Dokument ta' Pożizzjoni: "L-iffriżar tal-embrijuni mhux meħtieġ xjentifikament u mhux raġonevoli"

Novembru 2015

  • “It-tagħrif xjentifiku prevalenti u r-riżultati miksuba lokalment fit-trattament bl-IVF s’issa juru li l-introduzzjoni tal-iffriżar tal-embrijuni f’Malta la hu meħtieġ xjentifikament u lanqas huwa raġonevoli.”
    Din hija waħda mill-konklużjonijiet ewlenin ta’ grupp ta’ esperti fil-qasam tal-mediċina, il-liġi, il-psikoloġija, il-politika soċjali, l-istudji tal-familja, l-istudji tad-diżabbiltà, il-filosofija u t-teoloġija, imqabbda mill-Konferenza Episkopali Maltija biex jipprepara studju fuq it-tibdil li l-Gvern jidher li qed iħejji biex idaħħal fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni (2012). Il-grupp ikkonkluda wkoll li, fuq bażi ta’ argumenti legali, mediċi u etiċi, l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni għandu jibqa’ kif inhu, għax iħares id-dinjità u l-integrità tal-embrijun uman. Barra minn hekk, l-involviment ta’ terzi persuni permezz tad-donazzjoni ta’ gameti u l-maternità surrogata se joħloq dilemmi serji dwar min huma l-veri ġenituri u jwassal għal kwistjonijiet serji etiċi, legali u psiko-soċjali.
    L-Arċisqof Charles J. Scicluna u l-Isqof Mario Grech laqgħu l-konklużjonijiet tal-grupp li kien ikkordinat mill-Fakultà tat-Teoloġija.
    Id-dokument ta’ pożizzjoni jikkonkludi li l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni jħares l-interessi leġittimi tat-tarbija li se titwieled u jippromwovi standards etiċi xierqa fit-trattament tal-fertilità. Jinnota li l-liġi attwali li għaddiet tlett snin ilu biss, kienet approvata unanimament mill-Membri Parlamentari kollha wara proċess estensiv ta’ konsultazzjoni li nvolva lill-istakeholders kollha fuq livell tassew nazzjonali. L-aktar importanti, dan l-Att kien kollu kemm hu ffukat fuq il-protezzjoni tal-embrijun uman – valur li b’mod ċar għadu jinżamm fi stima għolja f’Malta – u li għandu jkun affermat iktar milli mwarrab.
    Il-kunsens unanimu fil-Parlament wassal biex il-fertilizzazzjoni in vitro tkun offruta għall-ewwel darba mis-Servizz tas-Saħħa Nazzjonali, u dan is-servizz issa ilu jopera għal aktar minn sena. Fil-fatt, l-ewwel trabi mwielda minn dawk il-koppji, li t-trattament tagħhom kien suċċess, m’ilhomx ħafna li twieldu. Għalkemm in-numri għadhom żgħar u s-servizz għadu fil-bidu, l-ewwel riżultati wrew rata ta’ suċċess tajba, b’mod speċjali meta wieħed jinnota l-fatt li dawk il-koppji li ngħataw prijorità għal trattament bikri kienu magħmula minn grupp ta’ riskju partikolarment għoli.
    Aktar minn hekk, id-data xjentifika prevalenti u r-riżultati miksuba minn trattament ta’ fertilizzazzjoni in vitro lokalment s’issa juru li l-introduzzjoni tal-iffriżar tal-embrijuni f’Malta mhix meħtieġa xjentifikament u mhix raġonevoli. L-iffriżar tal-embrijuni mhux se jtejjeb r-rata ta’ suċċess lokali, li titqabbel tajjeb ma’ dawk ta’ ċentri barranin. Għall-kuntrarju, la darba l-iffriżar tal-embrijuni huwa bla dubju marbut mal-ħolqien ta’ embrijuni żejda, dan il-proċess se joħloq sensiela ta’ dilemmi etiċi, morali u psikoloġiċi marbuta mar-rimi ta’ embrijuni żejda u l-ħela ta’ embrijuni.
    Barra minn hekk, ma tinsab l-ebda evidenza li t-tibdil għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni huwa meħtieġ minn liġijiet tal-UE jew minħabba sentenzi riċenti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
    Id-dokument ta’ pożizzjoni jesprimi wkoll it-tħassib tal-grupp li l-introduzzjoni tal-ittestjar ġentetiku qabel l-impjantazzjoni mhux probabbli li jkun restritt għal kundizzjonijiet fatali jew li mhux vijabbli. Minflok, huwa probabli ħafna li dan se jkun estiż biex ikopri kundizzjonijiet oħra, fejn it-testijiet ġenetiċi huma disponibbli faċilment, li jwassal għal selezzjoni, skartar u rimi ta’ embrijuni.
    Ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu li hemm bżonn li l-adozzjoni u l-fostering jiġu mħeġġa, promossi u faċilitati minn leġiżlazzjoni xierqa, u li jeħtieġ li sostenn uman u pastorali jkun offrut lil dawk il-persuni li għal xi raġuni ma jkunux jistgħu jkollhom tfal tagħhom stess.
    Il-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta, li kienet delegata mill-Konferenza Episkopali Maltija biex tlaqqa’ grupp interdixxiplinarju biex jipprepara dan l-istudju approfondit, diġà ssottomettiet lill-Knisja f’Malta, fuq talba tal-Isqfijiet, dokumenti ta’ pożizzjoni oħra fuq id-dokument ta’ konsultazzjoni tal-Gvern dwar il-proposta tal-leġiżlazzjoni dwar it-trapjanti tal-organi, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi sesswali, u d-dekriminalizzazzjoni tal-vilifikazzjoni tar-reliġjon u l-pornografija.
    L-esperti li ħadu sehem f’dan l-istudju huma: Rev. Professur Emmanuel Agius (Chairperson), Professur Kevin Aquilina, Ms Grace Attard, Professur Simon Attard Montalto, l-Imħallef Giovanni Bonello, Mr George G. Buttigieg, Ms Astrid Camilleri, Mr Joe Camilleri, Dr Nadia Delicata, Rev. Professur George Grima, Mr Raymond Galea, Rev. Professur Paul Galea, Mr John Mamo, Rev. Dr Paul Pace, Ms Joseanne Peregin, Dr Clarissa Sammut Scerri, Mr Albert Paul Scerri, il-Professur Charles Savona-Ventura, Dr Pierre Schembri Wismayer, Dr Sue Vella, Dr Anna Vella, Rev. Dr Ray Zammit.
    Agħfas hawn biex tniżżel il-verżjoni sħiħa tad-Dokument ta’ Pożizzjoni u Sommarju Eżekuttiv dwar il-Leġiżlazzjoni li tirregola l-Prokreazzjoni Umana Assistita.
    Agħfas hawn biex tniżżel il-verżjoni sħiħa tad-Dokument bl-Ingliż.