"Aħna l-Insara rridu nirrispondu għall-kalunnja, għat-tajn u għall-insulti bin-non-vjolenza" - L-Arċisqof

L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa ta' Radd il‑Ħajr fi tmiem is‑sena 2016

  • Is‑Sibt 31 ta’ Diċembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa ta' Radd il‑Ħajr fi tmiem is‑sena, bil‑kant tat‑Te Deum, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta. 

    Agħfas hawn biex tara r-ritratti kollha taċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa.

     

    Iċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fuq YouTube

     

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
    31 ta’ Diċembru 2016

    “Intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu t’Alla f’qalbna jgħajjat: ‘Abba, Missier’” (Gal 4, 6). Fit-tmiem ta’ din is-sena 2016, li għall-grazzja t’Alla kienet immarkata bis-Sena tal-Ħniena, u d-dinja f’din is-sena li għaddiet, tassew kellha bżonn il-ħniena. F’dawn l-aħħar sigħat nixtieq noffri riflessjoni ċkejkna fuq l-Ispirtu tal-Mulej li f’qalbna jgħajjat l-għajta tal-ulied, li meta jaħseb fil-Mulej, il-Ħallieq, jgħid u jgħajjat f’qalbna: ‘Abba, daddy, papà, Missier’, “għax ingħatalna iben, tweldilna tifel” (Is 9, 5). Ismu li ngħata tmint ijiem wara t-twelid huwa Yeshua, Ġesù, Alla jsalva. Imma dan Alla li jsalva huwa Abba, huwa Missier u ommu “tiżen dan kollu u tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejna u bejn ruħha” (Lq 2, 19).

    Aħna u nicċelebraw il-maternità ta’ Marija, ejjew niċċelebraw ukoll lil din il-mara li għal disa’ xhur ġarret fil-ġuf tagħha lill-Iben tal-Missier, lil Bar Abba, għax dik l-ironja: li fl-aħħar kellna nagħżlu bejn l-Iben ta’ Abba, Bar Abba, u Barabba l-kriminali u għamilna għażla ħażina aħna l-bnedmin. Imma quddiemna nhar il-Ġimgħa l-Kbira kien hemm żewġ Barabba: Iben Alla li huwa Abba Missierna u Barabba.

    Kienet tgħożż f’qalbha dak kollu li semgħet lir-ragħajja jgħidu u li kienu semgħu mingħand l-anġli: inħabbrulkom ferħ kbir illum tweldilkom salvatur li jġib is-salvazzjoni lill-ġnus kollha” (Lq 2, 10). Dan il-verb qawwi li juża’ l-Evanġelista Luqa: “li tgħożż f’qalbek u tixtarr” dak li qiegħed tgħożż, huwa verb qawwi ħafna; huwa verb ta’ min għandu teżor li jrid ikompli jiskoprih, ikompli jħares lejh bħall-bniedem - Ġesù jgħid meta jikber, “is-saltna t’Alla huwa bħal wieħed li sab teżor” sab ġawrha prezzjożisisima, ibigħ kull ma għandu biex ikollu, u jmur ferħan għax akkwista (ara Mt 13, 45-46). Marija qed tgħożż dak kollu li semgħet, qed tgħożż il-kelma f’qalbha, u aħna f’qalbna ngħożżu din l-għajta tal-Ispirtu “Abba, Missier”.  

    Wieħed jifhem għaliex il-Papa Franġisku f’dawn il-ħamsin jum iddedikati lill-paċi jgħid li l-ikbar gwerra bejn il-vjolenza u l-paċi, il-bniedem jiġġilidha fil-qalb tiegħu. Din is-sena l-Papa Franġisku qiegħed isejħilna, lilna l-Insara u lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba biex nadottaw in-non vjolenza bħala stil ta’ politika ta’ paċi. Hu jgħid: “nitlob lil Alla jgħin lilna lkoll napplikaw din in-non-vjolenza fil-profondità tas-sentimenti u l-valuri personali tagħna. “Ħa jkunu l-karità u n-non-vjolenza li jmexxu l-mod kif nittrattaw lil xulxin fir-relazzjonijiet interpersonali, f’dawk soċjali u f’dawk internazzjonali. Meta jgħarfu jirreżistu t-tentazzjonijiet tal-vendetta, il-vittmi tal-vjolenza jistgħu jkunu l-protagonisti l-iżjed  kreattivi, kredibbli tal-proċessi non-vjolenti li jġibu l-paċi”.

    “Il-vjolenza tibda mill-qalb tal-bniedem. Allura rridu wkoll nsibu l-paċi fil-qalb tal-bniedem”. Ġesù stess għażel din it-triq. “Għex” jgħid il-Papa Franġisku, “fi żminijiet ta’ vjolenza u għallem li l-vera kamp tal-battalja fejn jiġu wiċċ’imb’wiċċ mal-vjolenza u l-paċi, hi qalb il-bniedem “għax hu minn ġewwa, minn qalb il-bniedem  li joħorġu l-ħsibijiet ħżiena”, jgħid Ġesù fl-Evanġelju ta’ San Mark, (Mk 7, 20). Imma l-messaġġ ta’ Kristu quddiem din ir-realtà joffri tweġiba radikalment pożittiva u pprietka bla heda l-imħabba bla qies ta’ Alla li jilqa’ u jaħfer u għallem lid-dixxipli tiegħu kif iħobbu lill-għedewwa tagħhom.

    Il-Papa jgħid hekk: “li nkunu veri dixxipli ta’ Ġesù llum ifisser li nilqgħu ukoll il-proposta tiegħu ta’ non-vjolenza” dik kif afferma l-Papa Benedittu XVI hija realistika għax iżżomm f’moħħha li fid-dinja hawn wisq vjolenza, wisq inġustizzja u għalhekk ma nistgħux negħelbu din is-sitwazzjoni jekk mhux billi npattu għaliha b’iżjed imħabba, iżjed tjieba. “U dan l-iżjed” jgħid il-Papa Benedittu, “ġej minn Alla”.  Il-Papa Emeritu jkompli: “in-non-vjolenza għall-Insara mhux sempliċi tattika, imma mod kif tkun il-persuna, l-atteġġjament ta’ min hu hekk konvint mill-imħabba ta’ Alla u mill-qawwa tiegħu, li ma jibżax jeħodha mal-ħażen  sempliċiment bl-armi tal-imħabba u l-verità. L-imħabba tal-għadu hi l-qalba tar-revoluzzjoni Nisranija. Bir-raġun l-Evanġelju ta’ ‘ħobbu lil għedewwa tagħkom’ hu meqjus l-‘Magna Carta’ tan-non-vjolenza Nisranija. Dan ma jikkonsistix f’li nħallu l-ħażen jirbaħna, imma li li nirbħu l-ħażen bit-tajjeb, u hekk inqaċċtu l-katina tal-inġustizzja”.

    Dan il-kliem jgħodd għalina l-Maltin? Jgħodd għas-sitwazzjoni ta’ pajjiżna? Illum nerġa’ nagħmel appell qawwi biex tieqaf il-kampanja ta’ vjolenza verbali, ta’ kliem iebes, ta’ kefrija għal xulxin. Aħna l-Insara, irridu nirrispondu għall-kalunnja, għat-tajn u għall-insulti bin-non-vjolenza. Mhux vjolenza bi vjolenza, kalunnja b’kalunnja, tajn b’tajn. Imma bl-armi tal-imħabba u l-verità. Nagħmel appell lil kull min jgħodd lilu nnifsu bħala Nisrani biex nagħmlu ħilitna li fuq is-social media, il-ġurnali, il-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni, inkluż anke fil-prietki tagħna s-saċerdoti - ħalli nkun tkellimt dwar kull kategorija - li ma nużaw qatt kliem iebes għal xulxin imma li l-kliem tagħna jkun kliem ta’ mħabba u ta’ verità.

    Ejjew nitolbu l-interċessjoni ta’ Marija. Il-Papa jikkonkludi l-messaġġ tiegħu għal din il-ġurnata ta’ tmiem u l-bidu tas-sena b’dawn il-kliem: “Marija, is-sultana tal-paċi, fit-twelid ta’ Binha, l-anġli sebħu lil Alla u awguraw is-sliem fid-dinja lill-bnedmin ta’ rieda tajba. Nitolbu lill-Verġni Marija biex turina it-Triq. Kollha nixtiequ l-paċi, tant persuni jibnuha ta’ kuljum b’ġesti ċkejknin. Ħafna qed ibatu u jġarrbu bis-sabar it-taħbit ta’ tant tentattivi biex jibnuha. Matul l-2017 ejjew inħabirku bit-talb u bl-azzjoni biex insiru persuni li keċċew il-vjolenza minn qalbhom, minn kliemhom, u mill-ġesti tagħhom u biex nibnu komunitajiet non vjolenti li jieħdu ħsieb ta’ din id-dar komuni. Xejn mhu impossibbli jekk induru lejn Alla fit-talb. Kollha nistgħu nkunu bennejja tal-paċi”.

    Dan li jiena nawgura lilkom li qegħdin tisimgħuni, anke permezz tal-midja soċjali, lill-pajjiżna, lill-Ewropa tagħna, aħna u nibdew il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, lid-dinja: li lkoll kemm aħna nibdew minn qalbna nkunu bennejja tal-paċi li f’qalbna ngħożżu dik l-għajta tal-Ispirtu li meta ddur lejn Alla l-Ħallieq tagħna tgħidlu: “Abba, Missier”.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta 

  • Ritratti/Filmati: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja