"L-imħabba lejn Alla ma tagħmilx sens jekk ma tissarrafx fl-imħabba ta’ bejnietna" - L-Arċisqof

L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa fil-50 sena anniversarju tal-Parroċċa Marija Reġina, il-Marsa

  • Nhar l-1 ta' Frar 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil-50 sena anniversarju tal-Parroċċa ta' Marija Reġina, il-Marsa. 
  • Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Marija Reġina, il-Marsa
    1 ta’ Frar 2017


    Qegħdin niċċelebraw il-Ġublew tad-Deheb, il-ħamsin anniversarju mit-twaqqif ta’ din il-Parroċċa. Nirringrazzjakom l-ewwel nett tal-istedina, nirringrazzja lill-Kappillan, lill-Provinċjal, lilkom ilkoll li ġejtu llejla biex flimkien ngħidu grazzi lill-Mulej ta’ din l-esperjenza ta’ komunità. Għax qabel xejn il-parroċċa hija komunità ta’ Nsara, li mill-isem stess li jingħatalha ‘parroċċa’, ħsiebha jrid ikun fid-destin aħħari tagħha. Għax il-parroċċa hija komunità ta’ nies li pajjiżu huwa s-sema, kif jgħid Missierna San Pawl: “aħna pajżana tas-sema pajjiżna” (Fil 3, 20), minn hemm nistennew jiġi lill-Mulej Ġesù.

    Il-kelma parroċċa fil-fatt titnissel mill-verb Nisrani ‘li inti tgħix f’post bħallikieku barrani’. Ħa nfakkarkom fix-xena ta’ Ħadd il-Għid filgħaxija, meta l-Mulej Ġesù jissieħeb ma’ żewġ dixxipli li kienu qatgħu qalbhom, diġà kienu semgħu dak li qalulhom in-nisa li l-qabar kien vojt, imma telqu, kienu sejrin lura lejn ir-raħal tagħhom f’Emmaws. Issieħeb magħhom fit-triq, ma ħallihomx jitilqu ’l hemm. “Ħin minnhom jgħidilhom: ‘imma għaliex qalbkom sewda?’ Huma jgħidulu: ‘inti ma tafx? Inti l-paroikos (il-barrani) f’Ġerusalemm, u ma tafx x’inhu jiġri?’” (ara Lq 24, 17-18).

    San Pawl, meta kien jikteb l-Ittri tiegħu lill-komunitjaiet differenti: lir-Rumani, lit-Tessalonikin, lill-Filippin, lill-Korintin, għal darba darbtejn, ħafna drabi kien jgħid “in-nies, l-Insara, il-qaddisin li qegħdin jgħixu f’Korintu, f’Tessaloniki, f’Filippi, bħallikieku barranin”. Tgħidulu: ‘imma aħna Maltin u kburin li aħna Maltin’ u hekk għandu jkun. Nieħu l-opportunità biex insellem lir-rispettabbli Sindku li jirrappreżenta l-qagħda tagħkom bħala Malitn hawnhekk f’din il-lokalità. Anke hu, ta’ Nisrani li hu, flimkien magħkom jaf li hemm pajjiż jistennih - ħadd mhu mgħaġġel biex imur, dak il-kju kulħadd ikun irid iqabbżu - imma aħna nafu li għandna destin sabiħ jistenniena.

    Li tkun parroċċa tfisser li tgħix fil-lokalità, imma inti m’intix komunità kwalunkwe; inti komunità Nisranija u allura li komunità tissejjaħ parroċċa, li titwaħħad u tiġi rikonoxxuta bħala parroċċa mill-Isqof tad-djoċesi, huwa avveniment tassew importanti li dik il-komunità mhux biex jingħatalha rikonoxximent u jingħatalha wkoll ragħaj, il-kappillan - fil-każ tal-Marsa, iż-żewġ parroċċi huma fdati lill-aħwa Franġiskani Kappuċċini - imma wkoll tingħatalha l-vokazzjoni li bħala komunità flimkien ikollha din is-sejħa għall-ġenna bħala komunità.

    Sejħa oħra tal-parroċċa hija li tnissel ulied għall-Missier u aħwa ta’ Ġesù, tempji tal-Ispirtu s-Santu. Il-parroċċa tagħmilha din bil-kelma li titħabbar fil-laqgħat ta’ kull nhar ta’ Ħadd fil-Knisja u anke barra mill-Knisja. Bħala parroċċa mhux biss titnissel mill-kelma, imma permezz tal-kelma tal-Mulej, tnissel ulied u aħwa. “Min hi ommi?”, jgħid Ġesù. Dan qrajnih fl-Evanġelju tal-lum mill-Kapitlu 12 ta’ San Mattew. “Min huma ħuti? Dawn, araw, huma ommi u ħuti. Kulmin jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija u oħti u ommi” (Mt 12, 48-50).

    Intom din il-ħaġa tifhmuha għaliex fuq din il-parroċċa mill-bidu nett ingħatha titlu Marjan. Jekk m’inhix sejjer żball, hawnhekk niftakarha kienet għada tal-Madonna tad-Dmugħ, imbagħad saret Marija Reġina, imma aħna qegħdin insemmu fuq l-istess Madonna, biex ma ngerfxux il-Madonni; waħda tibki, waħda bil-kuruna imma l-istess Marija, Omm Ġesù. Dan it-titlu Marjan profond intom midħla tiegħu, min jaf kemm smajtu prietki fuq Sidtna Marija u tqimu l-istatwa titulari fejn il-Madonna qiegħda twieżen lil Ġesù Sultan, għax hija Sultana.

    Imma l-maternità u s-saltna tagħha jiġu mill-ubbidjenza tagħha, mis-smigħ tagħha tal-kelma tal-Mulej: illi ġarret il-Kelma ta’Alla f’ġufha għal disa’ xhur, għax fi ħdanha l-Kelma ta’Alla saret bniedem. Hi li semgħet il-kelma tal-anġlu u qalet: “hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skont kelmtek” (Lq 1, 38). Hi li kienet tgħożż f’qalbha dak kollu li tisma’ u tixtarru (Lq 2, 51). Hi li fit-tieġ ta’ Kana lill-qaddejja qaltilhom: “agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2, 5).

    Din id-darba ħarġet tfittxu. L-Evanġelju ta’ San Mark, waqt li jirreferi l-istess episodju, kienu qed jaħsbu li Ġesù tilef moħħu (Mk 2, 21). Immaġinaw l-omm li tisma’ li binha tilef moħħu,  taqbad, titlaq mid-dar ta’ Nazaret u tmur tfittxu fejn kien u ma tmurx weħidha għax jekk tilef moħħu, għandha bżonn l-għajnuna biex tieħdu d-dar. Huma jgħidulu: “ġiet ommok, ħutek, il-kuġini, in-nies tal-familja qegħdin barra jfittxu li jkellmuk”, u hu jgħidilha li issa għandu familja ħafna ikbar minn ta’ Nazzaret (ara vv. 32. 34) u nimmaġina tifhmu.

    Nerġgħu niltaqgħu magħha fuq fil-Golgota taħt is-salib ta’ Binha, wieqfa mbikkija, fejn hu mbagħad jagħtihielna bħala Ommu: “Hawn hi ommok, hawn hu Ibnek” (Ġw 19, 26, 27). Nerġgħu niltaqgħu magħha titlob mad-dixxipli f’jum l-Għid il-Ħamsin. Id-dixxipli kienu jitolbu flimkien ma Marija Omm Ġesù. Din il-mara, imżejna bi tnax-il kewkba, din l-omm ta’ dak li għaraf u fehem x’inhi l-ubbidjenza għax kien imġarrab u bata, tgħallimna xi tfisser li nkunu flimkien bħala familja ulied il-Missier, aħwa ta’ Ġesù u li bħala familja nsiru t-tempju qaddis tal-Ispirtu s-Santu.

    X’inhuma l-valuri fondamentali tal-parroċċa? Il-valuri fondamentali tal-parroċċa huma dawk tal-komunità Nisranija: il-fidi, it-tama u l-imħabba. Il-komunità Nisranija jrid ikollha dawn il-virtujiet, dawn l-atteġġjamenti. Il-fidi hija li jiena nagħraf li Alla jħobbni u ninġibed lejh biex inħobbu lura u għalhekk nemmen fih għaliex il-fidi hija r-risposta għall-proposta tal-imħabba ta’ Alla. It-tama hija li jiena d-destin tiegħi ma jkunx jieqaf mal-eżistenza tiegħi fuq l-art, imma nafda f’dik is-sejħa li għandi li ningħaqad ma’ Alla għal dejjem, mhux waħdi imma bħala komunità. L-imħabba lejn Alla ma tagħmilx sens jekk ma tissarrafx fl-imħabba ta’ bejnietna, fl-imħabba tal-proxxmu b’mod speċjali l-imħabba tal-fqar. Jiena nitlob u nawgura li din il-parroċċa ta’ Marija Reġina tkompli tikber fil-fidi, fit-tama, u fl-imħabba.

    Huwa dover tiegħi bħala Isqof, li nirringrazzja lill-Mulej tal-ħidma ta’ tant saċerdoti Patrijiet Kappuċċini li ħadmu fostkom, ta’ tant lajċi li taw saħħithom, il-ħin tagħhom, ir-riżorsi tagħhom, flushom biex il-Parroċċa timxi ’l quddiem, biex jinbena’ dan it-tempju, biex jiżżejjen, biex ikun mantnut u mnaddaf kontinwament. Tant lajċi li huma mpenjati fid-diversi għaqdiet, kulħadd bl-ingravata differenti, qegħdin hawnhekk, mhux biss turu l-appertenenza tagħkom imma wkoll impenn tagħkom. L-abbatini, l-iscouts, tant għaqdiet rappreżentati hawn illum u dak kollu li jgħin lill-kappillan, il-Kunsill Pastorali Parrokkjali, l-għaqdiet kollha, li huma l-qalba tal-parroċċa bħala komunità li trid torganizza ruħha u tikber bħala komunità Nisranija. Kull min jieħu ħsieb il-liturġija, mhux biss min jieħu ħsieb it-tempju imma anke min jieħu ħsieb il-kant liturġiku u l-Qari.

    L-Isqof jiġi fil-parroċċa biex iwettaq lill-ħutu u lill-uliedu fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba. Jiena għalhekk qiegħed hawn illum. Wasslu l-imħabba tal-Isqof lil kull parruċċan ta’ din il-parroċċa għażiża, lil kull Marsi, lil kull persuna li tgħix f’din il-lokalità. Għidulhom: ‘l-Isqof sella għalik’. Min għadu ma kielx, ngħidlu: ‘buon pranzo’ bħalma jagħmel il-Papa, dejjem jaħseb f’xi tislija konkreta. Kemm huma ħelwin dawn il-laqtiet umani tal-Papa, ir-ragħaj tagħna, ifakkruna li aħna Nsara ta’ kuljum anke fil-ġesti l-iżjed sempliċi, l-iżjed konkreti. Jalla dak kollu li nagħmlu, nagħmluh f’isem il-Mulej, jkollna l-mentalità tiegħu u bl-interċessjoni u l-protezzjoni qawwija ta’ Sidtna Marija Reġina. 

     Charles J. Scicluna
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratt: Mark Micallef Perconte