• San Mark 8:1-10
    F’dawk il-jiem, reġgħet inġabret kotra kbira u ma kellhomx x’jieklu, sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Nitħassarhom lil dawn in-nies, għax ġa ilhom miegħi tlitt ijiem, u ma għandhom xejn x’jieklu. Jekk inħallihom imorru sajmin lejn djarhom, żgur iħosshom ħażin fit-triq, għax xi wħud minnhom ġew mill-bogħod.” Id-dixxipli tiegħu weġbuh: “F’deżert bħal dan minn fejn jista’ wieħed ixabba’ lil dawn in-nies kollha bil-ħobż?” Hu staqsiehom: “Xi kemm għandkom ħobż?” Qalulu: “Sebgħa.” Mbagħad qal lin-nies kollha jinxteħtu bilqiegħda fl-art, ħa s-seba’ ħobżiet, radd il-ħajr, qasamhom u tahom lid-dixxipli tiegħu biex inewwluhom lin-nies, u huma newwluhomlhom. U kellhom ukoll xi ftit ħut żgħir; berikhom, u ried li jitnewwlu dawn ukoll. U kielu u xebgħu; u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal, sebat iqfief! U kien hemm madwar l-erbat elef ruħ! Mbagħad bagħathom. U minnufih tala’ fuq dgħajsa flimkien mad-dixxipli tiegħu u mar lejn l-inħawi ta’ Dalmanuta.

    Qaddis tal-jum: San Severinus ta’ Agaunum, Abbati