• Il‑Ħadd 16 ta’ Ottubru 2016,  l-Arċisqof Charles J. Scicluna amministra s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof lill‑adoloxxenti fil‑Parroċċi tal‑Birgu u tal‑Gudja.
     

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Parroċċa San Lawrenz, il-Birgu

                                                                                             16 ta’ Ottubru 2016

    L-arċipriet għadu kemm iddikjara li intom ippreparati biex tirċievu s-sagrament tal-Griżma tal-Isqof. Jiena għadni kemm iddikjarajt – ma nafx jekk smajtunix – li intom membri adulti. Meta qed ngħidilkom ‘intom membri adulti’ qed insejħilkom żgħażagħ li se tagħmlu l-Griżma. Tgħidli “jien għad għandi 12-il sena”, jiġifieri għad baqalna biex inkunu 18, tibdew issuqu l-karozza, għad baqalkom. Tgħidli: “adulti, naqra kelma kbira din, xi tfisser?”

    Intom minn hawn u ftit ieħor se nistaqsikom u nixtieq nismagħkom li se tiċħdu lix-xitan u li tgħidu li temmnu f’Alla l-Missier, u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Din il-ħaġa diġa għamluha l-parrini tagħkom u l-ġenituri tagħkom meta intom kontu trabi u ġabukom għall-magħmudija. Illum il-fidi tagħna se tistqarruha intom.

    Niftakru fl-aħħar sentenza tal-Evanġelju li qara’ l-arċipriet. Ġesù jagħmel din il-mistoqsija: “meta Bin il-bniedem” li jfisser Ġesù stess –  “meta Bin il-bniedem jerġa’ jiġi fl-aħħar taż-żminijiet”. Mhux issa, aħna ngħidulu ‘m’hemmx għalfejn tgħaġġel’ Ġesù jagħmel din il-mistoqsija: “meta jerġa’ jiġi Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art?” (Lq 18, 8) Aħna nistgħu ngħidulu: ‘Inti taf kollox. Inti taf tagħmel id-domanda u taf ir-risposta wkoll, għax aħna ngħidu li int Alla allura inti taf kollox’.

    Din hija domanda iebsa ħafna biex jirrispondieha l-Mulej, għaliex? Għax tiddependi minna. Alla se jsib il-fidi meta jiġi? Se jsib nies li jħobbuh? Se jsibha l-imħabba? Mhux bilfors. Alla jħobbna, imma jiddependi minna jekk irridu nħobbuh. Jiena se nagħmel din il-mistoqsija: Intom tħobbuh lil Ġesù? X’se tgħidu? Lil San Lawrenz? Ir-risposta għal San Lawrenza għidtuha malajr.

    San Lawrenz miet għal Ġesù ta! San Lawrenz kien żgħżugħ ftit ikbar minnkom, Djaknu u ġeneruż, minn Spanja. Intom l-istorja tiegħu tafuha bl-amment, u spiċċa barbecue. Povru bniedem li minn jaf kemm bata. Tista’ timmaġina li jpoġġuk fuq gradilja fuq in-nar u inti toqgħod hemm u ma taħrabx, l-ewwel nett għax tkun marbut, imma biex ma tiċħadx lil Ġesù, biex inti turi li ħajtek għalih. Jekk veru tħobbu lil San Lawrenz ma tistgħux ma tħobbux lil Ġesù li għalih San Lawrenz miet.    

    Illum qegħdin nilbsu wkoll l-aħmar fil-festa tal-Griżma tagħkom, bħalma l-Knisja tilbes l-aħmar fil-festa ta’ San Lawrenz. Għaliex San Lawrenz ngħidulu ‘levita’ li tfisser djaknu. X’inhu t-titlu ta’ San Lawrenz? Levita u Martri. Martri ġejja mill-kelma Griega ‘martus’ li tfisser ‘xhud’. San Lawrenz kien xhieda kemm għax kien levita u xhud ta’ Ġesù bħala martri billi miet għalih u nxtered demmu. Mewta tassew kiefra.

    Inti l-Mulej Alla se jiskansak, mhux se jitolbok tkun xhud tiegħu daqshekk, imma hemm ħafna affarijiet żgħar, u anke kbar fil-ħajja li jkunu diffiċli u inti f’ħin minnhom trid tgħid: “Jiena se nkun xhud ta’ Ġesu jew le?”. Xi ħadd iħajrek tgħajjar lil sieħbek l-iskola, tagħjru jew b’xi difett, jew għax ma taqbilx miegħu, imqar jekk jżomm ma’ tim tal-futboll differenti. Inti tgħid: “jiena bħala Nisrani x’se ngħid? Se nagħmel bħal sħabi biex kulħadd jitbissimli, għal dak il-ħin? U lil sieħbi ngħajru? Jew ngħid jiena Nisrani?”. Ġid lil kulħadd, deni lil ħadd. Għandkom lil Ġorġ hawnhekk jgħaddi minn taqbila għall-oħra. Kemm iħobb jirrepetieha din Ġorġ, kienet ta’ San Ġorġ Preca wkoll. Ġid lil kulħadd, deni lil ħadd! Dak huwa n-Nisrani. U tant taqbiliet oħra. Insemmih lil Ġorġ għax huwa glorja. U allura inti tgħid: “Le, Ġesù din il-ħaġa ma jridhiex, mela ma nagħmilhiex”. Ikollok tagħżel, bħalma kellu jagħmel San Lawrenz.

    Inkella meta tikber tkun futboller, forsi hawn xi ħadd li se jkun futboller kbir, ma nafx min hu, imma jista’ jkun hawn xi ħadd minnkom se jkun futboller kbir. Jiġi xi ħadd jgħidlek: “Nagħtik elf Ewro biex inti l-partita ddawwarha”. Jipprova jixtrik, bil-Malti. U inti jkollok bżonnhom dawk il-flus jew għall-honeymoon jew għat-tieġ qabel il-honeymoon, tgħid: “Issa dawn mhux komdi, nagħmel awto gowl jew inkella ma niskurjax biex il-partita ndawwarha kif irid dan ir-raġel u nieħu l-flus?”. U inti tgħid: “le, nippreferi li nkun ifqar imma onest”.

    Jew meta tikbru u tmorru positijiet ta’ divertiment jkun hemm xi ħadd joffrilek id-droga. “Taf kemm tieħu pjaċir”, jgħidlek, “ara, nagħtik discount ta, bi ftit flus”, sakemm jaqbdek fil-lixka, int x’se tagħmel?  Adulti, għax nixtieqkom taħsbu b’moħħkom u tiddeċiedu b’qalbkom li tagħżlu t-tajjeb. Din hi l-Griżma, mhux taraha bħala graduation u tgħid: “ara issa ġejt, iltqajt mal-Isqof u issa ma niġix iżjed, imbagħad forsi niġi għat-tieġ”. Anzi bil-Grizma, issa inti tiddeċiedi tgħid: “jiena għandi bżonn immur għall-Ewkaristija, is-Sibt fil-għaxija, jew il-Ħadd.

    Kelma lill-parrini. Tlett affarijiet. L-ewwel nett inti li għażilt, jew forsi ma għażiltx li tkun parrinu jew parrina, imma fuqek ħadt dawn it-tlett responsabbiltajiet. L-ewwel nett trid titlob għall-filjozz jew il-filjozza. Tgħidli: “jien ma nafx nitlob”. Imqar ‘Sliema’ u ‘Qaddisa’ darba kuljum għall-filjozz jew il-filjozza. Tgħidli: “Sliema u ‘qaddisa’ insejtha”. Għidlu: “Mulej, ħu ħsieb il-filjozz, Mulej, ħu ħsieb il-filjozza”. Tasal biżżejjed għax inti għandek rabta spiritwali ma’ dan iż-żgħażugħ ma’ din iż-żgħażugħa għax li tkun parrinu hemm rabta spiritwali.

    It-tieni: is-sapport. Dawn se jikbru, rashom se tibbies, isiru jiġifieri ras iebsa. Mhux dejjem se jgħidu ‘iva’ b’ċerta faċilità u b’ħeffa. Għandhom bżonn is-sapport, għandhom bżonn min jaghtihom parir. Il-parrina u l-parrinu qegħdin għalhekk.

    It-tielet, iżjed diffiċli: l-eżempju. Għax il-kliem iqanqal imma l-eżempju jkaxkar. Tgħidlu: “Mort quddies?” Jgħidlek: “Inti mort?”  Checkmate. Jagħlaqlek ħalqek. Tgħidlu: “iva, mort jien imma ma rajtekx”. Jgħidlek: “X’kien liebes il-qassis?”. Tgħidlu: “Mhux is-soltu!”. Ma tgħoddx! Mela talb, sapport u eżempju. Kelma ta’ grazzi, inkoraġġament lill-ġenituri, lill-qraba, tas-sapport mhux tal-ispejjeż, tas-sapport lil kull wieħed u waħda minnkom u nagħtikom l-aħħar tagħlima: Isma’ minn ommok u missierek għax jien persważ li jixtiequlek l-aqwa ġid. Kunu mberkin.

     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja