Position Paper dwar il-Liġi dwar it-Terapija ta' Konverżjoni

Frar 2016

  • Il-liġi li qed tiġi proposta dwar l-affermazzjoni tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru, tidher li qed tfittex li tħares kategorija ta’ persuni li jistgħu jsibuha diffiċli u ta’ tbatija li jifhmu l-kundizzjoni tagħhom bħala differenti minn dik ta’ persuni tamparhom jew mill-bqija tal-popolazzjoni. Analiżi tal-proviżjonijiet tal-Abbozz ta’ Liġi, madankollu, turi li fil-prattika kulħadd se jiġi ostakolat minn aċċess liberu għal gwida, parir u kull għajnuna terapewtika professjonali li jistgħu jkunu meqjusa u meħtieġa b’rabta mal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru ta’ dak li jkun.

    Proviżjonijiet dwar Azzjonijiet jew Prattiċi kontra l-liġi

    Mal-ewwel daqqa t’għajn, l-Abbozz ta’ Liġi jagħti l-impressjoni li l-liġi se tintervjeni biss biex tħares lill-vulnerabbli u biex tiżgura li ebda terapija ta’ konverżjoni ma tiġi offruta, u wisq inqas applikata, kontra r-rieda ħielsa ta’ dak li jkun. Fil-fatt, il-liġi kif qed tiġi proposta taffettwa lil dawk il-persuni li mhumiex vulnerabbli u li jfittxu t-terapija meħtieġa b’mod liberu biex ibiddlu l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, l-identità tal-ġeneru u, jew l-espressjoni tal-ġeneru.

    Aspetti Legali

    L-Abbozz ta’ Liġi hu inkonsistenti mal-premessi fil-Liġi tal-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess, 2015, u mad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Jikser ukoll il-proviżjonijiet Kostituzzjonali dwar diskriminazzjoni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali.
    Il-Liġi tal-2015 tippermetti lil kull persuna, inkluż lil minuri, li jibdlu l-identità tal-ġeneru. L-Abbozz ta’ Liġi, madankollu, qed jipproponi li jagħmilha illegali li wieħed idur għal trattament “li għandu l-għan li jibdel ... l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna, l-identità tal-ġeneru u, jew l-espressjoni tal-ġeneru.” Deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem jagħtu importanza kbira lir-rwol tal-counselling f’materji marbuta mal-identità tal-ġeneru, u jqisuh bħala parti integrali u indispensabbli mill-proċess. Għaliex hu imperattiv li jkun hemm counselling ta’ bilfors dwar għażliet fiżiċi tal-ġeneru, imma jkun reat kriminali li persuna tieħu counselling b’mod volontarju dwar l-għażliet psikoloġiċi tal-ġeneru? Dak li japplika b’mod qawwi għall-ewwel sitwazzjoni għandu japplika, bl-istess mod, għat-tieni sitwazzjoni.
    L-Abbozz ta’ Liġi jista’ jiġi interpretat li qed joqgħod fuq it-tifsira ġeneralment aċċettata imma iktar stretta ta’ “terapija ta’ konverżjoni”, li hi t-terapija diretta għal min jibdel l-orjentazzjoni sesswali minn omosesswali għal eterosesswali. Jekk din hi t-tifsira intenzjonata għal terapija ta’ konverżjoni, l-Abbozz ta’ Liġi ma jgħaddix mill-iktar test bażiku u manifest tad-‘diskriminazzjoni’. L-Abbozz ta’ Liġi jqis bħala reat kriminali meta persuna tipprova b’mod speċifiku tibdel, trażżan jew telimina l-orjentazzjoni minn omosesswali għal eterosesswali. Fl-istess ħin, hu kompletament leġittimu li persuna tassisti persuna eterosesswali biex issir omosesswali. Li omosesswali u eterosesswali jingħataw l-istess protezzjoni u jitqiegħdu fl-istess livell hu perfettament leġittimu. L-Abbozz ta’ Liġi ma jagħmilx dan.

    Awtonomija Professjonali

    L-Abbozz ta’ Liġi ma jikkunsidrax realtajiet kumplessi li wieħed jiltaqa’ magħhom waqt il-prattika fil-klinika u jirbaħ fuq l-etika professjonali ta’ psikoloġi, counsellors eċċ. li jirregolaw l-imġiba tagħhom fl-aħjar interessi tal-klijenti. L-Abbozz ta’ Liġi jneħħi minn idejn il-klijent il-poter li jidentifika l-miri mat-terapista tiegħu u jikkriminalizza kull devjazzjoni minn dak li jistabbilixxi. B’dan il-mod, l-Abbozz ta’ Liġi jillimita lil psikoloġi, counsellors eċċ. milli jeżerċitaw il-professjoni tagħhom b’mod liberu.

    Konklużjoni

    Il-Liġi proposta dwar l-affermazzjoni tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru tqajjem għadd ta’ kwistjonijiet serji etiċi u legali. Minflok jinkuraġġixxi ‘kultura ta’ dinjità’ għal kull ċittadin, irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali jew l-identità jew l-espressjoni tal-ġeneru tiegħu, biex jgħix f’kultura inklussiva ta’ rikonoxximent bejn bniedem u ieħor, l-Abbozz ta’ Liġi jippromovi d-diskriminazzjoni, in-nuqqas ta’ rispett lejn l-awtonomija personali u n-nuqqas ta’ fiduċja fil-kontabbiltà tal-professjonisti.
     
    Agħfas hawn biex tniżżel il-Position Paper dwar il-Liġi dwar it-Terapija ta' Konverżjoni.