• *** 

    Direttur: Stacy Title

    Atturi: Douglas Smith, Lucien Laviscount, Cressida Bonas, Doug Jones, Carrie-Anne Moss, Faye Dunaway u Jenna Kanell

    Ħin tal-Film: 96 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15 

    Fi tmiem tas-snin sittin, raġel joqtol numru ta’  nies għal xejn b’xejn u waqt li qiegħed jagħmel dan, jibda jgħajjat u spiss jsaqsi jekk xi hadd kienx lissen il-kelma “l-isem”. Wara dan l-episodju, il-film jġibna għaż-żmien tal-lum u hawn niltaqgħu maż-żagħżugħ Elliot, Sasha, il-maħbuba tiegħu u John, l-ħabib tal-qalb. Dawn it-tlieta jiddeċiedu li  jikru dar barra mill-campus tal-kulleġġ fejn kienu jattendu. Ma jgħaddix ħafna żmien li ma jintebħux li fid-dar kien hemm atmosfera misterjuża. Sasha tiżviluppa tqaħqiha stramba waqt li Elliot isib muniti ġewwa komodina li minn żmien għal żmien kienet terġa’ tidher. Meta Elliot jiftaħ il-kexxun tal-komodina, isib ukoll kitba li  spiss kienu jidħru l-kliem: “taħsibhiex”, “tgħaddihiex” u fl-aħħar l-isem: The Bye Bye Man. Waqt seduta ta’ l-ispiritisti mal-ħabiba tagħhom Kim, issemma l-isem. Sadanittant il-qagħda ta’ Sasha tkompli tiggrava waqt li Elliot u John jibda jkollhom alluċinazzjonijiet. Elliot ukoll jibda jissuspetta f’Sasha li  kienet qegħda taqlibilu ma’ John.. Ħu Elliot, Virgil, jibda jissuspetta li kien hemm xi ħaġa mhux posta.  Kif Elliot jibda jinvestiga, Kim tmut b’daqqa ta’ ferrovia. Elliot li kien fuq ix-xena fejn sar l-inċident, jittieħed l-għassa mid-ditektiv Shaw imma ma jinżammx arrestat minħabba l-fatt li Kim ħalliet warajja nota ta’ suwiċidju u li kienet tgħid ukoll li qegħda tippjana li toqtol lil Elliot, lil Sasha u lil John.  Min-naħa ta’ Elliot li jkun jkun qiegħed jaqra dossier fil-librerija fuq il-Bye Bye Man, Mrs. Watkins tinfurmah li ġuvni kien qatel il-familja tiegħu u li kien qal lil wieħed riporter li kien “il-Bye Bye Man li kien ġagħlni nagħmel dan.” L-istess reporter li kien irraporta dan il-fatt, kien l-istess raġel li kien wettaq il-qtil kollu li ġara fit-tmiem tas-snin sittin. X’jiġri minn hawn? Kif sejra tintemm din il-ġrajja misterjuża?

    Film Amerikan tal-biża’ taħt id-direzzjoni ta’ Stacy Title u kitba ta’ Jonathan Penner.  Minħabba li hemm numru ta’ xeni vjolenti u mdemmin, kif ukoll kliem goff  u xeni ta’ sess u koabitazzjoni, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.