Tribunal Metropolitan

Dun Brendan Mark Gatt

    • Vigarju Ġudizzjali Aġġunt

      Dun Brendan Mark Gatt twieled fil‑25 ta’ Marzu 1978. Huwa rċieva l‑edukazzjoni primarja u sekondarja fil‑Kulleġġ De La Salle, il‑Birgu. F’Settembru 1997 huwa daħal is‑Seminarju tal‑Arċisqof, Tal-Virtù, filwaqt li studja l‑filosofija u t‑teoloġija fl‑Università ta’ Malta. Bħala parti mill‑formazzjoni saċerdotali tiegħu, matul is‑sena akkademika 1999 – 2000, huwa qatta’ sitt xhur jaħdem bħala ġurnalist u producer ma’ Radju RTK, u sitt xhur oħra jikseb esperjenza pastorali fil‑parroċċa Our Lady of Mercy, fil‑belt ta’ Baton Rouge, Louisiana (USA).
      Dun Brendan ġie ordnat saċerdot fid‑29 ta’ Ġunju 2004. F'Settembru tal‑istess sena kompla l‑istudji tiegħu billi speċjalizza fil‑Liġi Kanonika fl‑Università Pontifiċja Gregorjana, Ruma. F'Ġunju 2007 huwa kiseb Liċenzjat fil‑Liġi Kanonika. Wara dan, Dun Brendan segwa wkoll il‑kors speċjalizzat ta’ Diploma fil‑Ġurisprudenza Kanonika fl‑istess università.F'Ġunju 2009 huwa rritorna Malta fejn ħadem bħala Difensur taż‑Żwieġ u Promotur tal‑Ġustizzja fit‑Tribunal Ekkleżjastiku tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta (l‑Ewwel Istanza).
      Bejn l‑2011 u l‑2014 Dun Brendan serva wkoll bħala Mħallef fit‑Tribunal Ekkleżjastiku tad‑Djoċesi ta’ Għawdex. Fl‑2014 ġie maħtur Imħallef fit‑Tribunal Reġjonali tat‑Tieni Istanza, u f’Ġunju tal‑2015 sar Imħallef fit‑Tribunal Ekkleżjastiku tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta (l‑Ewwel Istanza).
      Matul dawn is‑snin, Dun Brendan serva wkoll f’parroċċi u f’komunitajiet diversi, inkluż il‑parroċċa tiegħu, il‑Mosta. Bejn l‑2009 u l‑2012 huwa kien Rettur taż‑Żona Pastorali Marija Omm il‑Knisja, f’Ta’ Mlit, il‑Mosta. Mill‑2014 ‘l hawn huwa qed jgħin bħala saċerdot fil‑Parroċċa ta’ San Ġużepp, l‑Msida; bejn l‑2015 u l‑2016 kien ukoll membru tal‑Bord tad‑Diretturi ta’ Radju RTK.
  • Għal aktar informazzjoni dwar it-Tribunal Reġjonali Tat-Tieni Stanza, agħfas hawn