• Is‑Sibt 15 ta’ Ottubru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa li fiha saret il‑wegħda taċ‑ċelibat mis-seminaristi li se jsiru djakni, fil‑kunvent tas-Sorijiet Benedittini tal-Klawsura, l-Imdina.      

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna                                             

  • Sorijiet Benedittini tal-Klawsura tal-Imdina
    15 ta’ Ottubru 2016

    Illum nitlob fuqkom l-interċessjoni tal-Beata Marija Adeodata Pisani, isimha jfakkarni li intom ukoll don ta’ Alla lid-djoċesi, u intom adeodati wkoll, ftakru li intom u timpenjaw ruħkom biex tkunu eżempju sabiħ ta’ fidi u timpenjaw ruħkom għall-ħajja taċ-ċelebat. Qed tirċievu don kbir, kbir ħafna u bħalma tgħid Santa Tereża ta’ Ġesù li tagħha ċċelebrajna l-festa llum, ‘aħna qed nirrispondu bl-imħabba għall-imħabba li rċevejna’.

    Il-Mulej jagħtikom il-grazzja u l-għerf tirrealizzaw il-verità tal-kelma li l-Knisja tpoġġi l-ewwel nett fil-fomm tal-Isqof, ‘qaddej tiegħek mingħajr ma jistħoqqli. Din ir-realizzazzjoni, din il-consapevolezza tagħtina libertà kbira, il-libertà li niggranfaw mal-ħniena ta’ Alla. Tinsewx li intom qed tagħmlu din il-wegħda solenni tagħkom u se ssiru djakni inkardinati mad-djoċesi tagħna fis-Sena tal-Ħniena.  

    Dawn kollha huma elementi li għandkom tiftakru biex tifhmu s-sinifikat profond tal-ġest li qegħdin tagħmlu llum quddiem sħabkom is-seminaristi, quddiem il-ġenituri tagħkom u ħbieb. Ngħidilkom din il-ħaġa: smajtuha d-domanda li Ġesù jagħmel fl-aħħar tal-Evanġelju ta’ San Luqa. “Bin il-Bniedem meta jiġi fuq l-art, se jsib il-fidi?” (Lq 18, 8). Meta jerġa’ jiġi, se jsib il-fidi? Din hija waħda mid-domandi li Ġesù għamel u ma tax risposta tagħha għax ir-risposta, kif tafu, tiddependi minna. Ir-risposta jekk Ġesù hux se jsib il-fidi meta jerġa’ jiġi, tiddependi minna. Din tiddependi mir-risposta personali ta’ kull wieħed minna, tiddependi anke mid-dedikazzjoni ta’ kull wieħed minna. Aħna sejrin nagħtu kont lil Alla u dejjem nawguraw li jkun ħanin magħna, ta’ dan l-impenn li ħadna fuqna bis-sejħa tiegħu u kif wettaqnih.   

    Ix-xhieda tagħkom hija xhieda silenzjuża, mhux se tkun fuq il-headlines tal-gazzetti għada, għax bħalma jgħid il-Papa Franġisku: aħna bħall-ajruplani, inkunu fil-headlines meta naqgħu mhux meta ntiru. Jiena nawgura l-ewwel nett li qatt ma taqgħu biex qatt ma tkunu fuq il-headlines u għamluli pjaċir, jekk mhux lili lil ta’ warajja. It-tieni, aħna mhux qegħdin biex inkunu fuq il-headlines imma biex bl-istqarrija tal-fidi tagħna b’mod speċjali li intom illum qabel ma tieħdu d-djakonat tagħmlu l-istqarrija tal-fidi nagħtu risposta għad-domanda ta’ Ġesù.  

    L-istqarrija tal-fidi tagħkom mhix biss li taqra formola u tiffirmaha, imma inti timpenja ruħek biex tirrispondi għad-domanda li ħarġet mill-Qalb ta’ Ġesù: “meta niġi lura se nsib il-fidi?” Inti tgħidlu: “Sinjur, jiena nemmen, jiena nemmen, imbagħad tħares lejn il-Liturġija ta’ dan il-Ħadd li jibda llum, l-ewwel għasar, fejn il-Mulej fil-Liturġija tal-Knisja qed jgħallmuna l-importanza tat-talb. Dik l-armla irnexxielha tieħu l-ġustizzja minn dak l-Imħallef li l-Mulej jgħidlu ‘ħażin’ għax ħaditlu rasu. Il-Mulej jgħid, ‘issa jien dan l-imħallef ħażin tad-dinja għamel xogħolu għax ħaditlu rasu, sejjer mhux se jisma’ lilkom, mhux se jisma’ lill-uliedu?’ (ara Lk 18, 5-7).                                                                                                                                  

    Tgħidli “jiena niġi nitolbu u ma jismagħnix”. San Ġakbu jgħidilna: “it-talb tagħkom ma jinstemax għax ma jkunx talb magħmul tajjeb” (Ġak 4, 3) titolbu ħażin jgħid Ġakbu għax l-ikbar talba li għallimna hija: “tkun magħmulha r-rieda tiegħek”. 

    Intom tafu li d-don li qed jingħatalkom imsejjaħ ċelebat, id-dinja tal-lum ftit tagħmel sens, naqra kontra l-kurrent, mhux naqra. Intom tafu wkoll, li l-kurrent kontra qiegħed fil-ġisem tagħna stess, allura trid ħafna paċenzja bik innifsek, trid l-umiltà ta’ min jiggwidak, u trid ukoll l-għerf li tirrealizza li dan id-don trid tgħixu kuljum, tibda mill-ġdid. Tiżloq fin-niexef, tegħreq, terġa tibda. Jiena nitlob fuqkom b’din it-talba kbira mhux biss biex ma jkollniex uġigħ ta’ ras, mhux b’mod egoistiku – li tgħixu dan l-impenn li se tieħdu b’fedeltà biex in-nies li jiltaqgħu magħkom jiltaqgħu ma’ ragħaj u mhux ma’ lupu, qed tifhmuni? Qisu d-dgħufija tagħkom, aċċettaw biex tikbru fl-umiltà, imma itolbu l’Alla li ma tagħmlu ħsara lil ħadd. Ma naħsibx li hemm għalfejn inkun iżjed ċar.    

    Jiena nitlob ħafna fuqkom għaliex l-imħabba tagħkom għalkemm imħabba ta’ rġiel dgħajfin, tkun imħabba vera u safja. Il-poplu mingħajr ma jrid – għax għandu x-ray fin ħafna – jinġibed lejna u permezz tagħkom jinġibed lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Is-safa tagħkom li tiswa ħafna flus u għamiltu tajjeb li tlabtu lis-Sisters jitolbu għalikom anke bil-preżenza tagħhom. Is-safa tagħkom tridu tiggwadanjaw minn qrara għall-oħra kuljum bil-paċenzja, bil-mortifikazzjoni.Is-safa tagħkom hija teżor prezzjuż għall-Knisja, mhijiex option. Daqskemm hi għażiża l-fidi tagħkom hekk hi għażiża s-safa tagħkom. Il-fidi tagħkon takkwistawha kuljum billi tgħidu: “jiena nemmen” Is-safa tiegħek takkwista kuljum billi tgħidlu: “jiena dgħajjef, għini fid-dgħufija tiegħi”.   

    Nawguralkom ħafna li fil-ħajja tagħkom ikollkom l-esperjenza tal-imħabba ta’ Ġesù fit-talb. Huwa privileġġ għalina li aħna msejħin mill-Knisja wkoll biex nitolbu. Biex nitolbu bil-qalb u f’isem l-Għarusa ta’ Ġesù. Intom ukoll bid-Djakonat minn hawn hawn u ftit jiem oħra fil-festa ta’ San Ġuda, il-patrun tal-impossibbli u ta’ Xmun minn Kana tal-Galilija, il-post tal-ewwel sinjal. Intom li se tieħdu fuqkom dan il-privileġġ li titolbu f’isem l-Għarusa, għax dan huwa t-talb tal-liturġija tas-siegħat u l-privileġġ li tkun ordnat biex titlob. L-ewwel li tagħmel il-Knisja tordnalna biex nitolbu u l-kelma t’Alla li tkellimna fuq il-ħtieġa li d-dixxipli jitolbu bla ma jieqfu. Ġesù jagħti parabbola biex jgħallimna l-ħtieġa li nitolbu bla ma nieqfu. Il-Knisja tagħżel l-Ewwel Qari, tal-effett  ta’ l-interċessjoni ta’ Mose’ li twassal għar-rebħa, biex turina li aħna f’din l-agunija, din it-taqbida, agunija hija t-taqbida, twassal għar-rebħa. Aħna rridu nitolbu kontinwament, jekk ma nitolbux se nintilfu bħal Mose’ li jgħejja. Ix-xbieha ta’ Mose’ li jgħejja jitlob taħt l-għolja jitħarbat kollox, meta mbagħad jibqa’ jdejħ merfugħa, anke bil-għajnuna ta’ Ħur u Aron, jirbaħ (ara Eż 17, 12).

    Intom għandkom bżonn ukoll l-għajnuna fil-ministeru tat-talb u għalhekk nitlob lil sħabkom, lill-għeżież familjari tagħkom biex jgħinukom. Aħna għandna l-grazzja li ma ngħixux ‘il bogħod mill-familji tagħna. Dik il-ħarsa għażiża tal-omm li tkun taf fejn sejjer u tkun taf minn fejn ġej mingħajr ma tgħidilha. Hija ħarsa għażiża, prezzjuża, għożżuha u itolbu wkoll li intom tkunu, bħalma qal Xmun fuq Ġesù, l-għolja, dawl u wkoll kunu wkoll sinjal li jmerukom, tibżgħux. B’hekk twasslu lill-poplu għażiż tagħna għas-salvazzjoni, li hi persuna, Ġesù.

     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Seminarju, Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja