• Nhar is-Sibt 5 ta’ Marzu 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna laqa’ lill-Kummissjoni Ekumenika, immexxija mill-President tagħha, Dun Hector Scerri, fil-Kurja. Din kienet l-ewwel laqgħa tal-Kummissjoni Ekumenika ma’ Monsinjur Arċisqof. Matulha, il-President tal-Kummissjoni għarraf lill-Arċisqof kif fost l-għanijiet prinċipali tal-Kummissjoni hemm li jissensibilizzaw il-komunità Kattolika fil-parroċċi u fl-għaqdiet u l-movimenti dwar x’inhu l-ekumeniżmu, għaliex għandu jsir it-talb għall-għaqda fost l-Insara u li jingħata tagħrif dwar komunitajiet Insara oħra li qegħdin f’pajjiżna.
    • Matul din il-laqgħa, l-Arċisqof ġie ppreżentat b’kopja ta’ DVD ġdid imħejji mill-Kummissjoni Ekumenika bħala għodda pastorali biex il-poplu Nisrani jifhem aħjar il-missjoni ekumenika tal-Knisja.
      Id-DVD li huwa bil-Malti u bl-Ingliż għandu tul ta’ 35 minuta, u jġib l-isem Ħa Jkunu Lkoll Ħaġa Waħda. Is-Sejħa Ekumenika tal-Knisja – Is-Sejħa Ekumenika Tagħna. Id-DVD li huwa produzzjoni tal-Media Centre tal-Arċidjoċesi jikkonsisti f’dokumentarju li jittratta kif seħħew il-firdiet fil-Knisja, u kif beda l-Moviment Ekumeniku ftit aktar minn mitt sena ilu. Barra minn hekk, id-DVD jitkellem dwar l-istorja tal-ekumeniżmu f’Malta u kif u fuq liema livelli jsir id-djalogu ekumeniku f’pajjiżna.
      Kull min jixtieq aktar tagħrif dwar kif jista’ jikseb dan id-DVD hu mitlub jikteb lil [email protected] jew iċempel 2590 6506, il-Kurja tal-Arċisqof.