• Nhar it-Tlieta 10 ta’ Mejju 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa Solenni quddiem il-Qabar ta’ Kristu, f’Ġerusalemm, waqt pellegrinaġġ li qed imexxi fl-Art Imqaddsa. 

    Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Quddiesa Solenni quddiem il-Qabar ta’ Kristu
    10 ta’ Mejju 2016
    Ilbieraħ (9 ta’ Mejju 2016), aħna u telgħin, mal-ħitan ta’ Ġerusalemm kien hemm posters kbar tal-Ministeru tat-Turiżmu li kienu qed jirriklamaw lil Ġerusalemm b’dawn il-kliem: this is where it all started. U dan il-kliem jgħodd b’mod speċjali għal dan il-post. Minn hawn tassew beda kollox għax l-Evanġelji huma l-istorja tal-passjoni, il-mewt kiefra tal-Mulej, u l-qawmien tiegħu mill-imwiet. Dak kollu li jiġi qabel, huwa konferma u preparazzjoni għal dan l-avveniment li huwa l-qofol tal-Evanġelju, l-Aħbar it-Tajba: Ġesù miet għalija, Ġesù qam mill-imwiet għalija, dak li aħna ngħidulu l-kerygma: il-qofol tax-xandir tal-Evanġelju. Jekk aħna dan tassew nemmnuh, kif ngħidu bil-Malti: kollox jaqa’ f’postu.
    Aħna qegħdin f’post li għandu ħafna qxur tal-istorja. Lanqas il-qabar oriġinali m’hawn, ħlief l-art li fuqu kien jistrieħ. Ħafna drabi l-fidi tagħna hi hekk ukoll. Inħarsu lejn il-fidi tagħna l-Maltin u l-Għawdxin, kemm għandha qxur! Kemm għandha festuni u bnadar u antarjoli mdendlin magħha!  U ħafna drabi dawn jgħattu l-qofol. Ġesù miet biex jifdini, Ġesù qam biex jifdini! Din hija l-Hallelujah tagħna! Minn hawnhekk, trid toħroġ mill-qalb: l-Hallelujah li hija l-kant ta’ tifħir u ta’ ringrazzjament lill-Mulej li fit-tielet jum qajjem lil Ibnu. Il-Mulej qam tassew, Hallelujah! Qam tassew. Kif hemm miktub fil-qabar stess: Christos, u meta tgħidha din il-kelma lil ħutna l-Griegi jgħidulek: qam tassew! Aħna hawnhekk qegħdin biex inġeddu l-fidi tagħna mhux biex nitilfuha, biex inħalluha hawnhekk, imma biex inġedduha. 
    Ħaġa li hemm bżonn li aħna nitolbu għaliha wkoll hija l-għaqda bejn l-Insara. Jekk hawn postijiet fejn tidher il-bżonn urġenti tagħha huma f’dawn il-postijiet qaddisa. Kulħadd bid-diversità tar-riti tiegħu. Ejjew nitolbu l-grazzja li xi darba nkunu nistgħu naqsmu l-istess Ewkaristija fil-post fejn Ġesù qam mill-imwiet, biex ma jmutx aktar. 
    Hawnhekk irridu nitolbu għall-għeżież mejtin tagħna. Aħna nemmnu fil-qawmien mill-imwiet, fil-ħajja ta’ dejjem, fix-Xirka tal-Qaddisin, għaliex Ġesù qam mill-imwiet. Hawnhekk tqaddes mhux biss bid-difna tiegħu imma l-iżjed bil-qawmien tiegħu mill-imwiet. Nitolbu għall-erwieħ għeżież ta’ ħutna li ħallewna bil-fidi fit-tama fil-qawmien ta’ Ibnu mill-imwiet. Aħna u nitolbu lill-Mulej jagħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem, nemmnu li din hija wkoll ix-xirka tagħhom mal-qawmien ta’ Kristu, xi ħaġa li aħna wkoll naħdmu għaliha minkejja li dgħajfin.
    Hawnhekk niċċelebraw il-ħniena tal-Mulej għax hu u jqajjem lil Ibnu mill-imwiet wera l-ikbar ħniena magħna. Lill-Madalena, Ġesù f’dan il-post qalilha: “Mur għid lil ħuti li jiena se nitla’ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom” (Ġw 20, 17). Minn hawnhekk lil Alla nistgħu nsejħulu: ‘Abba Missier, Alla tagħna’. Għalkemm mhux hawn, ma Tumas ngħidulu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi” (Ġw 20, 28). Aħna u mmissu l-pjagi tiegħu, ejjew nidħlu f’intimità ma’ Ġesù u nitolbuh jkun għalina s-Salvatur, Yeshua, li jkun Alla magħna, l-Għimmanu-El.   
      Charles J. Scicluna                                                            
         Arċisqof ta’ Malta