• L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħabbar li ser tibda l-ħidma meħtieġa biex jiġi identifikat post għal ‘Dar il-Ħniena’ – residenza ġdida li toffri servizzi aġġornati ta’ kura paljattiva għal persuni b’mard terminali. Spjega li l-ħsieb hu li dan is-servizz jiġi offrut minn Fondazzjoni rreġistrata b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra li jaħdmu f’dan il-qasam. L-Arċisqof qal li din id-Dar ser tkun risposta konkreta li l-Knisja f’Malta ser toffri għal min qiegħed jibża’ mill-mewt bla dinjità minħabba t-tbatija li jġib miegħu l-mard terminali.
    L-Arċisqof ħabbar id-deċiżjoni tiegħu waqt quddiesa li saret illum, it-Tnejn 25 ta’ Lulju 2016, fil-kappella tal-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana. Din il-quddiesa, li għaliha attendew il-ħaddiema tal-Kurja u tal-Caritas, saret fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Kalċidonju, li r-relikwi tiegħu huma meqjuma fl-istess kappella.
    Mons. Scicluna qal li t-twaqqif ta’ ‘Dar il-Ħniena’, 50 sena mit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza – Dar oħra li tixhed il-missjoni ta’ Knisja qaddejja, fuq il-passi ta’ Sidna Ġesù Kristu  –  ser tkun tifkira ħajja tas-Sena tal-Ħniena. Filwaqt li appella għall-ġenerożità tal-pubblika b’risq din id-Dar, l-Arċisqof qal li dan il-proġett ser iwieġeb għas-sejħa tal-Papa Franġisku biex kull Djoċesi twettaq opra tal-ħniena li tfakkar is-Sena tal-Ħniena.
    Waqt l-istess Quddiesa, l-Arċisqof talab l-interċessjoni ta’ San Kalċidonju għal dawk in-nisa li ser isiru ommijiet. Fakkar kif f’Malta kien hawn devozzjoni popolari lejn dan il-qaddis minn nisa tqal, biex jgħaddu mill-ħlas mingħajr kumplikazzjonijiet. Appella lin-nisa biex jagħżlu dejjem id-don tal-ħajja.