• Is‑Sibt 24 ta’ Diċembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa t‑talba tal‑Liturġija tas‑Sigħat fil‑Quddiesa ta’ Nofsillejl, fis‑Solennità tat‑Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu, fil‑Katidral tal‑Imdina. 
    Agħfas hawn biex tara r-ritratti kollha taċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa.

    Iċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fuq YouTube

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Katidral ta’ l-Imdina
    24 ta’ Diċembru 2016

    Ippermettuli nikkwota l-ewwel antifona li l-Knisja għanniet il-bieraħ filgħaxija hekk u bdejna niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù. Qed nitlob il-permess li l-ewwel ngħidha bil-Latin, imbagħad nispjegaha. “Rex pacificus magnificatus est, cujus vultum desiderat universa terra: ir-Re tas-sliem huwa gglorifikat. Dan ir-re li l-Univers li d-dinja kollha tixtieq li tara lil wiċċu”. 

    Din l-antifona jiena u nitlobha fakkritni fit-tnehida tas-Salm: “Jiena lil wiċċek infittex, Mulej” (S 27, 8). Dan is-Salm jesprimi istint li hemm f’kull bniedem. Għaliex qed nuża’ l-kelma ‘istint’? Għaliex donnu l-bniedem jixxennaq biex jiltaqa’ mal-wiċċ ta’ Ġesù anke mingħajr ma jaf. Hemm din ix-xewqa li lil bniedem tressqu lejn dak kollu li jfisser għalina dan ir-Re tas-sliem, dan ir-Rex pacificus. It-titlu ta’ din l-antifona smajnih diġa fil-profezija ta’ Isaija mill-kapitlu 9 meta lil din it-tarbija li twelditilna jagħtieha diversi ismijiet: “tweldilna tifel, ingħatalna iben, is-setgħa tkun fuq spallejh u jsemmuh ‘Kunsillier tal-għaġeb, Alla setgħan, Missier għal dejjem, prinċep tas-sliem’” (v. 5).

    Illum huwa gglorifikat, magnificatus est, għaliex għalkemm twieled fil-faqar, għandu l-qawwa li bl-aħbar tat-twelid tiegħu, jimla u jdawwar bil-glorja lil kull bniedem saħansitra lir-ragħajja fir-raba’, l-iċken fost iċ-ċkejknin. “Dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom” (Lq 2, 9). Dawn ir-ragħajja, mhux biss emarġinati imma mwarrbin għax ta’ fama ftit tajba, fil-lejl tal-Milied mhux biss tingħatalhom l-ikbar aħbar imma din l-aħbar iddawwarhom bil-glorja tal-Mulej.

    Illum nixtieq li nitolbu għal kull bniedem li jixxennaq għal verita, għal kull bniedem li jixxennaq għat-tjubija, għal kull bniedem li jixxennaq għall-għaqda u għal paċi, għal kull bniedem li huwa attratt mis-sbuħija, forsi mingħar ma jaf qiegħed ifittex li jiltaqa’ ma’ dak il-wiċċ li tweldilna llum. Għax aħna ilna disgħa xhur niċċelebraw l-Iben t’Alla li sar bniedem, imma llum nifirħu li fit-twelid tiegħu nistgħu nħarsu lejh u nilmħu ’l wiċċu. “Jiena lilek, lil wiċċek infittex Mulej”. Il-wiċċ tal-Mulej li niltaqgħu miegħu llum huwa wiċċ ta’ tarbija ċkejkna. Min jista’ jħares lejn tarbija u ma jinħallx fil-qalb tiegħu? Liema tarbija ma ġgħalekx tħobbha, ma tnissilx fik l-istint ta’ protezzjoni? Dan huwa Alla tagħna.

    Bħalma għidna fl-antifona fit-talb ta’ fil-għaxija jumejn ilu fit-23 ta’ Diċembru, “O Għimmanu-El, Sultan u leġislatur tagħna, ix-xewqa tal-ġnus u s-salvatur tagħhom, ejja u salvana Mulej Alla tagħna”.  Iva, il-Mulej huwa x-xewqa tal-ġnus. Fit-traskrizzjoni tal-profeta Ħaggaj, San Ġilormu fil-Vulgata ttraduċa l-Ebrajk b’dan il-mod: “veniet desideratus cunctis gentibus: ġej dak li huwa mixtieq mill-ġnus kollha”. Il-Mulej huwa x-xewqa tal-ġnus, anke ta’ dawk li ma jgħarfuhx; huwa x-xewqa tagħna li nafuh?

    It-tieni u l-aħħar ħsieb tiegħi llum huwa li din ix-xewqa li naraw il-wiċċ ta’ Ġesù, din ix-xewqa li aħna nilqgħu bil-ferħ it-twelid ta’ tarbija, għandha tkompli toħloq fina kultura li dejjem tixtieq li t-tarbija titwieled. Ejjew nieqfu ftit u naħsbu liema kurrenti qegħdin iduru u jserrpu fostna, fil-qalb ta’ xi wħud minna, li t-tarbija fil-ġuf m’għandhom l-ebda xewqa li jarawha ħajja. Imma llum aħna u niċċelebraw it-twelid ta’ din it-tarbija u niċċelebraw il-ħerqa, ix-xenqa, l-istint li niltaqgħu ma’ wiċċha, ejjew nitolbu, ejjew nitolbu biex fil-kultura tagħna jibqa’ qawwi r-rispett tat-tarbija fil-ġuf u tibqa’ qawwija x-xewqa li kull tarbija niltaqgħu mal-wiċċ tagħha.

    Intom tifhmuni x’qiegħed ngħid, meta ngħidilkom li hawn ideat li bdew iserrpu madwarna u tifhmuni wkoll meta ngħidilkom li għandna bżonn nitolbu ħafna biex iż-żgħażagħ tagħna ma jiġux sedotti minn kultura tal-iskart.

    O Re tas-sliem, O Prinċep tal-paċi, int li llum ġejt igglorifikat mill-Missier għaliex ħadt fuqek in-natura tagħna l-bnedmin, agħmel li aħna u nixxenqu li niltaqgħu mal-wiċċ tiegħek, nixxenqu wkoll li f’kull wiċċ ta’ kull bniedem, naraw lilek.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta 

  • Ritratti/Filmat: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja