• Mill-Ktieb ta’ Żakkarija 12:10-11.13:1

    Dan jgħid il-Mulej: 
    U fuq id-dar ta’ David u fuq dawk li jgħammru f’Ġerusalemm
    insawwab spirtu ta’ ħniena u talb.
    U huma jħarsu lejn dak li jkunu nifdu,
    u jibkuh bħal wieħed li jibki lil ibnu  l-waħdieni,
    u jokorbu għalih bħal min jokrob għal ibnu l-kbir. 
    Dakinhar il-biki ta’ Ġerusalemm ikum kbir
    daqs il-biki ta’ Ħadad-rimmon fil-wita ta’ Megiddo. 
    “Dakinhar jiġri li tinfetaħ għajn għad-dar ta’ David
    u għan-nies ta’ Ġerusalemm, biex jindafu mill-ħtijiet u mit-tinġis.
     
    Salm 63(62):2.3-4.5-6.8-9. 
    Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex.
    Ruħi bil-għatx għalik,
    għalik imxennaq jiena,
    bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.
     
    Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek,
    biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
    Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja,  
    xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.
     
    Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha;  
    ngħolli idejja u nsejjaħ ismek.
    Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela,  
    u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa.
     
    Għax int kont għajnuna għalija,  
    għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.
    Miegħek tingħaqad ruħi,
    int tweżinni bil-leminija tiegħek.
     
    Mill-Ittra lil Galatin 3:26-29
    Ħuti: Għax intom ulied Alla lkoll kemm intom, permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù. Intom, li intom mgħammda fi Kristu, lbistu ‘l Kristu. Issa ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u anqas ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù. Imma jekk intom ta’ Kristu, intom ukoll nisel Abraham, werrieta skond il-wegħda.
     
    San Luqa 9:18-24
    Darba, waqt li kien qiegħed jitlob waħdu, kien hemm miegħu  d-dixxipli tiegħu, u hu staqsiehom: “Min jgħidu n-nies li jien?” Huma weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, li qam wieħed mill-profeti ta’ l-imgħoddi.” Qalilhom: “Imma intom min tgħidu li jien?” Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija ta’ Alla.” Mbagħad ikkmandahom u qalilhom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd b’dan. U qalilhom: “Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.” Darba qal lil kulħadd: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha.
     
    Qaddisin tal-jum: Santa Ġuljana Falconieri, San Romwaldu, Abbati