• Nhar il-Ħadd 10 ta’ Jannar 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa f’għeluq l-400 sena mit-twaqqif tal-Parroċċa ta’ Ħaż Żabbar, fil-Knisja Parrokkjali tal-istess parroċċa. 

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali, Ħaż Żabbar

    10 ta’ Jannar 2016

    “Ġej wieħed aqwa minni … hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar” (Lq 3, 16). IIlum fil-festa tal-Magħmudija tal-Mulej, qegħdin niċċelebraw it-tema ta’ din il-kelma u din il-profezija ta’ Ġwanni li aħna nafuh bħala Ġwanni l-Battista, dak li l-Mulej sejjaħ, sa’ minn ġuf ommu, biex iħejji l-poplu mimli ħeġġa għall-Mulej biex ikun l-leħen fid-deżert jgħajjat “ħejju t-triq għall-Mulej” (Lq 3, 4).

    Ġwanni l-Battista, b’umiltà kbira imma anke b’realiżmu kbir, ma setax jieqaf fl-indiema u l-penitenza, “Jiena ngħid għalija ngħammidkom bl-ilma”. Il-Magħmudija li hu ppropona lin-nies ta’ żmienu kien rit ta’ umiltà kbira li kien ifisser l-istqarrija tad-dnub u fehma sħiha li tibdel ħajtek, moħħok u qalbek. Imma dan ma kienx it-tmiem tal-proposta tal-Mulej. “Ngħid għalija ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar” (Lq 3,16).

    Min hu dan li jgħammidna bl-Ispirtu s-Santu u n-nar? Huwa Ġesù ta’ Nazaret li bħal-lum fil-Magħmudija tiegħu, ta’ tletin sena, hu u jħalli s-sengħa tiegħu ta’ mastrudaxxa u jħalli l-villaġġ ta’ Ommu, f’Nazaret, jibda tliet snin li kellhom iwassluh sa fuq il-għolja tal-Golgota, sal-qabar, u sar-reżurezzjoni, sal-qawmien mill-imwiet. Hu bdiehom bħal-lum fil-Magħmudija tiegħu, jitħallat man-nies ta’ żmienu, jidħol fil-kju ta’ dawk li qed jitolbu l-magħmudija ta’ Ġwanni, il-magħmudija tal-indiema, hu li ma kellux dnub u jinżel fl-ilma, jitgħabba bid-dnub tagħna, bin-niket tagħna, bil-mard tagħna u Hu joħroġ mill-ilma jerfagħna miegħu. Ismu, Ġesù, ifisser Alla jsalva. 

    Imma bħal-lum jieħu t-tieni isem tiegħu – Kristu. Huwa f’dan il-misteru li qegħdin niċċelebraw llum li Ġesù jsir Ġesù Kristu, il-midluk tal-Mulej, il-Messija. Dawn it-tlett kelmiet huma l-istess kelma fi tlett lingwi differenti: Hristosbil-Grieg, midluk bil-Malti u anke Kristu, u Messija. Meta tgħid Ġesù Kristu, qed tgħid Ġesù l-Messija, Ġesù, il-midluk tal-Mulej. Id-dilka mhijiex biż-żejt imma bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu ta’ Ġesù stess li hu jikkommunikah lilna fil-Magħmudija. Ir-rit tal-Magħmudija li aħna nirċievu meta aħna żgħar, jgħaqqad is-simboli tal-Magħmudija ta’ Ġwanni bit-traxxix tal-ilma, imma wkoll id-dilka biż-żejt ikkonsagrat. F’dak il-mument, it-tarbija jew l-adult isir Kristjan, midluk ieħor, l-iben ta’ Alla adottiv. Mhux biss fuq il-Mulej Ġesù jinżel l-Ispirtu s-Santu u jinstema’ l-leħen tal-Missier “Inti ibni l-għażiż” imma fuq kull tarbija, kull adult li jitgħammed. 

    Aħna nġbarna hawnhekk illum biex niċċelebraw b’mod solenni l-400 anniversarju minn meta din il-komunità bdiet teżisti bħala komunità parrokkjali u li kellha d-dritt ikollha l-battisteru tagħha. Għandkom ix-xorti li l-battisteru li missirijietkom ħadmu 400 sena ilu u li żżanżan qrib is-sajf ta’ 400 sena ilu, u li fuqu għandu l-arma tal-Isqof Cagliares, għadu magħna, qiegħed f’parti minn din l-esebizzjoni. Huwa monument tal-vokazzjoni tagħkom li tkunu parroċċa.

    Imma xi tfisser li tkun parroċċa? Missirijietkom, meta talbu lill-Isqof Cagliares biex issiru parroċċa,  ikkonvinċewh b’argument sempliċi imma qawwi ħafna. Uħud minn missierijitkom kienu qegħdin jagħlqu għajnejhom għal din id-dinja mingħajr ma jilħqu jirċievu s-sagramenti tal-Knisja u lill-Isqof Cagliares, ir-rappreżentant tagħkom li bħalkom kien bniedem għaqli, irnexxielu mill-ewwel u għamel sew. Ġabu wkoll ix-xhieda tal-familji ta’ dawk in-nies li kienu mietu mingħajr ma kellhom il-komfort tas-saċerdot.

    Nistedinkom tifhmu l-għatx ta’ missierijietkom għas-sagramenti tal-Knisja u għall-preżenza tas-saċerdot. Ifhmu li dan l-għatx huwa għatx qaddis u li llum qegħdin niċċelebraw ir-risposta għal dan l-għatx, l-għatx li kull wieħed u waħda minnkom, l-għeżież tagħkom anzjani u trabi li ġġibu fid-dinja, ikolhom il-faraġ tat-tgħannieqa tal-Mulej u tal-preżenza tas-saċerdot – saċerdot li hu wieħed minnkom bid-difetti ta’ kull wieħed u waħda minna, imma xorta saċerdot.   

    X’isem tieħu l-komunità? Parroċċa! L-isem Parroċċa huwa isem partikolari ħafna, ifisser komunità li meta taħseb fil-ġenna, taħseb fil-ġenna bħala pajjiżha. Mhux għax Malta mhux pajjiżna, imma waqt li aħna f’din l-art kburin li aħna Maltin, membri u ċittadini tal-istat Malti, tar-Repubblika ta’ Malta, nafu wkoll li aħna msejħin għall-eżistenza li tmur ’l hemm minn din id-dinja, u tmur ’l hemm minn din il-ħajja. B’din il-fidi, aħna nwasslu l-għeżież tagħna ċ-ċimiterju fid-difna, wara t-tislima tal-Knisja, din il-fidi fis-sema pajjiżna.

    Parruċċan bil-Grieg paroikos huwa xi ħadd li jgħix fid-dinja qisu barrani, mhux għax ma jimpenjax ruħu fid-dinja, imma għax jaf li għandu pajjiż li qed jistennih: il-ġenna. U meta tkun konvint minn din il-ħaġa, ħajtek fuq din l-art ikollha togħma differenti, togħma ta’ sbuħija, ta’ responsabbiltà, imma wkoll għatx għall-imħabba li ma tispiċċa qatt, għall-imħabba ta’ Alla.

    “Inti Ibni l-għażiż, fik sibt l-għaxqa tiegħi” (Lq 3, 22). Il-Mulej jgħid din il-kelma fuq kull wieħed u waħda minna u qalha fuq Ġesù, l-Iben tiegħu magħmul bniedem biex aħna ma naqtgħu qalbna qatt. Ħa nirrepeti espressjoni bl-Ingliż li f’dawn il-ġranet tolqotni ħafna iżjed minn qatt qabel. ‘Every saint has a history, every sinner has a future’. Jiena napplikaha għall-parroċċa, din il-parroċċa li hija komunità ta’ qaddisin. 

    Fl-istorja tagħna għandna l-paġni sbieħ u l-paġni inqas sbieħ, u ma nafx kemm nistgħu ngħidu li aħna saints, u aħjar ngħidu li aħna sinners. Ejjew ma naqtgħux qalbna bil-piki ta’ bejnietna, bid-difetti li nistgħu nsibu, mill-kleru sa’ l-inqas wieħed fil-komunità Nisranija. Jiena qiegħed hawn biex nirringrazzja l’Alla f’isimkom u magħkom tal-400 anniversarju mit-twaqqif ta’ din il-parroċċa, waqt li nsellem liż-Żejtun li minnu ħriġtu u li kuntenti li huma matriċi, jiġifieri llum, għall-grazzja t’Alla, kulħadd qiegħed jifraħ.

    Jiena qiegħed hawn ukoll biex nitlob lil Alla li din il-komunità jkollha futur. L-Arċipriet fil-messaġġ tiegħu, fil-bidu, ġabar il-kelma li tagħti futur lil din il-parroċċa għażiża: evanġelizzazzjoni – li aħna nkunu bxara tajba, evanġelju dak li tfisser, bxara tajba lil xulxin u lis-soċjetà tagħna. Kif qal l-Arċipriet, Dun Evan, aħna jibqa’ jkollna messaġġ li għadu attwali, u kif nistgħu nagħmlu hekk? Billi aħna nagħtu xhieda ta’ dak li nemmnu! Ħija l-għażiż, oħti l-għażiża,kif tista’ tgħid li inti devot ta’ Sidtna Marija, medjatriċi tal-grazzji kollha, jekk imbagħad inti mbiegħed mill-għajn tal-grazzja li huwa Ġesù Kristu? 

    Qimuha lill-Madonna, fl-istatwa ħelwa li għandkom u fil-kwadru titulari meraviljuż, imma tinsewx li hija l-parroċċa wkoll li hija omm li welditkom għall-ħajja tal-grazzja. Dak il-fonti, illum tużaw fonti ieħor, li għalih tħabtu missierijitkom, huwa l-vokazzjoni li inti twelled fi Kristu Nsara ġodda. Min jaf kemm irjus inħaslu f’dak il-fonti u saru Nsara, ulied adottivi ta’ Alla, imsejħa għal qdusija tal-ħajja u għal destin sabiħ li ma jintemm qatt. Feġġet it-tjieba ta’ Alla Salvatur tagħna u l-imħabba tiegħu għall-bnedmin. Hu salvana bil-ħasil tat-twelid ġdid u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu.

    Jiena u nifraħ magħkom għal dan ir-raba ċentinarju mit-twelid tagħkom bħala parroċċa, nawguralkom mill-qalb, bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija, medjatriċi tal-grazzji kollha, li intom tassiguraw lilkom infuskom u lill-uliedkom futur sabiħ fejn aħna nkomplu nixxenqu għas-sagramenti li laqqgħuna ma’ Ġesù, nibqgħu nitolbu lill-Knisja biex tkun qrib il-ħajja tagħna, wara kollox kien dan l-għatx taż-Żabbarin li, bħal-lum erba mitt sena, irċieva risposta feliċi li llum qegħdin niċċelebraw bi gratitudni.

     Charles J. Scicluna

         Arċisqof ta’ Malta  

  • Ritratti: Raymond Gialanze