• L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Mons. Lino Grech bħala Vigarju Ġudizzjali Aġġunt tat‑Tribunal Reġjonali tat‑Tieni Istanza, u lil Dun Brendan Gatt bħala Vigarju Ġudizzjali Aġġunt tat‑Tribunal Ekkleżjastiku tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta (l‑Ewwel Istanza).
  • Mons. Lino Grech twieled fid‑9 ta’ Lulju 1945. Huwa rċieva l‑edukazzjoni primarja għand is‑sorijiet Agostinjani u l‑Iskola tal‑Gvern fil‑Mosta, u l‑edukazzjoni sekondarja fis‑Seminarju tal‑Arċisqof, il‑Furjana. Fl‑1961 daħal is‑Seminarju Maġġuri fejn studja l‑letteratura, il‑filosofija u t‑teoloġija.
    Mons. Grech ġie ordnat saċerdot fit‑22 ta’ Marzu 1969. Beda il‑ħidma pastorali tiegħu bħala viċi‑kappillan fil‑Mellieħa. Fl‑1975 inħatar bħala l‑ewwel kappillan tal‑Manikata u kompla l‑istudji tiegħu fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fejn fl‑1983 kiseb Diploma fit‑Teoloġija Pastorali. Fl‑1980 gie maħtur Kappillan tal‑Parroċċa tal‑Imġarr. Fl‑1992 beda jservi fit‑Tribunal bħala Attwarju imbagħad bħala Deputat Difensur taż‑Żwieg, fl‑istess waqt kiseb Diploma fid‑Dritt Matrimonjali. Bejn l‑1995 u 1997 studja l‑Università Pontifiċja tal‑Lateran u kiseb Liċenzjat fil‑Liġi Kanonika.
    Wara li temm l‑istudji tiegħu f’Ruma ġie maħtur Imħallef fit‑Tribunal Ekkleżjastiku tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta (l‑Ewwel Istanza) fejn serva sal‑2011, meta ġie maħtur Imħallef fit‑Tribunal Reġjonali tat‑Tieni Istanza. Huwa jservi wkoll fil‑Parroċċa ddedikata lit‑Tlugħ fis‑Sema tal‑Verġni Marija, il‑Mosta.
  • Dun Brendan Mark Gatt twieled fil‑25 ta’ Marzu 1978. Huwa rċieva l‑edukazzjoni primarja u sekondarja fil‑Kulleġġ De La Salle, il‑Birgu. F’Settembru 1997 huwa daħal is‑Seminarju tal‑Arċisqof, Tal-Virtù, filwaqt li studja l‑filosofija u t‑teoloġija fl‑Università ta’ Malta. Bħala parti mill‑formazzjoni saċerdotali tiegħu, matul is‑sena akkademika 1999 – 2000, huwa qatta’ sitt xhur jaħdem bħala ġurnalist u producer ma’ Radju RTK, u sitt xhur oħra jikseb esperjenza pastorali fil‑parroċċa Our Lady of Mercy, fil‑belt ta’ Baton Rouge, Louisiana (USA).
    Dun Brendan ġie ordnat saċerdot fid‑29 ta’ Ġunju 2004. F’Settembru tal‑istess sena kompla l‑istudji tiegħu billi speċjalizza fil‑Liġi Kanonika fl‑Università Pontifiċja Gregorjana, Ruma. F’Ġunju 2007 huwa kiseb Liċenzjat fil‑Liġi Kanonika. Wara dan, Dun Brendan segwa wkoll il‑kors speċjalizzat ta’ Diploma fil‑Ġurisprudenza Kanonika fl‑istess università.F’Ġunju 2009 huwa rritorna Malta fejn ħadem bħala Difensur taż‑Żwieġ u Promotur tal‑Ġustizzja fit‑Tribunal Ekkleżjastiku tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta (l‑Ewwel Istanza).
  • Bejn l‑2011 u l‑2014 Dun Brendan serva wkoll bħala Mħallef fit‑Tribunal Ekkleżjastiku tad‑Djoċesi ta’ Għawdex. Fl‑2014 ġie maħtur Imħallef fit‑Tribunal Reġjonali tat‑Tieni Istanza, u f’Ġunju tal‑2015 sar Imħallef fit‑Tribunal Ekkleżjastiku tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta (l‑Ewwel Istanza).
    Matul dawn is‑snin, Dun Brendan serva wkoll f’parroċċi u f’komunitajiet diversi, inkluż il‑parroċċa tiegħu, il‑Mosta. Bejn l‑2009 u l‑2012 huwa kien Rettur taż‑Żona Pastorali Marija Omm il‑Knisja, f’Ta’ Mlit, il‑Mosta. Mill‑2014 ‘l hawn huwa qed jgħin bħala saċerdot fil‑Parroċċa ta’ San Ġużepp, l‑Msida; bejn l‑2015 u l‑2016 kien ukoll membru tal‑Bord tad‑Diretturi ta’ Radju RTK.