• ***

    Direttur: M. Night Shyamalan

    Atturi: James McAvoy, Anya Taylor-Joy, Betty Buckley, Haley Lu Richardson, Jessica Sula, Brad William Henke u Sebastian Arcelus

    Ħin tal-Film: 117 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18

    Żewġ iħbieb, Claire u Marcia, flimkien ma’ Casey, tfajla maqtuha għaliha,  jsibu ruħhom maħtufa minn “Dennis”, ġuvni li jbati minn kundizzjoni li jħoss li hu għandu 23 personalitajiet maqsuma fil-ġisem ta’ Kevin Wendell Crumb, vittma ta’ abbuż meta kien għadu tifel u b’identita’ disordinata. “Dennis” żamm lil dawn it-tliet tfajliet ġewwa kantina. Dr. Karen Fletcher il-psikjatra li kienet tieħu ħsiebu kienet temmen li f’dawn il-każi partikulari fejn ikun hemm nuqqas ta’ bilanċ psikoloġiku, tista’ toħloq bidliet psikoloġiċi. Jum wieħed hi tirċievi e-mail mingħand Kevin, li din id-darba kien qiegħed fil-personalita’ ta’  “Barry” fejn talabha biex tiltaqa’ miegħu. Matul is-snin Kevin deher stabbli ħafna, bil-personalitajiet jidhru li kienu kkontrollati wara xulxin jistennew li jasal il-waqt għalihom biex jidħlu “fid-dawl”.  “Barry” kien dak li kien jikkontrolla minn kien sejjer ikun “fid-dawl”.  “Dennis” u “Patricia” kienu l-uniċi personalitajiet li qatt ma tħallew “fid-dawl”. Fil-każ tal-personalita’ ta’ “Dennis”, dan kien jħobb jara tfajliet jiżfnu għarwenin kif ukoll kellu tendenza li jkun vjolenti. Claire u  Marcia jippjanaw biex jattakkaw lil “Dennis” iżda Casey tiperswadihom li jkun aħjar li jistennew. Sadanittant Casey tipprova tagħmel ħbieb ma’ “Hedwig”, personalita’ li kienet tgħid li hu kien tifel ta’ disa’ snin u jistqarr magħhom li huma sejrin ikunu sagrifikati lil “The Beast”, li skont kif kien jingħad kien l-erbgħa u għoxrin personalita’. Casey u Marcia fit-tentattiv biex jaħarbu jispiċċaw maqbuda u jsibu ruħhom maqfula separatament f’ċelel għalihom. X’sejjer jiġri issa minn Casey li ssib ruħha waħedha f’din il-qagħda tal-biża’ ma’ bniedem psikoloġikament marid serjament.  Tgħid Dr. Fletcher tintebaħ fil-ħin li kien hemm xi ħaġa mhux posta minħabba l-fatt li “Barry” kif kien qiegħed jibgħat ħafna e-mails?  X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan psikoloġiku u tal-biża’, hu taħt id-direzzjoni ta’ M. Night Shyamalan. Minħabba li l-film b’tema komplikata u diffiċli, għandu xi xeni ta’ vjolenza fiżika, kif ukoll xena ta’ abbuż sesswali  u kliem goff,  jitlob li l-film jarawh dawk li għalqu l-tmintax–il sena.