Linji-gwida mill-Isqfijiet għall-Applikazzjoni ta’ Kapitlu Tmienja tal-Amoris Lætitia

  • L-Arċisqof Charles J. Scicluna u l-Isqof Mario Grech ħejjew linji-gwida għas-saċerdoti, għall-applikazzjoni ta’ Kapitlu VIII tal-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku Amoris Lætitia (Il-Ferħ tal-Imħabba). Dan il-kapitlu hu stedina għall-ħniena u għad-dixxerniment pastorali quddiem diversi realtajiet soċjali ta’ żmienna. 

    F’ittra li se tinqara nhar il-Ħadd li ġej fil-knejjes ta’ Malta u Għawdex, l-Isqfijiet jispjegaw li l-linji-gwida li ħejjew għas-saċerdoti huma intenzjonati li jsieħbu fit-triq tat-tfittxija lil dawk il-persuni li jixtiequ jaqraw l-istorja ta’ ħajjithom fid-dawl ta’ Ġesù. “Dan jgħodd ukoll għall-koppji u l-familji li jinvolvu persuni separati jew divorzjati u li llum qegħdin f’rabta ġdida. Uħud minn dawn il-persuni, għalkemm tilfu l-ewwel żwieġ, ma tilfux it-tama tagħhom f’Ġesù. Fosthom insibu min jixtieq ħafna jkun f’paċi ma’ Alla u mal-Knisja, tant li qed jistaqsina x’għandu jagħmel biex ikun jista’ jqerr u jitqarben”. L-Arċisqof Charles J. Scicluna u l-Isqof Mario Grech jistiednu lil min jinsab f’xi qagħda bħal din u jixtieq għajnuna biex ikompli jdawwal il-kuxjenza tiegħu, ħalli jfittex saċerdot li jakkumpanjah.

    Il-linji-gwida tal-Isqfijiet Maltin ġew ippubblikati f’dokument li ngħata lil kull saċerdot fl-Arċidjoċesi ta’ Malta u fid-Djoċesi ta’ Għawdex.