"Għasses fuqek innifsek u ħalli l-poplu jgħasses fuqek" - L-Arċisqof

L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa fil-pussess tal-Kappillan tal-Parroċċa tal-Fgura

  • Nhar il-Ġimgħa 23 ta' Diċembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil-pussess ta' Patri Raymond Calleja OC, bħala Kappillan tal-Parroċċa tal-Fgura. 
     

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Parroċċa tal-Fgura
    23 ta’ Diċembru 2016

    “O Għimmanu-El, sultan li tajtna liġi, ejja u salvana Mulej Alla tagħna”. Din l-antifona hija propju ta’ dan il-jum, tat-23 ta’ Diċembru, u ngħiduha kull sena f’dan il-jum biex infakkru li tassew qorob il-jum tat-twelid tal-Mulej. F’dawn l-aħħar jiem, fl-għanja li l-Knisja tgħanni filgħaxija u fl-akklamazzjoni qabel il-Evanġelju f’kull quddiesa, aħna indirizzajna lit-tarbija ta’ Betlehem b’wieħed  minn seba’ titli: O Kewkba ta’ filgħodu, O Re tal-Ġnus, O Musbieħ, O Muftieħ. Illum qegħdin insejħulu bit-tieni isem tiegħu: Għimmanu-El u qegħdin infakkru wkoll l-isem li ngħata lil min ġie mibgħut biex iħejjilu triqatu.

    Missieru kien Żakkarija, li jfisser ‘Alla jiftakar’. Alla għandu memorja. Aħna niftakru f’ommijietna billi nħarsu lejn iż-żokra għax dik hija t-tifkia li konna magħqudin  tal-mama tagħna u li tfakkarna f’ommijietna, l-istess għerq: żokkra, Sacharja u Żakkarija. Alla jiftakar, jiftakar il-ġid, u jinsa d-dnub maħfur. Min kellu jħabbar il-miġja ta’ Ibnu ma ridtx jissemma Żakkarija, imma ried jissemma Johanan, ‘Alla ħanin’, għax dak ifisser l-isem Ġwanni: il-Prekursur, ‘dak li jimxi qabel il-Mulej’ biex iħejjilu triqatu. Ma jfakkarnix fi dnubietna, jekk ifakkarna, ifakkarna fl-imħabba tal-Mulej imma ismu huwa ‘il-Mulej iħenn’.

    Għażiż kappillan, int u tibda din il-missjoni ma’ dan il-poplu kbir, nagħmillek bħalma l-Mulej qal lil Ġona, “poplu kbir hemm għalija, f’Ninwe, dik il -belt” (ara Ġona 1, 2). Qis li l-missjoni tiegħek tkun missjoni ta’ ħniena.

    Fl-Evanġelju jgħidilna f’isem il-Mulej, hemm diversi atteġġjamenti u nixtieq nislet ħsieb qasir fuq kull wieħed minnhom. L-ewwel nett din l-esperjenza li kellha Eliżabetta, li t-tqala ta’ binha Ġwanni, ratha bħala esperjenza ta’ ħniena. “Anke l-ġirien u qrabatha” jgħidilna San Luqa “semgħu li l-Mulej wera ħniena kbira magħha u marru jifirħu magħha” (Lq 1, 58). Kemm hi sabiħa din l-esperjenza tal-ħniena li tnissel il-ferħ. “Il-Mulej wera ħniena kbira magħha u marru jifirħu magħha”. Kemm tkun sabiħa li fil-pastorali tiegħek, għażiż kappillan, inti twassal il-ħniena tal-Mulej u minħabba f’hekk u fl-eżempju rżin tal-ħniena li turi, tnissel fil-familji ta’ din il-parroċċa fost iż-żgħażagħ, fost l-għaqdiet il-ferħ ta’ min qed iħalli l-ħniena tal-Mulej tħalli l-frott.

    It-tieni esperjenza hija ta’ missier Ġwanni, ta’ Żakkarija. Ma riedx jemmen bl-aħbar li tah l-anġlu Gabrijel, tbikkem, tilef il-vuċi, imma obda lill-anġlu li kien tah l-ordni li din it-tarbija tissemma Ġwanni. In-nuqqas ta’ fidi ġiet purifikata bl-ubbidjenza tiegħu: “ismu huwa Ġwanni. Dak il-ħin stess infetaħlu fommu, ilsienu nħall u beda jitkellem u jfaħħar lil Alla” (vv 63-64). Il-kelma u t-tifħir. Fl-ewwel kwadru kien ta’ l-omm, Eliżabetta għandna l-ħniena u l-ferħ, fit-tieni kwadru ta’ missier Ġwanni, Żakkarija, għandna l-kelma, l-ilsien li jinħall, li jitkellem u li jfaħħar lil Alla. Nawguralek għażiż kappillan, Fr Raymond, li l-kelma tiegħek tkun il-kelma ta’ min sema’ u obda, ta’ min sema’ lill-Mulej u obdih bil-kelma  u l-eżempju tiegħek li inti tfaħħar lill-Mulej.

    Imbagħad hemm it-tielet waħda dak “tal-poplu, qabadhom il-biża’ u bdew ixandru dawn il-ġrajjiet kollha mal-għoljiet kollha tal-Lhudija” (v. 65).  Il-biża’ t’Alla u x-xandir tal-kelma. Dan il-biża’ x’inhu? Mhuwiex li titwerwer mill-Mulej, imma lill-Mulej tagħarfu bil-kobor tiegħu, tgħarfu bil-maesta tiegħu, tgħarfu bl-għeġubijiet tiegħu. Meta tgħarfu bil-kobor tiegħu, inti jkollok din l-esperjenza sabiħa ta’ dak id-don tal-Ispirtu s-Santu li aħna nsejħulu l-Biża’ tal-Mulej: ir-riverenza, il-qima ta’ min lill-Mulej jistmah ta’ Mulej li hu, ta’ Alla li hu. B’hekk il-qima li hija proprju l-fidi, wieħed jasal biex ixandar dak kollu li għamel magħna l-Mulej.

    Għażiż kappillan, Fr Raymond, jiena nawguralek li bil-ħidma tiegħek inti tkun ukoll l-anġlu tal-patt li jħabbar lill-poplu tiegħu li ħatru – bħala Alla li jġib il-fejqan, li Alla huwa tassew qawwi fil-ħniena tiegħu. Dawn huma t-tliet ismijiet tal-Arkangli: min hu bħal Alla? Mikael. Il-Mulej huwa dak li jfejjaq, Rafael. Il-Mulej huwa qawwi fil-ħniena tiegħu, Gabrijel. Jalla inti tkun anġlu għall-poplu tiegħu. “Araw l-anġlu tal-patt” (Mal 3, 1), kif issemma fil-profeżija ta’ Malakija. L-anġlu tal-patt huwa dak li jħabbar ir-rieda tal-Mulej lill-poplu tiegħu. Il-Mulej ġej biex isaffina għax il-Mulej togħġbu l-offerta safja tal-poplu tiegħu (ara vv. 3-4). Fadlilna lil Elija li l-ispirtu ta’ Elija bagħtu lil Ġwanni (v. 23). Aħna nawgurawlek li għalina tkun il-leħen tal-ħniena tal-Mulej, tkun għalina ix-xbieha wkoll tal-maternità ta’ Marija, f’din il-parroċċa ddedikata lill-Madonna tal-Karmelu.

    Aħna u nisimgħu b’dawn ix-xeni li ġejjin minn Għajn Karem, villaġġ ħelu mhux il’ bogħod minn Ġerusalemm, nippreparaw biex immorru Betlehem ħalli nkunu xhieda tat-twelid tal-Messija. Imma l-għolja tal-Karmelu ’l fuq mill-Galilija, titfa’ d-dawl tagħha, għaliex hija wkoll il-kundanna tal-glorja tal-Mulej. Meta s-Salmi jsejħu l-glorja tal-Mulej, isemmu lil Karmel. J’Alla inti taħt il-ħarsien tal-Madonna tal-Karmnu tkun fl-għolja għall-poplu tagħna, għall-Ordni għażiż tiegħek tal-Karmelu u għas-saċerdozju. Għasses fuqek innifsek u ħalli l-poplu jgħasses fuqek. Intom għeżież nies ta’ din il-parroċċa għażiża, ħudu ħsiebu lill-kappillan, mhux biss il-komunità tal-Patrijiet, imma billi tkunu komunità li turu l-fedeltà tagħkom b’mod konkret.

    Jiena għandi fiduċija kbira fil-parroċċa tagħkom, waħda mill-parroċċi l-kbar. Qed nara ħafna familji jien, u l-Mulej isejjaħ żgur, imma rridu nkunu aħna s-saċerdoti li nagħtu eżempju sabiħ, biex intom tkunu tistgħu tgħidu: “ara, jien rrid inkun bħall-Father”. Nitolbu anke għal dawk li qed jippreparaw għaż-żwieġ biex iħaddnu l-vokazzjoni bħala Nsara.

    Nixtieq insellem lill-Onor. Sindku, nirringrazzjak ħafna tal-preżenza tiegħek. Naf li hemm koperazzjoni sabiħa bejn il-kunsill lokali u l-parroċċa u ta’ dan nirringrazzjak. Insellem ukoll lill-għaqdiet, diġà kellimtkom personalment. Naf li tieħdu sehem b’mod attiv u tikkoperaw, u hemm bżonn li mhux biss tidħlu fl-affarijiet esterni, imma anke f’din il-mixja ta’ Nsara li aħna jkollna l-grazzja li nagħmlu esperjenza ta’ ħniena u ta’ ferħ, ikollna grazzja li aħna nagħmlu l-esperjenza ta’ min lsienu nħall u jista’ jfaħħar lil Alla, l-esperjenza ta’ min lill-Mulej jagħtih l-ewwel post u allura jxandru fl-ambjenti kollha ta’ fejn jgħix.

    Jiena nieħu l-opportunità għax kważi lejliet il-Milied biex nawgura lilkom, lill-għeżież tagħkom, lill-familji tagħkom, lil din il-lokalità għażiża Milied ħieni mimli bil-barka tal-Mulej u ta’ Ommu Marija Santissima.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta 

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja