L-Arċisqof Pawlu Cremona qal li hu mit-tkissir taż-żwieġ li qed jinbtu l-uġigħat fundamentali tas-soċjeta. L-Arcisqof kien qed jitkellem fl-gheluq konferenza nazzjonali għal żwieġ b’saħħtu, organizzata minn Proġett Impenn, bis-sehem ta’ diskorsi mill-Prim Ministru u s-Sinjura Kate Gonzi u mill-Kap tal-Oppożizzjoni u s-Sinjura Michelle Muscat.

L-Arċisqof qal li kien pjuttost diżappuntat għax stenna li mill-konferenza joħorġu proposti prattiċi ta’ kif l-Istat jista’ konkretament isaħħaħ iż-żwieġ f’dinja fejn ir-realta kulturali u soċjali qed jinbidlu. Qal ukoll li hu mit-tkissir taż-żwieġ li qed jinbtu wkoll l-uġigħat fundamentali tas-soċjeta. Ma naqasx milli jaċċenna għal dak li għamlet il-Knisja tul is-snin b’kontribut għal dan is-settur, fi kliemu pero, dan ma kienx biżżejjed. Enfasiżża wkoll l-importanza tal-ugwaljanza bejn ir-raġel u l-mara fiż-żwieġ, it-tħejjija tajba u l-valur tal-indissolubilita. Staqsa jekk is-sess qabel iż-żwieġ hux ta’ aljenazzjoni għaż-żgħażagħ minn xulxin! Irrefera għad-divorzju u filwaqt li qal li hu tajjeb wieħed jiddiskuti, ħeġġeġ lil kulħadd iħares lejn it-tendenzi f’pajjiżi oħra li lkoll, fi kliemu, juru li l-problemi, bl-introduzzjoni tad-divorzju, żdiedu u mhux naqsu. Temm jgħid li l-enfasi għandha tkun fuq l-edukazzjoni fil-valuri sodi mill-ġenituri u mill-edukaturi sa mis-snin bikrija.

Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li l-punt tat-tluq irid ikun kif wieħed se jsaħħaħ iż-żwieġ, qabel ma jfittex kif jindirizza l-problema tat-tkissir fl-istess żwieġ. Enfasizza l-valuri bħala l-pedament ta’ kull deċiżjoni f’dar-rigward. Fost oħrajn, fakkar fil-wegħdiet li l-miżżewġin jagħmlu lil xulxin waqt iċ-ċerimonja taż-żwieġ, fosthom il-wegħda tal-lealta dejjiema. F’das-sens qal li iva, hemm bżonn diskussjoni dwar id-divorzju fil-pajjiż, iżda bl-enfasi tkun fuq kif wieħed jista’ jsalva ż-żwieġ. Qal li ta’ importanza kbira hi l-edukazzjoni mogħtija sa miċ-ċokon li minnha nnifsha tkun parti mill-proċess ta’ formazzjoni u tħejjija għall-eventwalita taż-żwieġ. Dr Gonzi ma naqasx milli jissottolinea wkoll ir-relata ta’ min jikkoabita mingħajr ma jħoss il-ħtieġa taż-żwieġ, li qal li sal-lum mhix regolata bil-liġi, b’periklu għall-partijiet involuti, l-aktar il-vulnerabbli. Temm jgħid li pero, l-ebda liġi ma ssaħħaħ iż-żwieġ iktar milli jista’ jsaħħu kulħadd bl-impenn tiegħu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Joseph Muscat, li ddedika ħafna ħin mid-diskors tiegħu dwar il-problemi fiż-żwiġijiet u l-ħtieġa immedjata ta’ rimedji offruti mill-Istat, qal li studju tal-Istitut tar-Riċerka, Discern, wera li filwaqt li 25 sena ilu kien hemm żwieġ wieħed minn mija li kien ifalli, 10 snin ilu dan tela’ għal żwieġ minn kull sittin u 5 snin ilu kien qed ifalli żwieġ minn kull ħamsa u għoxrin. B’dir-rata fisser li fil-5 snin li ġejjin se jkunu qed ifallu żwieġ minn kull għaxra. Fid-dawl ta’ din l-istatistika, Dr Muscat qal li Malta teħtieġ tieħu pożizzjoni iktar ċara dwar din il-kwistjoni delikata tad-divorzju, għax fi kliemu kulħadd jimmerita t-tieni ċans biex jibni familja. Fi kliemu, illum jekk koppja Maltija trid divorzju, tista’ flok mill-bieb tgħaddi mit-tieqa, bil-problema wkoll li ma jeżisti ebda mod kif dan ikun kontrollat. Dr Muscat ppropona l-ħolqien ta’ forum nazzjonali dwar il-familja, bis-sehem ta’ organizzazzjonijiet non-governattivi bi spazju għal rappreżentanti legali u ekkleżjastiċi, fost oħrajn. Dr Muscat qal li din m’għandhiex tkun il-pjattaforma għat-tieni żwieġ, imma wkoll il-mekkaniżmu li jiffoka fuq kif l-ewwel żwieġ jingħata l-aħjar sostenn. Kien hawn li aċċenna għall-importanza ta’ sehem l-Istat fit-tħejjija għaż-żwieġ, li sal-lum qal li tħalla totalment f’idejn il-Knisja permezz tal-Moviment ta’ Kana.

Fid-diskorsi tagħhom, is-Sinjura Gonzi u s-Sinjura Muscat, indirizzaw għadd ta’ punti fosthom l-importanza ta’ tħejjija soda għaż-żwieġ, l-iffukar fuq it-tajjeb ta’ xulxin, il-ħin tal-koppja flimkien, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, u l-ħtieġa ta’ appoġġ mill-Istat lill-koppji tul iż-żwieġ tagħhom, l-iktar fil-mumenti diffiċli.

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]

Jekk kont preżenti għal din l-attivita’, ħalli l-kummenti tiegħek.