• Min minna ma jafx x’inhu l‑mard? Kulħadd suġġett għall‑mard, imma mhux kulħadd jiffaċċja l‑mard bl‑istess mod: issib min jaċċettah, imma hemm min jitgħawweġ u jitkisser taħt il‑piż kiefer tiegħu; anzi, ħafna drabi, mal‑marid ibatu tal‑familja u ta’ madwaru.
    Barra l‑mard fiżiku hemm mard ieħor li kapaċi jherrina. Hemm mard li jmermer ir‑relazzjonijiet ta’ bejnietna, speċjalment dawk familjari, fil‑komunità ekkleżjali u fid‑diversi oqsma tas‑soċjetà.
    Hemm mard morali: għalkemm nafu x’inhu t‑tajjeb u x’inhu l‑ħażin, ħafna drabi nsibu ruħna qegħdin nagħmlu dak li ma nixtiqux li nagħmlu.
    Hemm mard ta’ natura spiritwali meta l‑bniedem, minkejja li jagħmel ħiltu biex jgħix ħajja onesta, iħossu sajjem minn Alla.
    Hemm il‑ġerħat emozzjonali meta l‑bniedem jintebaħ li qed jiġi skartat, tradut, umiljat, kalunjat, imqarraq u trattat inġustament.
    Dan il‑mard jimliena b’ħafna diqa, ningħalqu fina nfusna u ninqatgħu mill‑oħrajn. Agħar minn hekk huwa meta ħaddieħor iwarrabna minħabba l‑mard tagħna. Flok ma nsibu l‑kenn, nintebħu li hemm min jistħi jgħid li jiġi minna li aħna morda. Il‑komunità Nisranija mhix ħielsa mit‑tentazzjoni li twarrab lil min “jimrad”.
    Forsi hemm min jaħseb li tul it‑tliet xhur li kien fostna, San Pawl qagħad jgħammed, iqaddes u forsi wkoll jagħmel xi festa! Imma skont dak li San Luqa jikteb fl‑Atti tal‑Appostli, Pawlu ħaġa waħda prinċipali għamel: bħala appostlu ta’ Ġesù Kristu maħtur għall‑Evanġelju, huwa fejjaq lil missier Publiju. Wara dan il‑fejqan, in‑nies ħarġet bi ħġarha u ressqulu lill‑morda tagħhom biex jeħlishom mill‑mard[1].
    Dan għandu jagħmlilna l‑qalb, għax jekk naħbtu nitilfu kull tama minħabba l‑piż tal‑mard tagħna, illum nistgħu nersqu għand dak li f’ismu Pawlu fejjaq: għand Ġesù Kristu. Dak li għadda mit‑toroq tal‑Palestina jgħallem u jfejjaq[2], illum ukoll jgħaddi mit‑toroq tagħna u lest li jfejjaqna minn kull xorta ta’ mard. Nistgħu ngħidu li m’hemm l‑ebda marda li ma tistax titfejjaq minn Ġesù. Ħaġa waħda hi meħtieġa: li nqiegħdu l‑qagħda vera tagħna quddiemu, konvinti li Hu għandu “kelma” li tfejjaq il‑ġerħat. Għalhekk nixtiequ li matul dan il‑Ġublew jidwu f’widnejna l‑kliem tal‑appostlu Ġakbu: “Hemm xi ħadd marid fostkom? Ħalli jsejjaħ lill‑presbiteri tal‑Knisja, ħalli dawn jitolbu għalih u jidilkuh biż‑żejt f’isem il‑Mulej: it‑talba tal‑fidi ssalva lill‑marid”[3]. Din hija l‑missjoni tas‑saċerdot: mhux li jikkundanna jew jiskomunika, imma li jpoġġi jdejh fuq il‑marid u jitlob fuqu l‑ħniena ta’ Alla li tfejjaq.
    Għalhekk, bħala l‑Isqfijiet tagħkom, nagħmlulkom appell biex jekk hawn xi ħadd fostna li hu marid, fil‑familja tagħna jew fil‑komunità tagħna, ngħinuh jersaq lejn il‑preżenza ta’ Kristu, li kif isejjaħlu Santu Wistin huwa “tabib tal‑kuxjenzi”[4]. Fi kliem San Ġorġ Preca, “fl‑isptar ta’ Kristu” li fih diversi swali bħalma hija dik tal‑korla, tal‑għira, tal‑mibegħda, tax‑xeħħa, tas‑serq, tal‑vendetta, “it‑Tabib tas‑Sema” jagħti l‑kura li tkun taqbel għall‑marda tar‑ruħ biex il‑bniedem jista’ jfiq u jkollu l‑paċi[5].
    Il‑miġja ta’ Missierna San Pawl fostna tfakkarna wkoll fl‑impenn li għandna biex inkomplu nieħdu ħsieb il‑Knisja li hu waqqaf. Maż‑żmien, il‑viżjoni tagħna dwar kif għandha tkun din il‑Knisja setgħet iċċajpret. Bl‑azzjoni tiegħu, Pawlu jurina li l‑Knisja hi magħmula mill‑morda – dik li l‑Papa Franġisku sejħilha “sptar fil‑kamp tal‑gwerra” li tilqa’ fiha lill‑feruti[6], uħud minnhom midruba tant serjament li jkun impossibbli li jerġgħu jkunu “sħaħ” bħal qabel. Din hija l‑Knisja miftuħa li nixtiequ naraw f’pajjiżna! Jekk nagħmlu mill‑Knisja spażju riservat għan‑nies spiritwalment b’saħħithom, inkunu qed niskuraġġixxu lil min hu ferut li jidħol u jpoġġi madwar l‑artal. Santu Wistin iwiddibna biex noqogħdu attenti għax min jaħseb li huwa spiritwalment b’saħħtu huwa marid u ma jfieqx għax ma jħossx il‑bżonn li jersaq għand Kristu, mentri dawk li jammettu li huma morda jfittxu l‑kenn għand Ġesù li jfejjaqhom[7]. Il-kittieba tal-Fariżej ta’ żmien Ġesù, kif rawh jiekol mal-midinbin u mal-pubblikani, qalu lid-dixxipli tiegħu: “Dan għaliex jiekol mal-pubblikani u  mal-midinbin?” Ġesù semagħhom u qalilhom: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda. Mhux il-ġusti ġejt insejjaħ, iżda l-midinbin”[8].
    F’dan “l‑isptar fil‑kamp tal‑gwerra”, fejn diversi qegħdin jilagħbuha mal‑mewt, m’għandniex noqogħdu nistaqsu kemm il‑marid għandu, per eżempju, z‑zokkor għoli, għax dak li jeħtieġ il‑marid f’dan il‑mument huwa xi ħaġa aktar importanti: li ngħinuh jitbiegħed mill‑mewt…imbagħad wara nkunu nistgħu ngħinuh jikkura aspetti oħra ta’ saħħtu. B’dan irridu nfissru li f’din il‑Knisja‑sptar, l‑aktar ħaġa essenzjali hija li l‑bniedem tal‑lum jintebaħ li Alla jeżisti u li dan Alla tant iħobb lid‑dinja li tana lil Ibnu l‑waħdieni biex kull min jemmen fih isalva[9].
    Ma nistgħux inwarrbu lil min hu marid għax Alla jaf iżurna f’persuna dgħajfa. Is‑sitwazzjonijiet ta’ miżerja huma għal Alla okkażjoni ta’ ħniena. Għax “Alla għażel id‑dgħajfa tad‑dinja biex iħawwad il‑qawwija; għażel il‑mistmerra mid‑dinja u n‑nies li ma huma xejn, biex iġib fix‑xejn ’il dawk li huma xi ħaġa”[10]. Għalhekk nagħmlu l‑qalb lil dawk li jħossuhom dgħajfin, partikolarment dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli fil‑ħajja taż‑żwieġ u fil-ħajja tal‑familja, biex isibu posthom fil‑Knisja għax Alla jaf jinqeda bihom biex jgħallem lil min jaħseb li hu għaref fil‑ħwejjeġ t’Alla.
    Il‑mediċina li ġejja minn Alla u li għandha qawwa li tfejjaqna mill‑mard kollu tagħna tissejjaħ “miżerikordja” jew “rikonċiljazzjoni”. Għax kollox telaq minn Alla li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu bla ma qagħad iżomm il‑kont ta dnubietna[11]. Anzi, kif naqraw fil-Profeta Iżaija, “Hu rafa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna. … Għas-saħħa tagħna waqa’ 

    l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna”[12].
    Mezz sempliċi li minnu taslilna din il‑qawwa li tfejjaq huwa s‑sagrament tal‑qrar. Meta permezz ta’ dan is‑sagrament, il‑bniedem iduq il‑benna tal‑ħniena ta’ Kristu, hu jibda jintebaħ bil‑kruha tad‑dnub u jibda jħoss l‑indiema u jikkonverti! Fid‑dawl tal‑esperjenza li għandna bħala ragħajja tagħkom, jidhrilna li hemm bżonn inqiegħdu b’konvinzjoni fiċ‑ċentru tal-pastorali tagħna s‑sagrament tar‑rikonċiljazzjoni, biex jagħtina li mmissu b’idejna l‑kobor tal‑ħniena[13]. Is‑sagrament tal‑qrar mhux maġija. F’ċerti sitwazzjonijiet dan is‑sagrament huwa parti minn proċess ta’ fejqan li jieħu ż‑żmien. Hemm feriti li jibqgħu jnixxu anke wara li nkunu rċevejna l‑maħfra. L‑assoluzzjoni hija doża mill‑mediċina divina li tgħin fil‑proċess ta’ fejqan. Barra minn hekk, hemm feriti li għalkemm ifiequ jħallu l‑marka warajhom bħal fil‑każ ta’ meta, għalkemm jindem, il‑bniedem ma jkunx jista’ isewwi l‑ħsara li jkun għamel. Il‑fatt li l‑midneb, minħabba ċerti ċirkustanzi ma jkunx jista’ jreġġa’ lura l‑arloġġ, ma jfissirx li ma jistax jirċievi l‑maħfra.
    Il‑ħniena ta’ Alla tant hija bla limitu li kapaċi tagħtina skandlu! Hemm min ma jifhimx kif Alla huwa dejjem lest biex iqassam din il‑mediċina tal‑ħniena. Imma jista’ jiġri li “aħna” tqal biex naħfru għaliex kif jgħallem Ġesù, inħossuha iżjed faċli naraw it‑tibna li hemm f’għajn ħutna milli t‑travu li hemm f’għajnejna[14]. Huwa biss meta ngħoddu ruħna mal‑midinbin li naslu biex ikollna l‑umiltà u l‑kuraġġ biex naħfru.
    Nhar l‑Erbgħa li għaddew tajna bidu għar‑Randan bħala tħejjija għall‑Għid il‑Kbir. Is‑sagrament tal‑qrar huwa rigal li Ġesù tana dakinhar stess li qam mill‑mewt. Fil‑fatt, nhar l‑Għid filgħaxija, Ġesù ġie f’nofs l‑appostli u qalilhom: “Ħudu l‑Ispirtu s‑Santu: dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura”[15]. F’dan il‑Ġublew tal‑Ħniena nitolbu lil Alla bl‑interċessjoni tal‑Madonna, Saħħa tal‑Morda, biex it‑taħriġ qaddis ta’ matul dan ir‑Randan inħalluh jidlek biż‑żejt u jinfaxxa l‑ġrieħi tagħna[16], biex ma’ Kristu Rxoxt inkunu “ħolqien ġdid”[17].
    Nagħtukom il-barka pastorali tagħna.
     
    Charles J. Scicluna                                                                      Mario Grech
         Arċisqof ta’ Malta                                                                              Isqof ta’ Għawdex
     
     

    [1] ara Atti 28:8‑9
    [2] ara Atti 10:38
    [3] Ġak 5:14
    [4] De civitate Dei, 5,14
    [5] Dun Ġorġ Preca, L‑Isptar ta’ Kristu, 1997, 4.
    [6] ara Papa Franġisku, intervista minn Antonio Spadaro SJ f’ La Civiltà Cattolica (19 Settembru 2013).
    [7] ara Sermo 80,4
    [8] Mk 2:16-17
    [9] Ġw 3:16
    [10] 1Kor1:27‑28
    [11] ara 2Kor 5:18‑19
    [12] Is 53:4-5
    [13] ara Papa Franġisku, Misericordiae Vultus, 17.
    [14] ara Lq 6:41
    [15] Ġw 20:19‑23
    [16] ara Lq 10:34
    [17] 2Kor 5:17
  • L-Ittra Pastoral bil-Lingwa tas-Sinjali

  •  
    Agħfas hawn biex tniżżel il-verżjoni sħiħa tal-Ittra Pastorali.
    Agħfas hawn biex tniżżel il-Pastorali fil-format awdjo.

    .