• Eluf ta’ nies attendew għall-Pellegrinaġġ Penitenzjali tar-Randan bl-istatwa devota ta’ Ġesù Redentur, li sar il-bieraħ filgħaxija fl-Isla, u li tmexxa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Wara l-pellegrinaġġ, l-Arċisqof iċċelebra Quddiesa fil-Bażilika ta’ Marija Bambina, l-Isla.

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Bażilika Marija Bambina, l-Isla
    4 ta’ Marzu 2016
    “Kull min hu għaref jifhem dawn il-ħwejjeġ. Ħa jagħrafhom kull min hu bil-għaqal” (Hos 2, 10). Dan il-kliem mill-profeta Hosegħa jintroduċina għal raġel għaqli li lill-Mulej poġġielu domanda, li fiż-żmien il-Palestina ta’ elfejn sena ilu, kienet domanda importanti ħafna. Għaliex il-poplu t’Alla, il-poplu Lhudi, kellu ħafna liġijiet, ħafna regolamenti u l-istudjużi l-kbar tal-Liġi kienu jargumentaw bejniethom liema huwa l-aqwa kmandament.
    Wieħed mill-kittieba jersaq lejn Ġesù u jpoġġilu l-istess domanda, id-domanda li kienu qegħdin jiddiskutu bejniethom l-għorrief tal-Liġi: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?” (Mk 12, 28). Ġesù juża’ kelma waħda b’żewġ aspetti. Jurih munita waħda b’żewġ faċċati: l-imħabba. “Isma’ Israel, inti għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek … It-tieni ħobb lill-għajrek bħalek innifsek.” (Mk 12, 30-31).
    Kien hemm ħafna kmandamenti: “…u aħsel idejk qabel tiekol għaliex ma stajtx inti tersaq lejn il-mejda qabel tinħasel; aħsel riġlejk”. Ġesù stess fil-Vanġelu ta’ San Mark jagħti l-lista tal-ħasil ta’ ħafna ktieli u borom (ara Mk 7, 3-4) imma l-Mulej m’għażilx il-verb ‘aħsel’, imma għażel il-verb ‘ħobb’.  San Ġwann tas-Salib, meta jiġbor il-ħajja ta’ kull bniedem jgħid: “Fl-aħħar mument se niġu ġġudikati fuq l-imħabba”.
    F’din is-Sena tal-Ħniena, ejjew neżaminaw lilna nfusna fuq din il-kelma, fuq l-imħabba. Il-Mulej Ġesù jgħaqqad żewġ kmandamenti u jgħidilhom ‘kmandament’, mhux żewġ kmandamenti. “Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn” (Mk 12, 31); għaliex huma iż-żewġt uċuħ ta’ mħabba waħda, ma tistax tgħid li tħobb verament lil Alla li ma tarahx jekk inti ma tħobbx lil ħuk li tara li qiegħed ħdejk, lill-proxxmu qrib tiegħek.
    L-Imħabba mhux bil-kejl jew bin-nofs, “b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, bil-qawwa tiegħek kollha” (v 30).  Jiena nistaqsi lili nnifsi quddiem dan il-kejl għoli: aħna lkoll nogħtru, aħna lkoll għandna bżonn l-għajnuna kbira tal-Mulej. Illum ngħidulu lill-Mulej: “Aħna dgħajfin wisq biex niġu quddiemek u ngħidulek ‘jiena ħabbejtek b’qalbi kollha, b’ruħi kollha, b’moħħi kollu, bil-qawwa tiegħi kollha’. Għax jiena dgħajjef, jiena midneb”.
    “Ħobb lil-għajrek bħalek innifsek” (v 31). Dak li ma tixtieqx li ħaddieħor jagħmillek, tagħmlux inti lill-għajrek. Agħmel lill-għajrek dak li tixtieq li ħaddieħor jagħmel miegħek. Ir-regola tad-deheb li tgħallimna l-kejl veru tar-rispett lejn xulxin!
    “M’intix il-bogħod mis-saltna ta’ Alla” (v 34). Għaliex qallu hekk? Għaliex kellu l-umiltà kbira, avolja kien raġel għaref, li jgħidlu: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem, għandek raġun tgħid li wieħed hemm u li ma hemmx ieħor ħliefu. Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, u tħobb lil għajrek bħalek innifsek, hu aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagriffiċji kollha” (v 35).
    Aħna llum għamilna pellegrinaġġ wara l-istatwa ta’ Ġesù Redentur. Il-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub. Il-ħarsa tiegħu trid tgħid lil kull wieħed u waħda minna: ‘inħobbok, inħenn għalik, ngħannqek ma’ qalbi, mhu se ninsik qatt’. Kemm tkun ħaġa sabiħa li l-ħniena li nirċievu mingħand il-Mulej, inkunu nistgħu naqsmuha ma’ xulxin. Intom u tirritornaw fid-djar tagħkom, jekk hemm xi ħadd li ma setax jiġi magħna llejla, intom li qegħdin tisimgħuna permezz tal-awjo madwar it-toroq ta’ din il-Belt Invicta, tal-Isla, kunu afu li l-Mulej iħobbkom u li fl-imħabba tiegħu jagħtikom il-qawwa tilqgħu lil xulxin f’ismu.
    Il-profeta Hosegħa li huwa l-profeta tal-għerusija tal-Mulej mal-poplu tiegħu, iwassal l-ilment tal-qalb ta’ Alla: “X’għandi x’naqsam mal-idoli, Efrajm? Kont jien li weġibtek u jien inħarsek” (Hos 14, 9). Mela aħna u nersqu lejn is-solennita tal-Għid il-Kbir, meta aħna nġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija tagħna, u niċħdu l-idoli li jxekkluna mit-triq tal-Mulej, niftakru f’dan il-kliem ta’ mħabba li qed jgħidilna: “X’għandi x’naqsam mal-idoli, Efrajm? Kont jiena li weġibtek jiena nħarsek”. Naħfirlhom,” jgħid il-profeta Hosegħa, “għad li xxewwxu kontrija, minn qalbi nħobbhom” (Hos 14, 5). Kemm hi sabiħa din il-kelma tal-profeta li jitkellem f’isem Alla: “Naħfrilhom, minn qalbi nħobbhom”.
    L-aħwa, nagħmlu x’nagħmlu, jiġri x’jiġri minna, din il-kelma li għandna niftakru dejjem: “naħfirlek, jiena nħobbok”. Din il-kelma li għandha twieżen il-qlub tagħna u tħeġġiġna biex nersqu lejn Ġesù, lejn dik il-qalb ħanina li taf tagħder, taf tħenn, taf tħobb ta’ veru.
    ✠ Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja