Nhar is-Sibt 13 ta’ Frar, 2010, f’konferenza organizzata minn ProġettImpenn ġewwa lukanda fil-Floriana bit-tema xejriet fil-familji Maltin: fatti u figuri, l-Arċisqof Pawlu Cremona OP aċċenna għall-ambjent tajjeb għal-għajxien aħjar. Dan iwassal biex iħalli impatt pożittiv fuq l-attitudni tan-nies involuti fiz-żwieġ; li jwassal għal-familja iktar stabbli.

L-Arċisqof kompla jgħid li żwieġ li jirnexxi jew ma jirnexxix jiżvolġi f’kuntest ta` familja, ħbieb u xogħol u għalhekk qal għandha tiġi offruta l-għajnuna neċessarja anki fuq il-post tax-xogħol sabiex il-familja tkun tista’ tibqa soda.  L-Arċisqof qal li l-familja stabbli trid dejjem tirringrazzja l-Mulej  u dan l-istess don għandu jinqasam ma’ familji oħrajn li għandhom bżonn l-għajnuna, biex b’hekk ma tinħelix l-energija fi tkażar u tħassir ta` l-istess familji fil-bżonn.

L-Arċisqof tenna li hemm bżonn li l-istituzzjonijiet għolja f’Malta jieħdu l-inizzjattiva sabiex joffru dwal ġodda għall-ambjent tagħna illum, sabiex iż-żwieġ jaħdem u id-don ta` Alla jkun sabiħ u b’saħħtu.

Fl-intervent tiegħu Monsinjur Anton Gouder ippreżenta studji minn universitajiet fl-Amerika u fl-Ewropa li juru kif familja fiż-żwieġ tibbenefika minn qagħda fizika u mentali iktar b’sahhitha minn ta’ koppji li jikkoabitaw. Studji oħra, qal Monsinjur Gouder, juru kif nies li jkunu kuntenti biż-żwieġ tagħhom huma l-iktar żwiġijiet li jirnexxu. Riċerka oħra turi li l-ansjeta` hija inqas preżenti f’koppja miżżewga milli f’nies single jew li jikkoabitaw għaliex iż-żwieġ jgħin għall-imġieba u attitudnijiet aħjar. Riċerka oħra turi li hemm relazzjoni bejn it-tkissir ta` familja u l-abort.

Waqt din il-konferenza imtella mill-Moviment ta’ Kana u l-Ufficju Nazzjonali ta’ l-Istatistika (NSO) taw l-intervent tagħhom id-direttur ġenerali ta` l-istess Uffiċċju, is-Sur Michael Pace Ross, bi preżentazzjoni oħra ta` statistika minn Etienne Caruana u Clyde Caruana, ħaddiema fl-istatisika fi ħdan l-NSO.