Segretarju tal-Kunsill tal-Arċisqof

Dott. Godwin Grima B.A.(Rel. Stud.), LL.D., LTCL

Dott. Godwin Grima twieled Birkirkara fid-29 ta’ April 1955, u rċieva l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ San Alwiġi. Huwa ggradwa bħala Nutar fl-1978 u serva f’diversi karigi fis-Servizz Pubbliku sakemm laħaq l-età tal-pensjoni fl-2016. Iggradwa wkoll B.A. (Rel Stud) fl-1997.

Sa minn meta kien għadu żagħżugħ, Grima ħa l-formazzoni reliġjuża tiegħu fl-Azzjoni Kattolika fejn serva wkoll bħala Segretarju Ġenerali tal-istess AKM. Kien u għadu wkoll involut fil-parroċċa fil-qasam tal-liturġija. Huwa kien President tal-FORUM tal-Għaqdiet u Movimenti Kattoliċi bejn l-1998 u l-2002. Ta wkoll servizz volontarju bħala membru tal-Bord tad-Diretturi ta’ Radju RTK minn meta fetaħ l-istazzjon għal 10 snin sħaħ, u tal-Bord tal-Media Centre għal 3 snin. Matul dan il-perijodu kien ukoll jippreżenta programm ta’ diskussjoni fuq temi reliġjużi.

Għal dawn l-aħħar sentejn, il-kontribut tiegħu fi ħdan il-Knisja kien bħala Chair tal-Kumitat Tmexxija Ġenerali għan-nom tal-Kapitlu tal-Katidral tal-Imdina.

Huwa miżżewweġ lil Doris u għandhom tlett itfal. Minbarra dan, il-familja Grima iffosterjaw u rabbew numru ta’ persuni għal diversi snin.

Fi Frar 2016, Dott. Grima ġie appuntat Segretarju tal-Kunsill tal-Arċisqof. Dan huwa rwol ġdid fid-dawl ta’ ristrutturar li qed isir fi ħdan il-Kurja tal-Arċisqof.