• Qegħdin fi Pjazza San Pietru f’dan il-lejl qaddis tal-Milied. Nixtieq inwasslilkom l-awgurju tiegħi propju minn din il-pjazza li tilqa’ eluf u eluf ta’ Kattoliċi li jiġu biex jisimgħu l-leħen tal-Papa Franġisku, is-suċċessur ta’ Pietru.

    Din is-sena għandna l-presepju li ħejja l-artist Għawdxi Manwel Grech u li r-Repubblika ta’ Malta, il-Gvern Malti, rregala lill-Papa Franġisku. Ħdejn il-presepju hemm siġra sabiħa li ġiet mill-provinċja ta’ Trento fl-Italja. Fil-presepju li ħoloq Manwel Grech, ispirat mill-pajsaġġ Malti, hemm diversi personaġġi madwar il-grotta fejn insibu lil Ġużeppi, lil Marija u lill-Bambin Ġesù.

    Taħt il-gallerija bis-salib ta’ Malta, insibu raġel rieqed fuq karettun, il-pastur li aħna nafu lkoll fil-presepji tagħna. Dan ir-raġel rieqed ifakkarna li fil-Milied aħna wkoll nistgħu nkunu tant distratti li ninsew is-sinifikat veru ta’ din il-festa. It-talba tagħna llum, aħna u naraw lir-rieqed fil-presepju, hija li aħna niftħu għajnejna biex tassew napprezzaw it-tifsira tal-Mulej li sar bniedem għalina.

    Imbagħad hemm dak li aħna l-Maltin insejħulu ‘x-xabbatur’ – żagħżugħ li jixxabbat mal-grotta biex jittawwal ħalli jara x’inhu jiġri. Hija wara kollox il-kurżità naturali tagħna l-bnedmin, dan l-istint li hemm fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna li nfittxu u nsibu lil Alla, li jġegħilna napprezzaw il-preżenza tiegħu f’dan il-lejl tal-Milied, tarbija f’maxtura. Għax dan kien sinjal li l-anġlu ta lir-ragħajja: “inħabbrilkom ferħ kbir … tweldilkom Salvatur u dan hu s-sinjal: issibu tarbija mgeżwra u mimduda f’maxtura” (Lq 2, 10-12).

    Ninnutaw ukoll ‘l-għaġeb tal-presepju’. Kemm-il darba nsemmuh, mhux biss fil-Milied, imma anke matul is-sena. L-għaġeb tal-presepju, li qed jiftaħ idejh u jammira x-xena sempliċi tal-grotta ta’ Betlehem, qiegħed jifhem ukoll profondità kbira tal-misteru: L-Iben ta’ Alla li jsir bniedem. Hija ħaġa tal-għaġeb meta tqis il-ħniena ta’ Alla li wasslitu biex ikun wieħed minna, ikun Għimmanu-El, wieħed magħna.

    Fil-presepju hemm ukoll id-daqqaqa li mill-għoġba, huma jħarsu lejn il-presepju, jgħaddu biex jesprimu l-ferħ ta’ din il-ġrajja: “Glorja lil Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba” (v. 14).

    Il-ferħ tal-Milied huwa kontaġġjuż. Jiena nawgura li kull fejn hemm in-niket, fejn hemm il-mard, fejn hemm it-tbatija, insibu wkoll l-għanja tal-faraġ, l-għanja tas-solidarjetà, l-għanja tal-preżenza ta’ xulxin għal xulxin, l-għanja tal-maħfra fejn hemm il-firda, l-għanja tal-paċi fejn hemm in-nuqqas ta’ qbil.

    Fil-presepju nsibu wkoll grupp ħelu, grupp tipikament Malti, għax hemm San Ġorġ Preca, saċerdot djoċesan Malti, li qed iwassal tfal biex iħarsu lejn il-grotta ta’ Betlehem. Hu stess li fl-1921 nieda l-purċissjonijiet li jsebbħu t-toroq tagħna f’dawn iż-żminijiet, il-purċissjonijiet bil-Bambin Ġesù. Hu li sa mill-1910 xerred mal-gżejjer tagħna d-devozzjoni lejn dik is-silta mill-Evanġelju ta’ San Ġwann: “L-Iben t’Alla sar bniedem –  Verbum Dei caro factum est” (Ġw 1, 14). Imma fuq kollox bil-ktieb li kiteb għas-soċji tiegħu li jismu ‘L-Iskola ta’ Betlehem’, għax meta kien iħares lejn il-grotta, San Ġorġ kien jifhem li hemmhekk hemm skola ta’ ħafna virtujiet, fosthom il-paċenzja, l-umiltà, il-faqar, il-providenza ta’ Alla, il-ħniena ta’ Alla, il-manswetudni – din il-qawwa li taħfer – kollha joħorġu minn din l-esperjenza tal-Mulej li jsir bniedem għalina.

    Jiena u nirringrazzja ħafna lill-Gvern Malti talli wassal dan il-kapolavur tal-artist Għawdxi Manwel Grech fi Pjazza San Pietru, talli poġġa l-isem ta’ Malta f’din il-pjazza li hija ċ-ċentru tal-Kattoliċiżmu f’dawn il-mumenti sbieħ. Nieħu l-opportunità wkoll biex insellem lill-Maltin u lill-Għawdxin li mhumiex fostna Malta, imma li qegħdin f’pajjiżi barranin, xhieda wkoll tal-patrimonju kbir tal-gżejjer tagħna.

    Ħsieb speċjali lir-residenti fid-Djar tal-Anzjani, lill-morda fl-isptarijiet u anke f’residenzi oħrajn, inkluż fir-residenzi tagħhom. Ħsieb ukoll għal dawk li qegħdin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Insellmilhom b’mod speċjali waqt li nawgura lil kulħadd, mill-qalb, il-Milied ħieni u Sena Ġdida mimlija risq u barka.

    Charles J. Scicluna

         Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratt/Filmat: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja