• ****

    Direttur: Gareth Edwards

    Atturi: Felicity Jones, Diego Luna, Ben Mandelsohn, Donnie Yen, Mads Mikkelsen, Alan Tudyk, Jiang Wen u Forest Whitaker

    Ħin tal-Film: 133 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12

    L-Imperu Galaktik iddeġenera forza qerrieda u tirranika taħt it-tmexxija tal-Kmandant Imperjali  Orson Krennic. Kien għalhekk li nħolqot Alleanza Ribella, taħt it-tmexxija ta’ Mon Mothma,  biex toffri reżistenza qabel ma jkun tard wisq. Biex iseħħ dan, kien hemm il-ħtieġa li tirrekluta lil Jyn Erso, it-tifla tax-xjentist Galen Erso li għal ħafna snin kienet inħbit taħt isem ieħor. Issa kien wasal iż-żmiem li Jyn toħroġ mill-moħba tagħha u tibda taħdem id f’id mal-Alleanza biex iġġib fix-xejn it-theddida tal-Imperu Galaktik. Il-pjan kien li permezz ta’ ekwipaġġ taħt it-tmexxija tal-Kaptan Cassian Andor u l-eks pilota Imperjali Bodhi Rook, jerġgħu jieħdu taht idejhom il-blueprints ta’ Death Star, arma qerrieda li l-Imperu kien żviluppa. Death Star kellha l-kapaċita li teqred il-pjaneti kollha. L-Alleanza Ribella li kienet mibnija fuq  It-tama kienet temmen li l-qerda ta’ din l-arma seta’ jseħħ għax wara kollox kienet sejra tkun taqbida bejn il-Forza tas-Sewwa u l-Forza tal-Ħazen. Galen Erso,  xjentist brillanti,  kien bena din l-arma sofistikat teknoloġika mingħajr ma għaraf il-konsegwenzi li seta’ jkun hemm. Issa li kien jinsab taħt idejn Krennic ma kienx ħieles ħlief biex jagħmel dak li jgħidlu. Jyn kienet temmen li dak li bena missierha kien hemm il-possibilta’ li din l-għodda tal-gwerra qerrieda  tista’ tiġi ssabotaġġjata minn ġewwa stess. Biex tipprova dan, Jyn kellha bżonn l-għajnuna tal-Uffiċjal tal-Alleanza, il-Kaptan Cassian kif ukoll tal-mekaniku robot K-2SO. Mill-kliem kien hemm il-bżonn urġenti li jgħaddu għal azzjoni. Kif kien sejjer isir dan? Tgħid jirnexxielhom qabel ma jkun tard wisq!  Sadanittant il-mexxejja tal-Imperu Galaktik kienu ddeterminati li jibqgħu mexjin bil-ħsieb tagħhom tant li jġegħlu lil Galen biex jagħmel prova ta’ Death Star. Il-prova ssir u turi tassew il-qawwa  u l-potenzjal qerriedi tagħha. Xi jsir minn hawn?

    Film Amerikan hu taħt id-direzzjoni ta’ Gareth Edwards u kitba ta’ Chris Weitz u Tony Gilroy minn storja miktuba minn John Knoll u Gary Whitta. Għalkemm il-film hu vjolenti u mimli azzjoni ta’ glied u battalji qliel  kemm fl-art kif ukoll fis-smewwiet,  iżda għandu wkoll messaġġ pożittiv fejn jawgura li s-sewwa jirbaħ żgur. Ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu it-tnax–il sena.