Waqt l-Assemblea Djoċesana 2009 li tlaqqghet fiċ-Ċentru Parrokkjali ta’ Ħ’Attard bejn id-9 u l-10 ta’ Ottubru, l-Arċisqof Pawlu Cremona, inawgura l-verżjoni diġitali tal-gazzetta IL-ĠENSillum, u l-website l-ġdida tal-Knisja f’Malta. Għal aktar informazzjoni dwar il-ĠensIllum żur is-sit www.mediacentre.org.mt Inżel ‘l isfel biex taqra aktar dwar l-Assemblea Djocesana.

L-ASSEMBLEA DJOĊESANA X’INHI?

L-Assemblea Djoċesana hi l-ġrajja ta’ darba fis-sena li tlaqqa’ flimkien, taħt il-presidenza tal-Arċisqof Pawlu Cremona OP, lill-mexxejja u rappreżentanti oħra tal-oqsma kollha tal-Knisja f’Malta. Fost dawn insibu l-membri tal-kunsill presbiterali u tal-kunsill pastorali djoċesan, il-provinċjali tal-kongregazzjonijiet reliġjużi, id-delegati fis-segretarjati u l-kummissjonijiet djoċesani, il-kappillani, il-mexxejja tal-għaqdiet u l-movimenti tal-Knisja, il-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja u l-membri tal-kummissjonijiet għall-implimentazzjoni tas-Sinodu, u diversi persuni oħra minn oqsma differenti tal-ħajja.

L-Arċisqof, fi stedina personali lill-membri tal-Assemblea Djoċesana, sejjaħ lill-Assemblea avveniment ‘importanti ħafna fil-ħajja tal-Arċidjoċesi’. Hu tenna x-xewqa li l-Assemblea tkun ‘esperjenza ekkleżjali sabiħa fejn nagħrfu li hu l-Mulej li jrid imexxina u minna jitlob li niftħu qalbna għalih u nħejjulu t-triq.’

Din hi s-sitt Assemblea Djoċesana minn meta ntemm is-Sinodu Djoċesan fl-2003. Fi tmiem is-Sinodu, kien ġie deċiż li l-Assemblea titlaqqa’ kull sena biex tkompli tmexxi ‘l quddiem l-ispirtu tas-Sinodu u l-implimentazzjoni tiegħu, u tkompli tkun okkażjoni ta’ diskussjoni libera u kostruttiva fi ħdan il-Knisja f’Malta.

Fil-fatt, lil min ħa sehem fl-Assemblea, intbagħat Rapport għall-ewwel sena tat-Twettiq tal-Pjan Pastorali 2009-2011.  Dan ir-rapport jieħu biċċa biċċa l-Pjan Pastorali għal dawn it-tliet snin, li kien imniedi fil-bidu ta’ din is-sena, u jara dak li twettaq s’issa mill-proġetti msemmija, dak li qed isir, u dak li għad irid isir.  Dan ir-rapport għandu jservi bħala bażi għall-evalwazzjoni li ssir kemm waqt l-Assemblea kif ukoll aktar tard fis-sena.

Dan l-eżerċizzju issa ilu jsir b’mod regolari mis-Sinodu Djoċesan ‘l hawn, u r-rapporti li ġew ippubblikati kull sena juru kemm saret ħidma sfiqa f’diversi oqsma li d-dokumenti tas-Sinodu kienu indikaw bħala importanti għall-Knisja u l-kontribut tagħha fis-soċjeta’ Maltija. Eżempju wie]ed hu l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali, wieħed mill-proġetti ewlenin tas-Sinodu Djoċesan, li twaqqaf frott tas-Sinodu u li llum qed joffri korsijiet ta’ formazzjoni f’diversi oqsma, flimkien ma’ entijiet oħra fil-Knisja.  Il-prospectus għas-sena akkademika l-ġdida, li l-Istitut għadu kif ippubblika, hu xhieda ta’ dan.

Fir-raport, hemm ukoll spjegat dak li sar s’issa tul il-Viżta Pastorali li l-Arċisqof qed jagħmel fil-parroċċi f’Malta, u li bdiet f’Jannar ta’ din is-sena.  Il-Viżta Pastorali hi l-proġett prinċipali tal-Pjan Pastorali 2009-2011, u l-mira hi li sa tmiem il-Pjan, l-Arċisqof ikun żar il-parti l-kbira tal-parroċċi. Minn Jannar sa issa, l-Arċisqof żar ħmistax-il parroċċa, u hu ppjanat li sa tmiem is-sena jżur sitta oħra.

Minbarra l-evalwazzjoni tar-rapport tat-twettiq tal-Pjan Pastorali 2009-2011, l-Assemblea Djoċesana ta’ din is-sena se tiffoka fuq żewġ temi relatati. Nhar il-Ġimgħa, is-Segretarjat għall-Katekeżi se jippreżenta l-Viżjoni għall-Katekeżi fil-Knisja f’Malta u nhar is-Sibt id-dokument fuq l-edukazzjoni reliġjuża.  Dan id-dokument, bit-titlu ‘Religious Education. The Way Forward’, hu dokument ta’ policy imħejji mis-Segretarjat għall-Katekeżi wara proċess ta’ konsultazzjoni li nbeda b’mod pubbliku fil-Konferenza li saret fit-12 ta’ Ġunju 2008.  Intgħażlu dawn iż-żewġ temi għax imissu oqsma kruċjali għall-ħajja tal-Knisja f’Malta bħalissa u fis-snin li ġejjin.

L-Assemblea Djoċesana hija okkażjoni ta’ informazzjoni, parteċipazzjoni mifruxa, accountability u valutazzjoni, u li din l-esperjenza tkompli tiċċara d-direzzjoni pastorali tal-Knisja f’Malta.

Wara l-Assemblea Djoċesana, jibdew jiġu organizzati l-Assemblej parrokkjali fil-parroċċi kollha ta’ Malta.

AGĦFAS HAWN biex tniżżel ir-rapport ‘It-Twettiq tal-Pjan Pastorali 2009 – 2011’

AGĦFAS HAWN biex tniżżel il-preżentazzjoni ‘Orjentazzjonijiet lejn pjan ta’ katekeżi organika sistematika integrali’