• San Mattew 4:12-23

    Meta Ġesù sama’ li kienu arrestaw lil Ġwanni, warrab lejn il-Galilija. Telaq minn Nazaret u mar joqgħod Kafarnahum, qrib il-baħar, fl-inħawi ta’ Żebulun u Naftali, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal,

                            ‘Art ta’ Żebulun, u art ta’ Naftali,

                            It-triq tal-baħar, art ‘il hemm

                            mill-Ġordan, Galilija tal-ġnus!

                            Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam

                            ra dawl kbir;

                            dawk li kienu f’art u dell il-mewt

                            idda dawl għalihom.’

     Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid: “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.” Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.” U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.

    Wara li mexa minn hemm ra żewġt aħwa oħra, Ġakbu ta’ Żebedew u ħuh Ġwanni, qegħdin fid-dgħajsa ma’ missierhom Żebedew isewwu x-xbiek tagħhom, u sejjħilhom. Minnufih telqu d-dgħajsa u lil missierhom, u marru warajh. U dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost  il-poplu.

    Qaddis tal-jum: San Vinċenz, Djaknu u Martri