• Nhar it-Tlieta 17 ta’ Mejju 2016, Caritas Malta ppreżentat l-istudju bit-titlu A Minimum Essential Budget for a Decent Living – 2016, liema studju huwa aġġornament tar-riċerka li saret fl-2012. Caritas temmen li strateġija effettiva kontra d-deprivazzjoni materjali, irid ikollha qabelxejn diversi indikaturi biex ikun jista’ jitkejjel in-numru ta’ persuni u familji fil-faqar.
  • Is-Sur Leonid McKay, Direttur ta’ Caritas Malta, spjega kif il-Caritas qed tistabbilixxi kemm jiswa basket ta’ oġġetti u servizzi essenzjali għal familji bi dħul baxx biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja diċenti. Il-basket jinkludi: ikel, ħwejjeġ, iġene personali, mediċini, bżonnijiet tad-dar u servizzi fosthom telefown, mowbajl, televixin, internet, dawl, ilma, gass u għamara, stationery, uniformijiet, trasport pubbliku u l-ispiża ta’ kirja ta’ dar għal dawk li jgħixu f’akkomodazzjoni tal-Gvern. Il-prezzjijiet jirriflettu l-prezz tas-suq tax-xahar ta’ Novembru 2015. Is-Sur McKay enfasizza li dan il-basket ikopri biss oġġetti u servizzi li verament huma neċessarji.
    Dr Suzanne Piscopo, f’isem it-tim ta’ riċerkaturi spjegat li koppja b’żewġt itfal jinħtieġu €11,446 fis-sena, ekwivalenti għal €954 fix-xahar. L-ispiża għal omm jew missier weħidha/waħdu b’żewġt itfal tlaħħaq €9,197 fis-sena jew €766 fix-xahar, filwaqt li koppja anzjana għandha spiża minima ta’ €6,527 fis-sena, ekwivalenti għal €544 fix-xahar. Dawn il-figuri jinkorporaw u jieħdu inkonsiderazzjoni l-massimu tas-sussidji u l-benefiċċji  li jipprovdi l-Istat lil dawn il-familji bi dħul baxx fosthom skemi ta’ ikel, enerġija, mediċina u l-akkomodazzjoni soċjali (tal-Gvern).
    L-ispiża għall-familji li ma jikwalifikawx jew ma jirċevux dawn il-benefiċċji u sussidji, se tkun għola.