Kelma tal-Ħajja

Jalla l-Kelma tiegħek, Mulej,

tħeġġiġna nishru fuq din l-art,

l-art li rċevejna mingħandek stess.

Jalla din l-art tagħmel ħafna frott

u toffri ambjent sabiħ u armonjuż

fejn it-tfal ta’ għada

jkunu jistgħu jgawdu

l-ward u x-xewk

tal-ħajja ferrieħa tagħhom.

Jalla l-Kelma tiegħek, Mulej,

issejħilna nqassmu l-imħabba tiegħek

lil sħabna fuq din l-art

sabiex huma jkunu jistgħu

jduquha u jiggustawha

bħala ikel bnin u abbundanti

li jaqta’ l-ġuħ u l-għatx

li huma għandhom

għall-hena bla tmiem.

Jalla l-Kelma tiegħek, Mulej,

tqajjem il-fidi tagħna

li teħodna fil-preżenza ta’ l-Ispirtu

li jimliena b’dik l-hena,

u bil-kwiet kollu

u mingħajr waqfien

jibgħatna lura nwassluh

fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum!