• Is-Sibt 23 ta’ Jannar 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa t-Translazzjoni tar-Relikwa, Għasar u Quddiesa, fis-Solennità tal-Konverzjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl, it-titular tal-Katidral, fil-Katidral tal-Imdina. Fil-Quddiesa l-Arċisqof ħatar ħames Monsinjuri ġodda li huma: Monsinjur Charles Cordina, Monsinjur Frans Abdilla, Monsinjur Joseph Bajada, Monsinjur Charles Attard, u Monsinjur George Grima. Ingħata ukoll unur mill-Papa Franġisku lis-Sur Lorenzo Zahra (Senior), għall-ħidma u d-dedikazzjoni tiegħu għal bosta snin fil-Kurja tal-Arċisqof.

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Katidral tal-Imdina

    23 ta’ Jannar 2016

    “Sawl, ħija, il-Mulej Ġesù, li deherlek fit-triq inti u ġej hawn, bagħatni biex inti terġa’ tieħu d-dawl u timtela bl-Ispirtu s-Santu” (Atti  9, 17).  Dan huwa l-kliem ta’ Ħananija li Pawlu, jew Sawl stess, jiddeskrivih bħala wieħed rispettat fil-komunità kollha ta’ Damasku, b’mod speċjali fl-ambjent tal-komunità tiegħu li kienet il-komunità Lhudija.

    Aħna nġarbna hawnhekk illum biex niċċelebraw avveniment li seħħ tassew elfejn sena ilu u li sar f’Damasku, is-Sirja. Hija stedina partikolari għalina biex nitolbu għal din l-art imtertqa bi gwerra kiefra, u b’mod speċjali nitolbu għall-belt ta’ Damasku li għadha sal-lum il-belt prinċipali tas-Sirja. Nitolbu b’mod speċjali llum, bl-interċessjoni ta’ Missierna San Pawl, biex il-post fejn tgħammed fit-triq id-Dritta ġo Damasku jibqa’ jeżisti, u ma jinqeridx bħalma nqered wieħed mill-eqdem monasteri li kien hemm fl-Iraq – monasteru Nisrani tas-sitt seklu li nqered mill-ISIS il-ġimgħa li għaddiet. Aħna rridu nitolbu lil San Pawl biex mhux biss it-tifkira tiegħu, imma wkoll il-prezenza Nisranija fis-Sirja, fl-Iraq, tibqa’ realtà. Nafu li qegħdin nitolbu xi ħaġa li għalina tidher diffiċli ħafna.

    Ejjew naħsbu ftit fuq il-messaġġ fundamentali tal-kliem ta’ Ħananija lil Sawl. Kif tafu, l-Appostlu Missierna kellu żewġ ismijiet: wieħed Lhudi, Sawl, li kien ifakkar fir-Re Sawl ta’ qabel David, u Paulus li kien l-isem tiegħu bħala ċittadin Ruman. Mela mhux kwistjoni li meta tgħammed ħa l-isem ta’ Pawlu, għaliex dejjem kien Sawl u Paulus. L-isem Paulus bil-Latin ifisser ċkejken, għax il-Latini ma kellhomx ħafna imaġinazzjoni fuq l-ismijiet, mhux bħal-lum.

    Ir-Rumani kienu jgħidu PrimusSecundus, Tertius. Mela jekk twieled l-ewwel tifel, l-ewwel wieħed Primus, it-tieni Secundus, it-tielet Tertius. Paulus, jekk ikun ċkejken jgħidlu Paulus, żgħir. L-appostlu Missierna ma kellux għalfejn li xi ħadd ifakkru li kien ċkejken, għax hu stess jgħid: ‘jiena ma nafx kif stajt inġib is-sudizzjoni lill-Korintin għax kont bla xagħar,’ kien qargħi kien qasir, u kien itemtem ftit ukoll.

    “Sawl, ħija, il-Mulej Ġesù li deherlek fit-triq inti u ġej ’l hawn”. Din hija fundamentali għaliex l-Appostlu Missierna seta’ jgħid mal-appostli l-oħra, ‘jien iltqajt miegħu, jiena rajtu, kellimni!’ U din l-esperjenza qawwija lill-appostlu Pawlu tagħmlu xhud qabel kollox. Mela Pawlu huwa xhud tal-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet għax kelmu Ġesù rxoxt, u fl-istess ħin huwa mibgħut, għalhekk appostlu. Mela huwa martri, huwa xhud, li huwa mibgħut.  

    Nixtieq li nirriflettu ftit fuq il-fatt li dawn iż-żewġ kelmiet jgħoddu għalina wkoll. Aħna msejħin biex inkunu xhieda ta’ Ġesù, u ma nibżgħux nuru li aħna Nsara bil-mod kif ngħixu, kif nitkellmu, kif inġibu ruħna, bid-deċiżjonijiet li nieħdu…hekk trid tkun xhud. Il-martirju, li inti xxerred demmek għal Ġesù hija vokazzjoni li fil-Knisja se tibqa’ dejjem, imma mhux għal kulħadd.

    Illum infakkru wkoll lil ħutna Nsara li f’din l-aħħar sena nqatlu għax huma Nsara. Fil-ġurnata mqaddsa tal-lum, hemm bnedmin li jinqatlu għax huma Nsara – huma l-martri ta’ żmienna. Imma aħna m’hemmx għalfejn ikollna ċ-ċarċir tad-demm biex inkunu martri, xhieda – martri tfisser xhud. Kemm żgħażagħ tagħna li jagħmlu l-Griżma, imma mbagħad meta jibdew jitfarfru, jistħu jgħidu li jemmnu f’Ġesù minħabba l-peer pressure. Jiena rrid nagħmlilhom kuraġġ liż-żgħażagħ biex ma jistħux mill-isem qaddis tal-Mulej Ġesù!   

    Pawlu mhux biss xhud għax ra lil Ġesù, iltaqa’ miegħu fit-triq ta’ Damasku, imma wkoll appostlu mibgħut. Aħna wkoll mibgħuta fl-ambjenti differenti tal-ħajja u skont il-vokazzjoni tagħna, biex inwasslu l-bxara t-tajba tal-Mulej. Il-Mulej miet għalik, il-Mulej qam mill-imwiet għalik, il-Mulej iħobbok.

    Jolqotni ħafna l-fatt li dan il-messaġġier ta’ Damasku, Ħananija, li mbagħad għammed lil Sawlu, Pawlu, l-isem tiegħu [Ħananija] jfisser Alla jħenn. Huwa verżjoni oħra ta’ Joħannan imma minflok prefiss li jfakkar fil-Mulej, hemm is-suffis Ħananija, ‘il-Ħniena tal-Mulej.’

    F’din is-Sena tal-Ħniena nirringrazzjaw lill-Mulej tal-ħniena li wera ma’ Sawlu, ma’ Pawlu l-appostlu Missierna, għax il-ħniena li wera miegħu, aħna ggwadanjajna minnha. Hu kien li ġie f’dan l-ambjent x’aktarx tal-Mdina fejn il-Protos kellu d-dar tiegħu, fejn Pawlu għamel il-miraklu tal-fejqan ta’ missier Publiju, u l-Maltin, kull min kien marid, ġew għandu u mal-fejqan ħadu l-fidi.

    Ejjew nitolbu biex, bl-interċessjoni tal-appostlu Missierna San Pawl, il-fidi fi Kristu tibqa’ wkoll għalina għajn ta’ fejqan.

    ✠ Charles J. Scicluna

         Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Silvio Pace