jilqgħu dak li f’dawn ir-rivelazzjonjiet ikun sejħa vera ta’ Kristu jew tal-qaddisin tiegħu lill-Knisja” (KKK 67). Hawnhekk, il-Knisja qed tgħidilna li dawn ir-rivelazzjonijiet, dawn id-dehriet, mhu se jżidu xejn mal-Vanġelu, huma qegħdin hemm biex lilna jfakkruna fil-Vanġelu u biex lilna jgħinuna nilqgħu l-Vanġelu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum b’mod aħjar.

    Kif isir id-Dixxerniment

    Il-Knisja kif tagħżel minn dehra falza biex issib dehra awentika? Ikollha diversi dehriet – min jgħid li deherlu San Ġużepp, min deherlu San Alwiġi, min dehritlu l-Madonna … il-Knisja kif se tagħżel? Kif se tinduna l-Knisja fejn hemm l-id ta’ Alla?

    L-ewwel punt huwa li inti tiċċekkja x’sar u x’ġara tassew – din hija l-iżjed ħaġa elementari. Mhux biss l-għajdut, iżda l-esperjenza li ġrat u li għandha xhieda diretti li jaċċettaw li jiġu investigati u li jixhdu. Fix-xogħol tiegħi f’Ruma, kellna każ ta’ wieħed li kien jgħid li kellu l-pjagi. L-Isqof tiegħu sfortunatament ma riedx li jsiru eżamijiet fuq dan il-bniedem. Wara skoprejna li dan ma kellu xejn, kellu ż-żebgħa tad-dwiefer, u li kien jagħmel imbagħad deher bil-manikotti u kulħadd imur ibewwislu u ma kien hemm xejn ħlief żebgħa. Dan sakemm imbagħad kixfuh tiegħu stess għax iġġieldu bejniethom, kif jiġri, u nkixef kollox. L-iżball sar għax ma saritx l-investigazzjoni. Mela inti għax jgħidlek hu, inti temmnu?!

    San Alfons Maria de Liguori kien iħobb jirrepeti li l-parti l-kbira, mhux nofs imma l-maġġoranza tad-dehriet, huma foloz u ingann. Mela la din hija ġawhra prezzjuża, ma nsibhiex fit-triq u lanqas se nsibha kuljum. Fenomenu, ladarba ġara, jista’ jiġi minn waħda minn tliet kawżi: jista’ jkun li l-ħaġa ġejja mill-bniedem – mill-problemi ta’ saħħa mentali; tista’ jkun ġejja mix-xitan, li jrid iqarraq u jkidd lill-Knisja; u tista’ jkun ġejja minn Alla u jekk jiġi minn Alla, nilqgħuha.

    Wieħed jista’ biss jikkonkludi li fenomenu għandu kawża sopranaturali, jiġifieri li ġej minn Alla, jekk jiġi ppruvat li ma jistax jiġi minn kawża naturali jew minn kawża preternaturali.

    Tliet Aspetti ta’ Stħarriġ

    L-istħarriġ isir l-ewwel billi jsir stħarriġ fuq min qed jgħid li għandu d-dehra. Jekk huwa bniedem wieħed, jew huma tlett itfal, jew huma numru kbir, irid isir stħarriġ fuq min qed jgħid li għandu d-dehra. Hemm tliet aspetti li fuqhom huwa bbażat l-istħarriġ:

    1. l-aspett fiżjoloġiku,
    2. l-aspett psikiku, u
    3. l-aspett morali.

    Fir-rigward tal-aspett fiżjoloġiku, il-persuna tal-bniedem, importanti l-età. Dan għaliex it-tfal, u din kienet problema fil-każ ta’ Fatima, jimpressjonaw ruħhom u jimmaġinaw ħafna. It-tfal, dak li jaraw fuq it-television qisu qed jiġri quddiemhom, għax ma jafux jiddistingwu. Santa Tereża ta’ Ġesù kienet tgħid, fil-kotba tagħha: “aħna n-nisa niġu ngannati faċilment”. Jien hawnhekk qed nikkwota duttur tal-Knisja mingħajr ma rrid nonqos lil ħadd. Anke s-saħħa tal-persuna hija importanti, speċjalment jekk il-persuna għandha problemi ta’ saħħa mentali. Aħna nitolbu għal dawn il-persuni wkoll.     

    L-aspett psikiku huwa aspett ieħor importanti. Għalhekk inħarsu wkoll lejn it-temperament tal-persuna. Hawn min ikun melankoniku, hawn min ikun nervuż, hawn min ikun sangwinju, issib minn kollox. Imma l-melankoniku jiġi suġġett għall-illużjonijiet, skont l-għerf u t-tagħlim tal-Knisja;

    in-nervuż jimpressjona ruħu malajr; is-sangwinju jeċita lilu nnifsu malajr. Għalhekk irridu nqisu wkoll it-temperament ta’ min qed jgħid li qed jara l-viżjoni. Anke l-kwistjoni tad-dipressjoni trid tiġi kkunsidrata. Id-dipressjoni tista’ tgħaddi fuq kulħadd, u tiġi fost l-oħrajn, jew minħabba ħafna studju – u allura l-moħħ ikun għajjien – jew inkella, tgħid Santa Tereża, l-esaġerazzjoni fit-talb. Din kellha soru li tant kienet titlob li dgħajfet il-menti tagħha u bdiet tara ħafna viżjonijiet. Santa Tereża għamlitilha ubbidjenza ma titlobx iżjed, u ġiet f’tagħha. Kultant l-esaġerazzjoni, anke fit-talb, hija ħażina, u anke d-dixxiplina, il-penitenza esaġerata, għax jekk jiddgħajjef il-ġisem, jiddgħajjef ukoll l-ispirtu.  

    L-aspett morali. Il-Knisja tgħallem, u l-għorrief tal-Knisja jgħallmu, li Alla ma jagħtix ċerti doni lill-indenji, lil min qabel ikun qarraq jew daħaq bil-proxxmu. Għaliex? Mhux għax ma jħennx għall-midinbin, imma għaliex Alla jagħti don li mhux għal dak li jkun biss, u dan ikun irid jitwemmen. Jekk inti qarraqt ħajtek kollha bil-proxxmu, kif se titwemmen issa li qed tgħid li dehrlek San Ġużepp?! 

    It-tieni ħaġa dwar din il-kwistjoni tal-aspett morali hija li hemm bżonn pjetà ordinarja. Per eżempju, Bernardette ma kinitx xi qaddisa kbira meta dehritilha l-Madonna. Saret wara imma, għax llum ikkanonizzata, u ma saritx bis-sodod tal-pjumi imma bil-penitenzi! Hekk ukoll iż-żewġ rgħajja żgħażagħ ta’ Fatima li issa beatifikati, u anke Suor Lucia, kellhom ħajja eżemplari u ta’ qdusija.

    Fil-bidu kienu nies normali imma l-effett imbagħad kien ta’ qdusija straordinarja.

    Id-Dehra u l-Veġġent 

    Wara dan kollu, inħarsu lejn dak li jgħidilna li deher, u nistaqsu: “imma x’dehrlek, x’rajt?”. Hemm ċerti affarijiet li juruna mill-ewwel li d-dehra hija falza.

    Jekk id-dehra tiċħad verità tal-fidi, hija falza.

    Jekk toffendi l-morali tal-Knisja, hija falza.

    Jekk tmur kontra d-dixxiplina tal-Knisja, hija falza.

    Jekk tmur kontra r-raġuni, hija falza wkoll. Din kien jisħaq fuqha San Injazju ta’ Loyola għaliex Alla li ħalaq ir-raġuni mhux se jmur kontra r-raġuni li ħalaq hu.

    Anke jekk id-dehra tmur kontra s-sens komun, hija falza.

    Ħafna drabi ma tridx wisq biex tinduna li hemm il-qerq għax id-dehra ma tkunx skont is-sens komun. Imbagħad hemm affarijiet li jġagħluna nissuspettaw, għax hekk hu d-dover tagħna. Hemm xi ħaġa mhux tajba meta d-dehra tagħti messaġġ fqir jew banali fil-kontenut, jew li jonqos mir-rispett lejn Alla, jew inkella li jkun stravaganti bħal meta d-dehra toqgħod tgħid “x’jismu dak” jew “kif irid jissejjaħ”. Jew inkella twaqqa’ d-dehra għar-ridikolu jew għall-grottesk jew għas-singulari jew għall-kurjuż, jew inkella meta d-dehra ma jkollha l-ebda utilità reali.

    Wieħed irid jammetti li meta dak li jkun għamel din l-esperjenza tad-dehra, jitkellem dwarha, se jħallat affarijiet li verament kienu esperjenza ta’ Alla u affarijiet minn tiegħu. Dawn ġraw ħafna drabi lil diversi qaddisin, mhux għaliex ħalltu huma, imma għax meta jien qed nitkellem fuq dak li rajt, diffiċli nispjega u ħafna drabi nħallat ukoll elementi minni. Mela l-veġġent mhuwiex infallibbli, jista’ jħallat affarijiet personali ma’ dawk divini u jista’, fuq ċerti affarijiet, ikun ingannat.

    Iċ-Ċirkustanzi tal-Fenomenu

    Isir ukoll stħarriġ dwar iċ-ċirkustanzi. L-ewwelnett, id-dehra, jekk hi minn Alla, se jkollha dinjità u maestà kontinwa. Min jaqra kif Bernardette kienet tispjega d-dehra ta’ Lourdes, dejjem kienet titkellem fuq din is-Sinjura sabiħa li titbissem b’ċerta dinjità mingħajr ħafna esaġerazzjonijiet.

    Filfatt, il-Madonna, fl-ewwel dehriet lil Bernardette, lanqas kellmitha. Meta bexxitilha l-ilma mbierek, il-Madonna baxxiet rasha b’ubbidjenza lejn is-sagramentali tal-Knisja, u tbissmet. 

    Hemm ukoll l-aspett familjari li wieħed irid jistudja. Il-kwistjoni tal-kurżità, il-kwistjoni li persuna tkun trid toħloq din il-ħaġa biex tagħmel sensazzjoni, jew biex il-media jsiru jafu biha. Hemm ukoll l-aspett tal-ġbir tal-flus.

    Element ieħor huwa l-istħarriġ dwar l-effett tal-fenomenu. Xi frott qed iħalli dan li qed jgħidu li hija dehra vera? Ħa naqraw x’qal Ġesù Kristu l-ewwelnett: “Iftħu għajnejkom mill-profeti foloz; għax dawn jiġu għandkom libsin ta’ nagħaġ, u minn ġewwa jkunu lpup ħattafa! Mill-frott tagħhom tagħrfuhom. Jaqaw jiġbru għeneb mix-xewk, jew tin mill-għollieq? Hekk kull siġra tajba frott tajjeb tagħmel, imma s-siġra l-ħażina frott ħażin tagħmel. Siġra tajba ma tistax tagħmel frott ħażin, anqas siġra ħażina ma tagħmilx frott tajjeb. Kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar. Għalhekk mill-frott tagħhom tagħrfuhom” (Mt 7, 15-20).

    Meta nsemmu “l-frott tagħhom” naraw li jekk il-persuna saret iżjed umli u ubbidjenti, dan il-fattur jiġi kkunsidrat minn lenti pożittiva. Jekk il-persuna saret supperva u ribelluża, tiġi kkunsidrata b’lenti negattiva.

    L-Effett tal-Fenomenu fil-Poplu

    Wieħed irid iqis il-frott konness b’mod dirett. Dan għaliex ħafna drabi jgħidulek: ‘mort hemmhekk u kieku taf kif biddilt ħajti’. Imma inti biddilt ħajtek għax qerrejt, għax tqarbint, għax kien hemm saċerdot tajjeb u smajtu, u mhux bilfors għax veru hemmhekk dehret il-Madonna. Aħna nbierku l-frott imma ma nħalltux il-frott li jiġi mis-sagramenti tal-Knisja mal-frott li jiġi għax inti s-sagrament tal-Knisja ħadtu f’post partikolari. Inti kkonvertejt għax qerrejt. Jista’ jkun li mbagħad f’post imbierek bħal Lourdes, fejn il-Madonna ngħatat il-grazzja minn Alla li tkun strument ta’ fejqan, mhux fiżiku biss imma l-iżjed spiritwali, li inti Ommu trid tressqek lejn Binha s-Salvatur. Dak ix-xogħol u s-sodisfazzjon tagħha. Ma ninsewx li f’Lourdes il-mirakli jsiru waqt il-purċissjoni bis-Sagrament, u għalhekk wara s-Sagrament dejjem jimxu tliet tobba biex kif isir il-miraklu, huma jkunu jistgħu jiċċertifikaw, u sa fejn naf jien, hemm diġà xi 64 miraklu li saru f’Lourdes mill-1858 sal-lum (2009).

    Id-Dehriet mit-tagħlim ta’ San Ġorġ Preca

    Ejjew nisimgħu t-tagħlim ta’ San Ġorġ Preca dwar kif tinduna li dehra ġejja mix-xitan u dehra ġejja mis-sema, u tindunaw li dak li għidtilkom, San Ġorġ Preca ġabru f’folja waħda fl-1947, fil-ktieb tiegħu Il-Ktieb tas-Sinjali. Nibdew mid-dehriet tas-sema. San Ġorġ Preca jaqsam 17-il punt f’żewġ tipi – l-effett ta’ dehra mis-sema fuq min raha, imbagħad sinjali dwar dak li deher.

    Dan hu l-parir ta’ San Ġorġ Preca: “Dehra mis-sema tingħaraf mill-biża’ u mit-taħwid fil-bidu li malajr jitbiddlu f’ferħ u f’kalma tar-ruħ, mill-irfiħ tal-ħsibijiet f’Alla, mid-dispożizzjoni jew mit-tħejjija fir-ruħ għat-talb, mid-dawl u mill-kwiet li jitnisslu fir-ruħ, mill-umiltà profonda u sinċiera tar-ruħ, mill-mistħija li ġġarrab ir-ruħ hija u tgħid lid-direttur biss tagħha u mhux lil ħaddieħor, mir-ruħ iffavorita li taħseb li mhux għall-merti tagħha d-dehra li ġarrbet, mir-ruħ iffavorita li taħseb li m’għandha xejn ħlief miżerja, mill-imħabba li titnissel fir-ruħ lejn Alla, mill-ġibda lejn il-ħwejjeġ tas-sema li tiġi fir-ruħ, mis-sentimenti ta’ firda li tħoss ir-ruħ għall-ħwejjeġ tad-dinja, mix-xewqa għat-tagħkis u għall-penitenza, mill-qawwa għat-taħriġ tal-virtù.” Dawk huma 13-il punt li San Ġorġ Preca jagħtina biex min kellu dehra jinduna li ġejja minn Alla. Hu kellu l-esperjenza, kien jaf fuq xiex qed jitkellem.

    San Ġorġ isemmi wkoll erba’ punti biex inti tinduna jekk dak li rajt hux ġej minn Alla: “Mid-deċenza kbira tal-wiċċ u tal-qagħda u tal-atti fil-figuri li jidhru li jnisslu dejjem sentimenti ta’ purità kbira;

    mill-verità li jgħidu l-personaġġi li jidhru – qatt ma jgħidu gidba jew kontra t-tagħlim tal-Knisja; mill-qdusija li juru fi kliemhom il-personaġġi tas-sema; u mill-għemejjel, jew mill-kliem tal-personaġġi li jidhru, li qatt ma jkun fihom ħwejjeġ inutli iżda li jkun dejjem jiswew għar-ruħ u ta’ glorja lil Alla.”

    Id-Dehra li ġejja mix-Xitan

    Issa niġu għal lista li San Ġorġ jagħti fuq id-dehriet mix-xitan, u mill-ewwel tindunaw id-differenza.

    L-effetti f’min qed jara din il-viżjoni li tista’ tiġi mix-xitan, jiġifieri qerq: “mill-ferħ u mill-għaxqa li jinħassu fil-bidu, mill-inkwiet u mit-taħbit u mis-swied il-qalb li jiġu wara l-ferħ tas-sensi, mid-dlam u mit-taħwid tar-ruħ li jibqgħu f’dawk li li jilqgħuhom u ma jmaqdruhomx”.

    Jekk inti ma tiqfilhiex, ħaġa mix-xitan se tħawdek. “Mill-gost qarrieq fil-bidu li mbagħad iħalli r-ruħ imdejqa, iddiżgustata, niexfa u xejn imħejjija għat-talb, mit-toqol jew mid-dieqa li ġġarrab ir-ruħ sabiex tintrefa’ lejn Alla wara d-dehra mix-xitan, mill-kburija li titnissel fir-ruħ. Din iżżomm fiha sentimenti ta’ kburija u ta’ stima fiha nfisha, mix-xewqa li din ir-ruħ ikollha biex tgħid lil kulħadd kull ma rat u kull ma ġralha”. Dan qalu San Ġorġ Preca fl-1947. “Mid-dilettazzjoni u mill-gosti għall-imħabba impura, għal sentimenti tad-demm u l-laħam, mill-frugħa li jqanqlu fir-ruħ li rat id-dehra, mid-diżubbidjenza li tagħmel ir-ruħ għax tagħmel kif tifhem u ma tagħtix każ tal-pariri, mill-ispaċenzja tar-ruħ għax ma tissaporti ebda tmerija, min-nuqqas ta’ mħabba tar-ruħ lejn l-oħrajn billi tmaqdarhom u ġġib lilha nfisha ħażin magħhom, minn nuqqas ta’ tgħakkis tar-ruħ wara d-dehra, mill-ġid spiritwali li r-ruħ jidhrilha li tkun ħadet li dan malajr jgħaddi wara li tispiċċa d-dehra u fiha ma jibqa’ xejn ta’ ġid għar-ruħ”. Mela dawk huma l-effetti ta’ min ra dehra mqarrqa u ta’ qerq mix-xitan.

    Erba’ punti li juruk f’dak li dehrlek li ġej mix-xitan: “mill-imperfezzjonijiet jew id-difetti tal-figura li tidher u speċjalment fil-wiċċ, fl-idejn u fis-saqajn li xi drabi jkollhom anke mill-annimali; mill-kliem tal-figura li tidher għax tgħid ħwejjeġ mhumiex veri, jew inutli, jew fiergħa, jew li jagħmlu ħsara fir-ruħ; mill-qerq li bih il-figura tħallat ħwejjeġ veri għax ix-xitan giddieb; u ħwejjeġ foloz biex ir-ruħ temmen ukoll il-ħwejjeġ qarrieqa u foloz.” Mela li jagħmel hu li jgħidlek biċċa verità u mbagħad jagħmillek sarima ta’ falzità u inti temmen kollox. “Mill-ħarba jew mit-tqanqil ta’ biża’ li jagħmlu figuri li jidhru mix-xitan għas-sinjal tas-salib, jew għar-raxx tal-ilma mbierek, jew għal kliem Verbum Dei caro factum est”.

    L-Aħħar Sinjal: Il-Miraklu

    X’inhu l-aħħar sinjal li titlob il-Knisja? Għaliex minkejja dak kollu li għidna, xorta ma jistax jeħlisna minn xi ingann, u għalhekk intom tifhmu li l-Knisja, qabel tgħid li hemm l-id t’Alla, għandha dmir toqgħod attenta. Imma hemm mod kif Alla lill-Knisja juriha li hekk irid, u dan hu don speċjali għal-lum, u huwa l-miraklu. Jekk Alla jippermetti miraklu marbut mad-dehra – mhux mal-Madonna li dehret imma mad-dehra – il-Knisja għandha konferma, bl-istess mod li jkollha konferma fuq il-qdusija tal-qaddejja ta’ Alla permezz tal-istħarriġ li tagħmel.

    Fuq San Ġorġ Preca, il-Knisja għamlet stħarriġ fuq il-ħajja tiegħu u qalet: “dan għex ħajja qaddisa”. Imma dan ma kienx biżżejjed għax minkejja l-istudju bir-reqqa li sar, xorta setgħet tkun ingannata.

    Il-Knisja riedet konferma għal darba, darbtejn, qabel tgħid li Dun Ġorġ Preca huwa qaddis. Propju għalhekk approvat il-miraklu ta’ Zammit Endrich u l-miraklu tat-tifel. Mingħajr dawk iż-żewġ mirakli ma kienx ikollna San Ġorġ Preca – mhux għax mhux qaddis imma għax il-Knisja titlob minn Alla konferma tad-dixxerniment tagħha, u dan isir ukoll fid-dehriet.

    Fil-fatt, id-dehriet ta’ Lourdes u ta’ Fatima ġew ikkonfermati mill-mirakli. Lourdes bil-mirakli tal-fejqan – l-ewwel miraklu ta’ dak it-tifel li kien qed imut bil-paraliżi u ommu ħaditu mill-ewwel u ħaslitu fin-nixxiegħa li kienet fetħet Bernardette, u fieq mill-ewwel. Imbagħad il-miraklu ta’ Fatima fit-13 ta’ Ottubru 1917, li rawh eluf ta’ nies, il-miraklu tax-xemx. Dak kien differenti għax kien miraklu tan-natura, imma miraklu li l-bniedem ma jistax jorganizzah.

    L-Approvazzjoni tal-Knisja

    Xi tfisser għan-Nisrani l-approvazzjoni li l-Knisja tagħti lil xi dehra? Nieħdu per eżempju ż-żewġ dehriet tal-Madonna li l-Knisja approvat: Lourdes u Fatima. Xi tfisser għalina dik l-approvazzjoni? Fiha tliet elementi:

    1. L-ewwelnett, il-Knisja qed tiggarantilek li l-fenomenu mistiku u l-messaġġ tiegħu ma fih xejn li jmur kontra l-fidi, u mhux se jtellfek mill-fidi. Mela l-Knisja qed tagħti garanzija.
    2. It-tieni, tista’ titkellem dwaru, tfaħħar lil Alla tiegħu. Fil-każ tagħna s-saċerdoti nistgħu nsemmuh fl-omeliji.
    3. It-tielet, l-Insara wkoll huma awtorizzati jafdaw u jemmnu b’fidi umana, imma fidi umana f’dan id-don mingħajr ma jagħmluh ikbar mill-Vanġelu.

    Id-dehriet awtentiċi mhumiex oġġett ta’ fidi Kattolika. Min ma jemminx fihom