• Fil-laqgħa tal-Kulleġġ tal-Kappillani tal-Erbgħa 1 ta’ Ġunju 2016, Mons. Arċisqof ikkomunika d-deċiżjoni tiegħu rigward il-post tat-tfal fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewwel Tqarbina.
    Id-deċiżjoni tiegħu hi li fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewwel Tqarbina, it-tfal ikunu miġburin flimkien fuq quddiem fil-knisja; il-ġenituri u l-qraba jkunu f’xi post ieħor fil-knisja, mhux ħdejn it-tfal. Waqt it-tqarbin, it-tfal jitqarbnu l-ewwel huma; imbagħad wara li jitqarbnu kollha, jitqarbnu dawk preżenti fil-kongregazzjoni. Jekk issir purċissjoni qabel il-quddiesa, it-tfal jimxu huma l-ewwel flimkien.
    L-iskop hu li billi ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewwel Tqarbina hi l-festa tat-tfal, dawn jingħataw prijorità u jkunu fuq quddiem. Ikunu jistgħu jsegwu aħjar huma, u ċ-ċelebrant ikun jista’ jikkomunika aħjar magħhom.
    L-Arċisqof jifhem ix-xewqa ta’ diversi ġenituri li jkunu qrib uliedhom fiċ-ċelebrazzjoni. Għalhekk ta’ min wieħed iħeġġeġ lill-ġenituri li mill-għada tal-Ewwel Tqarbina, jakkumpanjaw lit-tfal b’mod regolari waqt il-quddiesa.
    Din id-deċiżjoni tal-Arċisqof tapplika mill-bidu tal-2017 għal kull parroċċa u għal kull fejn issir iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewwel Tqarbina fl-Arċidjoċesi ta’ Malta.