• Il-Ħadd 5 ta’ Frar 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fl-Oncology Centre, l-Imsida. L-Arċisqof kellu l-opportunità li jiltaqa’ mal-pazjenti li qed jingħataw il-kura f’dan iċ-Ċentru il-ġdid. 
  • L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Sptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, l-Imsida
    5 ta’ Frar 2017

    L-ewwel nett nsellmilkom.

    Ġesù fl-Evanġelju tal-lum jagħti żewġ tixbiehat biex jispjegalna r-rwol tagħna l-Insara fid-dinja. Jgħidilna: “intom il-melħ tal-art” (Mt 5, 13). Jgħidilna: “intom id-dawl tad-dinja” (v. 14). Issa l-melħ irridu nifhmu sew xi jrid jgħid biha għax kull min tkellem, intom it-tobba, tgħidu: “noqgħod attent mill-melħ ghax mhux tajjeb”. Meta jgħidilna “intom il-melħ tal-art”, xi jrid jgħidilna?

    Elfejn sena ilu l-melħ kien essenzjali. Infatti f’wieħed mill-magazines mal-ġurnali tal-lum hemm artiklu fuq il-melħ. Addirittura l-ħaddiem kien jitħalles bil-melħ, tant li aħna l-kelma ‘salarju’ ġejja mill-melħ, ‘salarju’ min ‘sal’, tant kien prezzjuż il-melħ. Għaliex il-melħ kien importanti, biex jekk inti għandek biċċa laħam ma tintinx, tuża’ l-melħ biex tippreżervaha. Hekk ukoll il-ħut, hekk ukoll ċertu ħxejjex, kien element fin-natura, imdawwrin bih fl-ibħra. Aħna wkoll tant għandna postijiet imsemmijin għall-melħ: il-Mellieħa, għandna s-Salini, għax kien propju element prezzjuż fin-natura li jippreserva.

    “Intom il-melħ tal-art”. Ġesù qed jgħidilna oqgħodu attenti li ma jaqtax il-melħ tagħkom għax inkella ma tiswew għalxejn, anzi qisu qed jgħidlna tkunu biss xkiel (ara v. 13). Aħna rridu bil-preżenza tagħna nippromwovu l-kultura tal-ħajja, għax il-melħ qiegħed hemm biex il-ħaġa ma tintinx, ma tiġix mirbuħa mill-kontaminazzjoni, il-batterja li mbagħad iġgħalha tinten. Dik il-preżenza llum hija attwali ħafna.

    X’jiġifieri tkun il-melħ tal-art illum? Huwa li l-ħajja, anke jekk hija mgħobbija bil-mard u bit-tbatija, tipprova tagħmilha dinjituża kemm jista’ jkun sal-aħħar. In-Nisrani jibqa’ jinsisti li aħna m’aħniex sidien tal-ħajja tagħna, aħna qaddejja ta’ xulxin biex il-ħajja, kemm jista’ jkun, ngħixuha b’dinjità. Jiena naf li hawnhekk m’hawnx biss il-kura ta’ terapija, hawn ukoll il-kura palljattiva. Din l-għażla tal-Oncology Centre li jkun hawn ukoll il-palliative care tfisser li aħna qed nippruvaw nagħtu dinjità lill-ħajja sal-aħħar.

    Jiena nixtieq ukoll nirringrazzja lil min bl-imħabba, bil-kura, bl-assistenza medika professjonali u anke l-oħrajn, kulħadd fir-rwol tiegħu jagħmel dan l-ambjent ambjent fejn il-pażjent iħossu maħbub. Għaliex hemm kura professjonali li taf tkun professjonali u eżatta, imma kura professjonali b’imħabba jkollha togħma differenti. Dik ukoll it-togħma ta’ kultura Nisranija li f’xulxin naraw lil Ġesù.

    Jgħidilna: “id-dawl tad-dinja”. Meta jgħid ‘id-dawl tad-dinja’ jitkellem fuq l-għemejjel tagħna. Jekk terġgħu taqraw l-Evanġelju tirrealizzaw li jgħidilna jaraw l-għemejjel tagħkom u jagħtu glorja lil Alla u hekk tkunu d-dawl tad-dinja (ara v. 16) .

    L-Ewwel Qari jitkellem fuq dawk li aħna ngħidulhom l-opri tal-ħniena: titma’ lil min hu bil-ġuħ, tlibbes lil min hu għeri, tilqa’ f’darek lil min m’għandux fejn jgħix. Hekk jiddi d-dawl tiegħek quddiem il-bnedmin “u l-glorja ta’ Alla ssegwik” (ara Is 58, 7-8) . Id-dawl tan-Nisrani jidher fl-għemejjel tiegħu, mhux kwistjoni ta’ kliem, ta’ diskors, ta’ għemil! Hawnhekk għandna għemil konkret ta’ kura. Hawnhekk hawn għemil konkret ta’ solidarjetà. Allura jalla minn dan il-post li huwa post anke ta’ tbatija, jiddi d-dawl ta’ min qed iżur lil min hu marid, qed jieħu ħsiebu, qed juża t-talenti professjonali tiegħu biex il-ħajja tal-marid tkun aħjar kemm jista’ jkun.

    L-aħħar kelma lil-għeżież pazjenti li nispera jkolli ċans anke ndur lil min ma setax ikun hawn. Din hija vokazzjoni speċjali li tolqtok bla avviż. Ħa ngħidilha ‘vokazzjoni’, għax il-pjan ta’ ħajtek jitbiddel radikalment. Tkun għaddej bil-pjan ta’ ħajtek, imbagħad issib ġebla tolqtok, ma tkunx taf min fejn ġejja, u inti lill-Mulej taf tkellmu u donnu mhux qed jisimgħek, jew ma tkunx taf x’se taqbad tgħidlu ħlief twaddablu xi ġebla lura, għax ikollok aptit, u tgħidlu: “għaliex jien?”  u tgħidlu: “għaliex issa?” 

    Jiena għal dawn id-domandi m’għandix risposta, għandi biss il-wegħda tal-għajnuna tal-Mulej. Il-Mulej ma jitlaqniex weħidna. Ftakru li l-ismjijiet tal-Mulej huma: ‘Ġesù’ u ‘Għimmanu-El’ Alla jsalvak u Alla miegħek. ‘Għimmanu-El’ Alla magħna, u dawn it-tnejn jimxu flimkien. Alla jsalvak billi jkun miegħek, inti ma tarahx imma miegħek, ħossu miegħek. Jgħidlek: “tinkwetax, inti qiegħda, inti qiegħed f’idejn tajba”.  

    Nitolbu ħafna għat-tobba, għall-konsulenti, għall-infermiera, għall-istaff kollu biex huma bl-imħaba tagħhom, bil-kura tagħhom, bil-ħarsa delikata tagħhom iwasslu dan il-faraġ illi jrid iwassal il-Mulej. Issa nixtieq li nagħmlu talba lill-Madonna għal kulħadd, għal kull min jirfes f’dan il-post. Sliem għalik Marija.

     Charles J. Scicluna
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Photocity, Valletta