Illum id-dinja tiċċelebra Jum il-Ħajja. Huwa l-Jum li fih nifirħu bil-Ħajja fiha nfisha. Min jemmen jirringjrazzja wkoll għax jara fil-Ħajja, don ta’ Alla, u għalhekk jagħraf  valur iktar profond, għaliex  magħqud ma’ Alla u ġej minn Alla. Huwa ċar li dan ifisser, li l-ebda bniedem u b’mod speċjali ml-ebda nisrani li jemmen, ma jista’ jkun favur xi ħaġa li tillimita jew toqtol dan id-don.

Naħseb li dan il-Jum irid jagħti ċ-ċans lil kull persuna, biex tagħraf x’inhi r-relazzjoni u l-valur li hu jagħti lill-Ħajja tiegħu u tal-oħrajn. Huwa l-Jum ukoll li kull Nazzjon jara x’valur qiegħed jagħti lill-ħajja, u x’qiegħed  jagħmel biex iħares u jippromwovi l-ħajja bħala valur fiha nfisha u bħala valur f’kull bniedem f’dak l-Istat. Il-ħajja tkun verament ‘Ħajja’ meta tkun valur fiha nfisha li ma tiddependi minn ħadd. Niżżu ħajr ‘l Alla li fid-dinja tagħna il-ħajja qegħda tkun valutata iktar f’ħafna mumenti sbieħ tagħha: bħal fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fil-kwalita’ tal-ħajja.

Malta għandha tkun kburija li fi ħdanha, il-ħajja hija mħarsa f’kull mument tagħha: mill-konċepiment sal-mewt naturali tagħha. Dan ma nsibuhx f’kull Stat tad-dinja, għax f’xi stati, il-ħajja f’xi mumenti tagħha hija ‘inqas assoluta’ milli f’mumenti oħra. Qiegħed ngħid għal dawk l-istati fen il-ħajja fil-ġuf għandha ‘inqas valur’ għaliex  tista’ tinqatel bl-abort,  u fejn il-ħajja fil-mumenti tagħha waqt xi mard u fl-anzjanita’ tkun ‘ħajja’ b’inqas valur għaliex tista’ tiddependi minn deċiżjoni ta’ ħaddiehor jew tal-persuna involuta stess.

Din il-bidla saret gradwalment f’kull pajjiż.  Il-bidla dejjem bdiet bi dħul ta’ eċċezzjonijiet. Ħafna drabi tibda b’eċċezzjonijiet bħas-saħħa fiżika tal-omm jew il-kundizzjoni tat-tarbija fil-ġuf. Wieħed jibda jaħseb li nistgħu nieqfu hemm. Fil-fatt dan l-ewwel pass dejjem sewa biss biex jixxiftja l-valur tal-ħajja: minn dik intrinsika, tal-ħajja fil-ġuf fiha nfisha, għal dik li tħalli lit-tarbija dipendenti minn deċiżjoni ta’ bnedmin oħra. Dan ifisser li l-kejl isir il-kunsiderazzjonijiet tal-persuni. Dawn dejjem jitwessgħu u jinfirxu:  minn sitwazzjonijiet ħafna partikulari għal abort  ‘on demand’ f’diversi pajjiżi; minn abort permess fl-ewwel ftit ġimgħat tat-tqala għal possibilta’ li jsir abort  propju  fil-mument  tat-twelid tat-tarbija (‘partial birth abortion’).  Iċ-ċentru  ma  baqatx  il-

ħajja tat-tarbija iżda il-problemi ta’ min għandu jieħu ħsieb tagħha, xi ħaġa li ma noħolmux li nikkonċedu fil-każ ta’ tarbija li diġa’ twieldet!

It-tieni ċaqliqa hija fuq il-kundizzjoni fiżika tat-tarbija fil-ġuf bil-possibilta’ li tista’ tiġi maqtula. Hija diġa’ għażla fuq il-valur tat-tarbija mill-kundizzjoni tagħha, ħaġa li qatt ma noħolmu li nagħmluha fuq tarbija li twieldet, anzi nippruvaw  biex lil din it-tarbija, is-soċjeta’ tgħinha hekk li tikseb il-possibiltajiet kollha li hi kapaċi għalihom. Il-paragun jekk nemmnux verament fil-ħajja tat-tarbija fil-ġuf għandu jkun dejjem mal-ħajja kif hija rispettata fit-tfal u l-kbar. Id-dritt tat-tarbija fil-ġuf għall-ħajja jrid ikun estensjoni ibbażata fuq il-kunċett totali tal-ħajja ta’ kull persuna. Inkella nkunu qegħdin inpoġġu żewġ livelli ta’ ħajja. Jekk hi ‘ħajja’ irid ikollha l-istess kundizzjonijiet.

Min hu favur ta’ dan l-ewwel pass irid ikun sinċier li se jagħti l-kunsens tiegħu mhux biss għal dan il-pass, iżda wkoll għall-passi l-oħra li jsegwuh. Hekk ġara kullimkien: ma nistgħux naħsbu li jsir differenti f’Malta biss.

Illum hemm periklu ieħor: il-periklu ta’ pressjoni minħabba n-nuqqas ta’ konformita’ mal-Ewropa u mad-dinja fuq l-abort u l-ewtanasja. Anki din hija għażla li rridu nagħmlu. Liema hu l-ikbar valur: il-valur tal-ħajja tat-tarbija fil-ġuf jew tal-marid jew anzjan jew il-biża’ li nkunux konformi f’ħaġa li hija daqshekk ta’ valur?

Nixtieq nirringrazzja lil dawk l-ommijiet li b’kuraġġ kbir jagħżlu li jibqgħu jipproteġu l-ħajja fil-ġuf tagħhom anki jekk jafu li se jkollhom jaffaċċjaw problemi wara. Nixtieq ukoll nirringrazzja lill-missirijiet li jerfgħu r-responsabbilta’ ta’ għemilhom fil-ħarsien tat-tarbija tagħhom u fil-kuraġġ meħtieġ lill-omm tat-tarbija. Nixtieq nitlob mill-Knisja, mill-istat u minn diversi movimenti u għaqdiet volontarji biex jagħmlu din id-difiża tal-ħajja totali waħda mill-ħidmiet prinċipali tagħhom u jkunu qrib l-ommijiet li jkunu qed jagħmlu dawn id-deċizjonijiet.