• Fl-Ittra ta’ San Pawl lil Timotju insibu deskrizzjoni ta’ min għandu jkun isqof tal-Poplu ta’ Alla: għandu “jkun bniedem li ma ssibx xi tgħid fih…li jkun meqjuż, prudenti, serju; li ma jkunx vjolenti, imma ġwejjed” (1 Timotju 3, 2-3). Dawn huma kollha virtujiet li kienu jiddu matul il-ħajja u l-episkopat tal-Arċisqof Emeritu Mons. Ġużeppi Mercieca, li reġa’lura f’Dar il-Missier, it-Tnejn 21 ta’ Marzu 2016, fis-7:20 a.m. Bħala Nsara, b’mod speċjali fil-ġimgħa tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu, aħna lkoll imsejħin biex nagħtu l-aħħar tislima lil Mons. Mercieca, nirringrazzjaw lil Alla tal-ħidma fejjieda li wettaq bħala Arċisqof ta’ Malta u niftakru fiħ fit-talb tagħna. Agħtih O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.