• ***

    Direttur: David Yates

    Atturi: Eddie Redmayne, Katherine Waterston, Dan Fogler, Alision Sudol, Ezra Miller, Samantha Morton, Jon Voight, Carmen Ejogo u Colin Farrell

    Ħin tal-Film: 133 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12A

    Ninsabu fis-sena 1926 meta Newt Scamander jasal New York wara vjaġġ minn Londra. Newt ex-student fil-Kulleġġ ta’ Hogwarts li l-għan ewlieni ta’ din l-iskola kien li jħarrġu sħaħar biex jistudjaw u jippreservaw  kreaturi strambi. Newt kien ivvjaġġa tul il-globu kollu u rrnexxielu jiġbor ħafna minn dawn l-annimali. Kien iżommhom kollha ġewwa valiġġa maġika u kienet tiġbor kollox fiha. Sfortunatament, f’inċident, din il-valiġġa, bi żball, ġiet f’idejn Jacob Kowalski li wkoll kellu u kien qiegħed iġorr valiġġa simili. Jacob bla ma ried, meta fetaħ il-valiġġa llibera l-annimali kollha li Newt kien qiegħed iżomm fiha. Riżultat ta’ dan l-inċident, inħolqu żewġ problemi serji għal Newt. L-ewwel waħda kienet li sejjer iqum il-biża’ ta’ ħsara kbira li dawn l-annimali strambi setgħu jagħmlu fil-fawna tal-pajjiż; it-tieni, riżultat ta’ din is-sensazzjoni, ir-reazzjoni tal-poplu meta jibda jirrealizza l-eżistenza tas-sħaħar fosthom, li sa dak iż-żmien kienu għadhom mistura. Il-biża’ li waqa’ fuq dawn is-sħaħar, li kellhom ix-xirka tagħhom organizzata, ta’ x‘jiġri hekk kif jinstab li kienu jeżistu. Bla ebda dubju, kien sejjer ikun hemm kaċċa għalihom u persekuzzjoni ħarxa. Biex jimpedixxi dan kollu, Newt jgħaqqad l-isforzi tieghu ma’ Tina Goldstein li kienet l-uffiċjal għal-ħarsien u l-infurzar fil-Ministeru tal-Maġija. B’xorti tajba Newt jiltaqa’ ma’ Jacob li jaċċetta li jgħin fl-operazzjoni biex jinqabdu l-annimali strambi li kienu ġa bdew jagħmlu ħerba mill-belt ta’ Gotham. Biex tgħinhom f’din l-operazzjoni diffiċli, ngħaqqdet magħhom ukoll, Queenie, oħt Tina,  li ħadet grazzja ma’ Jacob.  X’jiġri minn hawn? Tgħid jirnexxielhom isalvaw is-sitwazzjoni gravi li sabu ruħhom fiha?

    Film Brittaniku – Amerikan ta’ fantasija epika, hu taħt id-direzzjoni ta’ David Yates u kitba ta’  J. K. Rowling li kitbet is-sensiela ta’ kotba: Harry Potter u li kisbet suċċessi kbar. Il-film ilaqqagħna ma’ Newt Scamander, ex-student fil-Kulleġġ Hogwart fejn ukoll kien trawwem Harry Potter. Minnħabba xi xeni ta’ biża‘ u vjolenti kif ukoll xi kliem baxx, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena iżda dawk ta’ eta’ iżgħar jistgħu jarawh jekk akkumpanjati minn xi adult.