• Nhar l-Erbgħa 11 ta’ Jannar 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa b’suffraġju għall-Professur Joseph Max Ganado, fil-Kamra tal-Avukati, fil-Qrati ta’ Malta, Il-Belt Valletta.
     
  • Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Il-Kamra tal-Avukati, Qrati ta’ Malta
    11 ta’ Jannar 2017

    Ippermettuli l-ewwel nett infakkar il-figura straordinarja tal-Profs. – aħna hekk kollna ngħidulu, Prof. Ganado – u mhux se ngħid “incidentally there was a case” (kwotazzjoni li kien iħobb jgħid), imma incidentally se nikkwota l-Ewwel Qari li mhuwiex magħżul għal din l-okkażjoni imma huwa l-qari assenjat għal din il-ġurnata fil-kalendarju liturġiku.

    Aħna ħafna drabi għandna idea romantika ta’ Ġesù, b’mod speċjali wara li nkunu għaddejjin minn staġun ta’ sokor u tbaħrid f’ismu – paradossali din – jiġifieri ma noqgħodux naraw il-gliċemija fid-demm bħalissa għax ma jaqblinniex – imma rridu niftakru aħna u ngħaddu mill-istaġun fejn iċċelebrajna l-fatt li Ġesù sar wieħed minna, ismu wkoll huwa Għimannu-El, Alla magħna.

    L-Ittra lil-Lhud li hija ittra miktuba minn xi avukat għaliex hija polemika dijalettika; min jaqra’ l-Ittra lil-Lhud u jkun tal-mestier, jirrealizza li l-awtur – li ma kienx Pawlu – kien xi ħadd propju bis-sengħa tad-dijalettika, tal-argument, tal-prova. Hu jgħid: “billi l-ulied għandhom l-istess demm u ġisem, Ġesù wkoll bl-istess mod sar bħalhom”, sar bħalna u jgħid għaliex waħda mill-motivazzjonijiet tal-fatt li Alla sar bniedem, “biex b’mewtu jeqred is-setgħa ta’ dak li kellu l-mewt f’idejh (ix-xitan) u jeħles lil dawk kollha li minħabba fil-biża’ tal-mewt kienu mjassrin għal għomorhom kollu” (Lhud 2, 14-15). Il-Mulej ma ħelisniex mill-mewt, ħelisna mill-mewt ta’ dejjem imma ma ħelisniex mir-regola tal-mewt, imma ħelisna mill-biża’ tal-mewt.

    Din hija xi ħaġa li lill-Insara, lil min jemmen, min jiltaqa’ ma Ġesù, tagħtih il-qawwa, ikollu togħma differenti fil-ħajja. Jekk aħna nanalizzaw ftit il-kultura dominanti li anke taffettwana, hija kultura li tirrimwovi l-mewt, jiġifieri għadna nfittxu dak l-elisir dell’eterna giovinezza, din il-chimera li taffaxxina l-umanità. Għandna kultura fejn iż-żgħażugħ u l-bniedem attraenti, iż-żgħażugħa u l-persuna attraenti huma l-uniċi li għandhom kważi ċittadinanza kulturali u dominanti, li l-mewt tant tbeżżagħna li aħna qegħdin anke niddiskutu jekk ħin minnhom għandux ikollok id-dritt titlob li joqtluk.

    Din hija kultura tal-mewt, il-kultura tal-iskart li l-Mulej ġie biex jeħlisna minnha u aħna rridu nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex imjassra għal għomorna kollu bil-biża’ tal-mewt. Mentri nies bħall-Profs li kellhom professjonalità kbira, kif nafu, u kellhom ateġġjament pożittiv fuq id-dinja, għalkemm kienu jħabbtu ruħhom ma’ sfidi kontinwi kuljum, tittabba bil-problemi ta’ ħaddieħor, qatt ma kienet tonqoshom dik it-tbissima, dik it-tratt uman ta’ ġentilezza, ta’ min profondament huwa paċi miegħu nnifsu għaliex mhuwiex imjassar bl-ebda tip ta’ biża’. Hemm il-fidi f’Ġesù li kważi konxjament tilliberak mill-biża’ mill-mewt.

    Il-mewt ta’ xi ħadd għażiż – ikun il-papà jew il-mamà – tgħaddina minn trawma kbira għax hemm parti kbira minn ħajjitna li ormaj qiegħda fi stat totalment differenti. Għan-Nisrani, il-fidi ssir risposta għal ħafna mistoqsijiet, il-fidi ssir ukoll tama li tagħmel sens, għaliex jiġi kważi naturali għall-bniedem f’sensih li jemmem fix-Xirka tal-Qaddisin, din il-fidi li tgħallimna li aħna għadna maqgħudin ma’ dawk li ħallewna, li qed jinterċedu għalina, u jgħinuna. Imma dan kollu bis-setgħa ta’ dak li bata għalina, li kien jaf x’jiġifieri tkun imġarrab biex ikun jista’ jgħinna kontinwament fit-tiġrib tagħna.

    L-Evanġelju li qrajna llum (Mk 1, 29-39) huwa Evanġelju straordinarju ta’ fejqan u liberazzjoni. Ġesù jfejjaq lill-omm il-mara ta’ Xmun, il-kunjata li min jaf kif ħaditlu rasu meta (Xmun) qalilha li telaq kollox biex imur wara mastrudaxxa. X’ma qaltlux! Jiena dejjem hekk nimmaġinaha. Titlaq kollox biex tmur wara mastrudaxxa imbagħad minn Nazaret. Dawn kienu Kafarnahum, kienu fuq ix-xatt u dan kien jgħix bis-sajd tiegħu. Immaġina int lill-kunjata tiġi tgħidilha: “hemm ‘guru’, tlaqt kollox u sejjer warajh”. Imma x’ma tgħidlekx! 

    Imma mbagħad ġiet bżonnu!  Qalulu li kienet fis-sodda bid-deni. Ovvjament dak iż-żmien djanjosi imfawsta. Appuntu, ir-risposta ta’ Ġesù mhijiex il-polemika mal-kunjata ta’ Pietru imma hi li kienet f’xifer il-mewt, “resaq lejha, qabadha minn idha, u qajjimha. Id-deni ħallieha” imma hemm konverżjoni fil-qalb ta’ din il-mara, “u bdiet isservihom” (v. 31). Ovvjament reġgħet ħadet il-ħajja lura, irrealizzat l-investiment kbir li kien għamel Xmun meta ħalla kollox u mar wara dak li kapaċi jfejjaq, li kapaċi jeħilsek mill-mewt.

    Aħna ħafna drabi jekk nagħmlu l-kalkoli umani ma jreġġgħux; fil-konfront ta’ Ġesù, il-kalkoli umani jreġġgħu ftit għax hemm ħafna riskji – li inti tkun onest, li tkun integru, li tgħix b’deċenza ifisser kultant tikkundanna ruħek għal faqar relattiv biex tkun onest, u allura i conti non tornano bil-kriterju tad-dinja, u inti se jkollok min bil-kriterju tad-dinja jgħidlek: “Imma inti miġnun totali”. Imma meta nsibu u niskopru lil Ġesù bħala dak li kapaċi jagħtina risposti fil-ħajja u paċi fil-qalb li ma jagħtina ħadd, la jagħtuk il-flus, la l-unuri, la d-dinja, allura mbagħad nirrealizzaw li nkunu għażilna tajjeb u x-xewqa tagħna tkun li tassew inkunu ta’ servizz għalih u għall-komunità tiegħu.

    Ġesù jkompli jfejjaq ħafna morda u b’mod speċjali “dawk li kienu maħkuma mix-xitan” ( v. 32). U Ġesù jieqaf jitlob (v.35). Għalina tagħlima kbira li l-Iben t’Alla bniedem, iħoss il-bżonn li jinqata’ u jitlob. Nistaqsu lilna nfusna: aħna qegħdin nagħmluha din il-ħaġa? Għandna l-ewwel nett ħin għalina nfusna? Ħa nibdew minn hemm, mil-lat uman. Għandna ħin għalina nfusna? Għandna ħin biex ngħidu grazzi? Kemm hi ħaġa sabiħa jkollok, kważi kważi sar kapriċċ, il-kapriċċ li tmur fejn mhux mibni, qed isir iżjed diffiċli f’Malta, trid tmur fuq xifer l-irdum u tħares lejn il-baħar biex ma tarax il-mibni, u tgħidlu “grazzi. Grazzi ta’ din is-sbuħija, grazzi tal-ħolqien, grazzi talli neżisti, grazzi ta’ dawk li nħobb, ta’ min iħobbni, grazzi ta’ dak kollu li għamilt miegħi”. Tirrealizzaw li dawn ma jirrikjedux il-poter ta’ din id-dinja dawn il-mumenti, lanqas xi fakultà ekonomika kbira, iridu l-qalb, dak l-għerf tal-qalb, the wisdom of the heart.

    Jiena nixtieq nirringrazzja magħkom għal id-don li l-Mulej tana li laqqagħna mal-Profs. Ganado, għandna nħossuna verament ixxurtjati u nitolbu li fil-professjoni, fil-pajjiż jibqa’ jkollna nies hekk, nies li għandhom kapaċità professjonali imma wkoll Sapientia cordis, dan l-għerf tal-qalb li inti tkellmu bi problema, anke l-ħarsa tiegħu tirrasserenak, tagħtik ċertu paċi, mistrieħ il-moħħ. Kemm hi grazzja kbira dik. Mhux jiġifieri tmur għandu terrorizzat li se ‘jqaxxrek ħaj’, mhix dik, kultant in-nies sempliċi jgħidulek: “irrid imur għand l-avukat, se jqaxxarni ħaj, għadni ma bdejtx”. Mentri dawn in-nies kbar fil-professjoni, din il-ħaġa ma kienet tinkwieta lil ħadd, avolja mbagħad għandu d-dritt għall-onorarium tiegħu, imma l-ewwel sentiment kien: “mort għand xi ħadd li kapaċi jgħini, kapaċi jagħtini ġustizzja, għandu l-kuraġġ jgħidli: ‘taħlix żmien, m’għandekx raġun’.

    Nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dawn in-nies u jiena nawgura lilna lkoll, kulħadd skont il-vokazzjoni tiegħu, li aħna l-kontribut lejn il-pajjiż ikun dan: kontribut li kulħadd jagħmel id-dover tiegħu b’sens ta’ integrità, ta’ onestà, dik is-Sapientia cordis, dik il-ħelsien min kull terrur, min kull biża’. In-nies il-kbar taw servizz kbir għall-pajjiż, inkluż il-Profs għax ma beżżgħu minn ħadd, anżi min għandu jibża’, kien jibża’ minnu, intom tifhmuni x’qed ngħid, għalhekk nieqaf u ngħidilkom grazzi.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta