• “Tassew, ngħidilkom, kulma tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti, tkunu qed tagħmluh miegħi” (Mt 25:40) qal Ġesù lin-nies. Forsi qatt ma ħsibna li dan il-kliem jgħodd ukoll għall-iżgħar fost l-iżgħar minn ħutna – embrijun ċkejken, kważi mikroskopiku, li wkoll għandu jkun protett milli meqjuż bħala sempliċi kommodita’ jew dritt għal xi wħud.

    Il-leġiżlazzjoni proposta dwar l-iffriżar tal-embrijuni qanqlet tħassib serju. L-Arċisqof Charles J. Scicluna stqarr li l-leġislazzjoni li tippermetti l-iffriżar tal-embrijuni tmur kontra d-dinjità ta’ din il-‘persuna umana’, u saħaq li dan ser joħloq dilemmi etiċi kbar. Il-Moviment ta’ Kana stqarrew ukoll li din qed tiftaħ it-triq għall-legalizazzjoni tal-abort. Il-Moviment stqarr li “l-ħajja umana tibda mill-mument tat-tnissil u għalhekk jeħtieġ li kull embrjun għandu jiġi ttrattat b’rispett u b’dinjità sa mill-ewwel waqt tat-tnissil”.

    Il-Fondazzjoni Life Network għadha kemm ħarġet petizzjoni (agħfas hawn) biex tħeġġeġ lill-pubbliku sabiex isemma leħnu kontra din il-leġiżlazzjoni. Il-Knisja f’Malta tappoġja din l-inizzjattiva u tħeġġeġ l-Insara jipproteġu d-don tal-ħajja, inkluż l-iżgħar u l-iktar vulnerabbli, jiġifieri l-embriju uman.