• Nhar il-Ħadd 8 ta’ Mejju 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil-Bażilika tan-Natività, f’Betlehem, matul il-pellegrinaġġ li l-Ariċisqof qed imexxi fl-Art Imqaddsa. 
     

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

    Bażilika tan-Natività, Betlehem
    8 ta’ Mejju 2016
    Illum aħna għamilna wkoll il-vjaġġ minn Nazaret għal Betlehem bħalma għamlu Ġużeppi u Marija. Wara din l-esperjenza, meta nisimgħu l-kliem: “Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta’ Nazaret, u tela’ l-Lhudija, fil-belt ta’ David jisimha Betlehem” (Lq 2,4), inkunu nistgħu nimmaġinaw il-vjaġġ li għamilna aħna llum. Huma ma kinux bil-pullman, imma niżlu minn Nazaret, qasmu s-Samarija u ġew hawnhekk ġo Betlehem, fil-Lhudija.
    Dan huwa vjaġġ li riditu l-providenza biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid “U inti Betlehem, l-iżgħar fost il-bliet ta’ Ġuda, minnek għad joħroġ il-Feddej, ir-ragħaj, is-salvatur” (ara Mik 5, 1). Betlehem hija wkoll dar il-ħobż u hawnhekk il-Mulej tpoġġa f’maxtura, hu li kellu jgħid: “min jiekol ġismi u jixrob demmi, jibqa’ fija u jiena fih” (Ġw 6, 56). Hawnhekk quddiem il-maxtura ta’ Betlehem, aħna nifhmu li l-Mulej, hu u jitpoġġa f’maxtura, ried ifissrilna b’liema mod xtaq jingħata billi jsir ikel għalina.
    Meta dan il-kliem qalu f’Kafarnahum fejn konna, il-Lhud skandalizzaw ruħhom: “Kif jista’ jkun dan il-bniedem jagħtina ġismu biex nikluh u demmu biex nixorbuh?” (ara Ġw 6, 52). Il-Mulej qalilhom: “Jekk ma tistgħux tilqgħu dan il-kliem, tistgħu tmorru”. Ħafna telquh. Qalilhom lill-appostli: “Tridux tmorru inthom ukoll?  Wieġbu Xmun Pietru: ‘aħna fejn immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem’” (Ġw 6, 67-68).
    San Ġorġ Preca kiteb ktieb ċkejken għan-novena tal-Milied, anzi għax-xahar ta’ Diċembru, jismu l-‘Iskola ta’ Betlehem’. San Ġorġ Preca jidħol f’dan il-post hawnhekk, mhux kif inhu, kif immaġinah elfejn sena ilu. San Ġorġ Preca jgħidilna: ‘nidħlu fl-iskola ta’ Betlehem, l-iskola tal-umiltà, tal-ubbidjenza, l-iskola tas-safà, l-iskola tas-silenzju, l-iskola tal-imħabba, l-iskola tas-self control.
    Aħna rridu nagħmlu dan il-lejl għax hawnhekk huwa mument ċkejken. Issa kif għednilkom, għalija huwa importanti ħafna li kull wieħed u waħda minnkom, illum, tiġi titlob ftit hawnhekk fejn qiegħed jien. Jiena mhux se ndum ħafna npaċpaċ għax għalija iżjed importanti li intom tiġu fejn qiegħed jien, imma nixtieq f’din ir-riflessjoni qasira. Hawnhekk jiena bħala Isqof, għal min nixtieq l-iżjed nitlob? Ħa ngħidilkom x’hemm fil-qalb tiegħi.
    L-ewwelnett jiena nixtieq nitlob għan-nisa kollha, huma min huma, li qed jistennew tarbija biex il-Mulej iwassalhom b’wiċċ il-ġid imma jagħtihom il-grazzja – għax intom tifhmuni – li t-tarbija li għandhom fil-ġuf jilqgħuha, mhux għax surprise, jew inkella mhux ippjanata, jilqgħuha din il-grazzja li l-omm fil-ġuf tilqa’ t-tarbija tagħha anke jekk taf li mhix ġejja ‘bħal tal-mudelli’, biex tifhmuni. Ejjew nitolbu wkoll li l-ommijiet li jistennew it-trabi tagħhom jilqgħuhom kif qed jibagħthom il-Mulej, imgeżwrin kif qed igeżwirhom il-Mulej.
    It-tieni talba hi għal min ma jistax ikollu tfal biex il-Mulej ikun il-faraġ, ikun l-għajnuna, li jsibu tobba li jgħinuhom sew skont kif jixtieq Alla, imma jekk mhix il-vokazzjoni tagħhom li jkunu ġenituri, il-Mulej jagħtihom li jkunu ġenituri spiritwali, mhux bilfors tal-adoption, għax inti tista’ tkun omm u missier spiritwali u tagħmel ħafna ġid.
    It-tielet talba hija għan-nisa li għamlu l-abort biex jaħfru lilhom infushom u ma jaqtgħu qalbhom qatt mill-ħniena t’Alla, qatt! Hawnhekk il-Madonna welldet it-tarbija li switilha ħafna, u ’l San Ġużepp ħafna nkwiet, imma dan huwa Yeshua, Alla jsalva, Għimmanu-El, Alla magħna.
    Hawhekk jiena nixtieq nitlob biex il-Milied ma jsirx kummerċ, ma jsirx tinsel u dwal li ma jfissru xejn, jew tbaħrid li joffendi lil Alla, imma jibqa’ festa ta’ għożża, festa tal-Bambin Ġesù. Jiena ġibt ir-relikwa tiegħu hawnhekk, is-salib li kienu tawni s-soċji tal-MUSEUM. Verbum Dei caro factum est – għalhekk għamel il-purċissjoni tal-Bambin biex aħna, meta nisimgħu – ġieli jkun hemm il-banda, ġieli jkun hemm tat-tamburlin – nisimgħu lit-tfal għaddejjin ikantaw, ngħidu ‘il-Milied, se jitwieled il-Bambin’ mhux x’rigali se nagħti. Ejjew nkunu sobriji, anke l-ħela tal-flus inħalluh fil-Milied, aħjar nagħtuhom karità.
    Hawnhekk nixtieq nitlob ukoll għal min qed jipprepara għaż-żwieġ biex il-Bambin ta’ Betlehem, Ġesù, iqanqal f’dawn li għandhom il-vokazzjoni għas-sagrament taż-żwieġ, imħabba kbira lejn xulxin u anke il-ħerqa li jsiru ġenituri, li jkollhom ħafna tfal, mhux bir-ration.
    Hawnhekk nitlob ukoll għall-perseveranza fil-ħajja reliġjuża tas-sorijiet u l-patrijiet, is-saċerdoti djoċesani, meta nħarsu lejn Ġesù.
    Aħna diġà qegħdin niċċelebraw Lapsi meta l-Mulej ittieħed mill-għajnejn tal-ġisem tagħna l-bnedmin u beda dan l-istaġun tal-preżenza spiritwali. Ġesù iżda qiegħed fostna, għaliex? Ftakru fil-kelma tiegħu: “fejn tnejn jew tlieta jiltaqgħu f’ismi, hemm jien inkun fosthom”. Aħna nemmnuha l-kelma ta’ Ġesù? Aħna llejla ltqajna f’ismu bħalma nagħmlu f’kull quddiesa. Jekk meħud mill-għajnejn tal-ġisem, aħna hawnhekk qegħdin niċċelebraw l-inżul tiegħu għax fil-ġuf tal-Madonna ma stajniex narawh. Hawnhekk l-umanità ta’ Marija u ta’ Ġużeppi ħarsu lejn is-Salvatur magħmul bniedem l-ewwel darba. Alla ħadd ma jista’ jarah imma uriena lilu nnifsu f’din it-tarbija li mbagħad kibret u saret mastrudaxxa prim, imbagħad predikatur, salvatur. Hawnhekk din it-tarbija hija wiċċ Alla li jixxennaq għall-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna.
      Charles J. Scicluna                                                            
         Arċisqof ta’ Malta