"Mhux nikkundannaw lill-omm imma ngħinuha tagħti ħajja lit-tarbija" - L-Arċisqof

L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa f'Jum il-Ħajja

  • Il‑Ħadd 5 ta’ Frar 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni ta’ Jum il‑Ħajja, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta.

    Agħfas hawn biex tara r-ritratti kollha taċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa.

  • Iċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fuq YouTube



  • L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


  • Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
    5 ta’ Frar 2017

    Fl-Evanġelju tal-lum mill-Evanġelju ta’ San Mattew, Ġesù juża’ żewġ tixbihat biex jipprova jfisser ir-rwol tagħna l-Insara fis-soċjetà u fid-dinja. Jgħid: “intom il-melħ tal-art, intom id-dawl tad-dinja” (Mt 5, 13.14).

    Elfejn sena ilu l-melħ kellu l-propjetà u għad għandu - imma kien jintuża ħafna drabi biex l-ikel jiġi ppreservat meta ma kienx hawn friġġ - li inti tmellaħ l-ikel, b’mod speċjali il-laħam, il-ħut, anke ċertu ħxejjex, biex tippreservahom fit-tul. Min jiftakar per eżempju fit-tadam imqadded jista’ jifhem. Kienu xi ħaġa li kienu jħobbu jagħmlu missierijietna, imma anke tant ikel li kien ikun miksi bil-melħ biex jiġi ppreservat. Illum meta tmur tkellem tabib - u llum għandna rappreżentanza illustri – jgħidulek: ‘oqgħod attent għall-melħ għax mhux tajjeb għas-saħħa’. Imma Ġesù meta jgħidilna: “intom il-melħ tal-art” qed ifisser preżenza li tagħti togħma u wkoll tevita l-effetti ta’ dak li jwassal biex il-laħam jew il-ħut jinten.

    Aħna, b’xi mod, bil-preżenza tagħna, qed jgħidilna Ġesù, se nagħtu togħma lid-dinja u se ngħinuha tevita kultura li twassal għall-mewt. Jgħidilna: “oqgħodu attenti li l-melħ tagħkom ma jaqtax, għax inkella ma jkunx jista’ jerġa’ jieħu togħma”. Jekk aħna ma nagħmlux dak li għandna nagħmlu, hemm ir-riskju wkoll li “nintefgħu barra u nintrifsu” (ara v. 13). Ħafna drabi l-kritika li ssir lill-Insara hija opportunità biex aħna nagħmlu eżami tal-kuxjenza: qegħdin inkunu dak li suppost jixtieqna li nkunu Ġesù?

    Jgħidilna: “intom id-dawl tad-dinja” (v. 14). L-Ewwel Qari ntgħażel biex jipprova jispjega xi jrid jgħid Ġesù, imma huwa Ġesù stess li jispjegalna meta jgħid: “hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom” (Is 58, 10) quddiem il-bnedmin biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lill-Missierkom li hu fis-smewwiet. L-għemejjel tajba tagħna huwa dan id-dawl li l-Mulej jixtieq li jiddi fid-dinja, “intom id-dawl tad-dinja”.

    Għalhekk l-Ewwel Qari jagħti l-lista mit-Testment il-Qadim ta’ dawk li aħna nsejħulhom l-opri tal-ħniena: “li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, li ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf, li tlibbes lil min tara għarwien, u li ma tinsiex lin-nies ta’ darek”. Isaija jgħid li hekk tagħmel dawn l-opri tal-ħniena: “ifeġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek. Quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek u l-glorja tal-Mulej timxi warajk” (vv. 7-8). Li tkun dawl, li l-Mulej jiksik bil-glorja tiegħu, hu riżultat li inti f’ħajtek tagħżel li tkun ħafna attiv fl-opri tal-ħniena. M’hemmx opra tal-ħniena ikbar milli inti ssalva ħajja u tippromovieha.

    Fil-5 ta Frar, bħal-lum fl-1994, Mother Teresa, li llum hija Santa Tereża ta’ Kalkutta, ġiet mistiedna biex tagħmel diskors ġewwa Washington D.C. għan-National Prayer Breakfast. Qalet hekk, u jien nixtieq nikkwota bl-Ingliż dak li qalet dakinhar:

    I feel that the greatest destroyer of peace today is abortion because it is a war against the child, a direct killing of the innocent child, murder by the mother herself.  And if we accept that the mother can kill even her own child, how can we tell other people not to kill one another? How do you persuade a woman not to have an abortion? As always we must persuade her with love and we remind ourselves that love means to be willing to give until it hurts.

    Jesus gave even his life to love us, so the mother who is thinking of abortion, should be helped to love, that is, to give until it hurts her plans or her free time to respect the life of her child. The father of that child, whoever he is, must also give until it hurts. By abortion the mother does not learn to live but kills even her own child to solve her problems, and by abortion that father is told that he does not have to take any responsibility at all for the child that he has brought into the world. The father is likely to put other women into the same trouble, so abortion just leads to more abortion. Any country that accepts abortion is not teaching its people to love but to use any violence to get what they want. This is why the greatest destroyer of love and peace is abortion.

    Huma kliem sempliċi, imma kliem profetiċi ta' Mother Teresa li b’dawn il-kliem, fl-1994, kienet eżempju ċar u ħaj ta’ dak li ried jgħid Ġesù meta jgħid: “intom il-melħ tal-art, intom id-dawl tad-dinja”.

    Imma Mother Teresa ma kellhiex biss kliem ċar u forsi anke iebes fuq it-traġedja tal-abort, kellha wkoll proposta biex jekk l-omm ma tistax iżżomm it-tarbija, aħna s-soċjetà mhux nikkundannaw lill-omm imma ngħinuha tagħti ħajja lit-tarbija u nieħdu ħsiebha aħna lit-tarbija tagħha. Tgħid hekk - u nikkonkludi dawn il-kliem sbieħ u ġenerużi ta’ Santa Tereza ta’ Kalkutta li hija dawl mhux għall-Knisja imma għad-dinja bl-eżempju tagħha:

    I will tell you something beautiful. We are fighting abortion by adoption, by care of the mother and adoption for her baby. We have saved thousands of lives. We have sent word to the clinics, to the hospitals and police stations: “please don’t destroy the child, we will take the child so we always have someone to tell the mothers in trouble: ‘come, we will take care of you, we will get a home for your child’ and we have a tremendous demand from couples who cannot have a child”. But I never give a child to a couple who has done something not to have a child. Jesus said: “anyone who receives a child in my name, receives me”. By adopting a child these couples receive Jesus, but by aborting a child a couple refuses to receive Jesus.

    Aħna qegħdin ukoll quddiem din id-deċiżjoni importanti, mhux bilfors bħala Parlament jew Stat, imma bħala soċjetà, jekk inkomplux inħaddnu, minkejja d-dgħufija tagħna, minkejja ukoll li xi wħud jagħżlu jagħmlu l-abort barra, jekk inkomplux inħaddnu l-kultura tal-ħajja jew nagħżlu l-kultura tal-mewt.

    Jiena nixtieq ukoll nagħmel appell biex kull min hu responsabbli biex ipoġġi fis-suq proċeduri, jew inkella sustanzi kimiċi, pilloli li jistgħu jkollhom ukoll effett  abortiv, ikollu l-kuraġġ jgħallem lill-poplu bl-effett ta’ dawn il-proċeduri, dawn is-sustanzi kimiċi, dawn il-pilloli. In-nisa tagħna, it-tfajliet tagħna għandhom id-dritt ikunu jafu għalxiex huma deħlin. U ma nistgħux ngħidu r-responsbbiltà hija biss għal min għandu rwol istituzzjonali; hija responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna. Ninsistu li l-informazzjoni tkun skont il-verità u tkun informazzjoni sħiħa.

    Il-komunità Nisranija mhix qiegħda hemm biex tikkundanna u twaddab il-ġebel imma qiegħda hemm biex tiddefendi d-dinjità tal-bniedem mill-bidu tal-eżistenza tiegħu sat-tmiem naturali tagħha. Aħna noffru s-sapport tagħna, l-għajnuna tagħna, lil kull min qiegħed f’xi saram, lil min qiegħed jiffaċċja dilemmi kbar mhux biex nikkundannaw, imma biex ngħinu, mhux biex nitkażaw, biex inkunu ta’ sapport.

    Din  hija xi ħaġa li huwa ċar ħafna wkoll il-Papa Franġisku. Quddiem tfajla li forsi mingħajr ma riedet tinsab tqila b’tarbija, il-komunità Nisranija mhux tagħlaq il-persjani u l-bibien tad-djar tagħha imma tkellem, tikkonsla, tfarraġ fejn hemm qtigħ il-qalb kbira u tgħin biex id-deċiżjoni favur il-ħajja ma tkunx deċiżjoni tqila, iebsa, imma faċilitata, issapportjata. Ejjew nitolbu bl-interċessjoni tal-qaddisin protetturi tagħna u b’mod speċjali ta’ Santa Tereża ta’ Kalkutta, biex il-poplu tagħna jibqa’ jkun poplu li jgħożż il-ħajja sa’ mill-bidu sal-aħħar.

     Charles J. Scicluna
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti/Filmat: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja