"Min jitgħallem il-paċenzja jkun tgħallem iċ-ċavetta tal-hena" - L-Arċisqof

L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa f'Jum il-Morda

  • Nhar is‑Sibt 11 ta’ Frar 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa f’Jum il‑Morda, fis‑Santwarju ta’ Santa Tereża, Birkirkara.
    Agħfas hawn biex tara r-ritratti kollha taċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa.


  • Iċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fuq YouTube



  • Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Santwarju ta' Santa Tereża, Birkirkara
    11 ta' Frar 2017

    Nixtieq nirringrazzjakom ħafna ta’ din l-opportunità li niltaqgħu fil-festa tal-Madonna ta’ Lourdes.

    Il-profeta Isaija, fl-Ewwel Qari li smajna llum jgħid hekk: “Ifirħu lil Ġerusalemm u thennew biha intom ilkoll ħbieb tagħha! Aqbżu bil-ferħ, intom ilkoll li qsamtu swied il-qalb magħha”. X’jgħallimna dan il-vers minn Kapitlu 66? Ġerusalemm li hija l-belt tal-Mulej, li hija belt is-sliem, għandha wkoll il-mumenti ta’ swied il-qalb tagħha bħalma jkollu kull marid, bħalma jkollha kull marida. Nistgħu ngħidu li l-mard, jekk aħna ma jkollniex wens speċjali, l-ewwel li jaffetwalna huwa l-moħħ u l-qalb tagħna. It-tabib jgħidlek: “Ħabib, għandi aħbar ħażina għalik. Sinjura, m’għandniex aħbarijiet tajba”. U ġismek jiksaħ, iqum xewk xewk, ma tkunx taf x’se taqbad tagħmel bik innifsek. Iva lili? Iva issa? U jien x’għamilt iżjed jew agħar minn ħaddieħor biex missni din ix-xorti? Mal-mard hemm ukoll id-depression ta’ min jara lil saħħtu tgħib ġurnata wara l-oħra. U aħna wkoll meta tolqotna din il-ħaġa jew tolqot lil xi ħadd qrib tagħna, ngħaddu minn din l-esperjenza ta’ swied il-qalb.

    Il-Madonna bħal-lum dehret lil tfajla marradija, m’għażlitx tfajla tas-sinjuri jew b’saħħitha jew intelliġenti ħafna. Bernadette Soubirous kienet tgħid: “jiena ma jien ħadd speċjali”. Meta, wara l-esperjenza ta’ Lourdes, bdiet il-vokazzjoni tagħha bħala soru, xi ħadd qalilha: “isma’ qed ibiegħu r-ritratti tiegħek għal ħabba”, qaltilhom: “niswa daqshekk jien? Ma naħsibx ta'”. Mhux għax kienet trid tarmi lilna nfisha imma għax kellha l-għerf li tirrealizza ċ-ċokon tagħha. U peress li l-laqgħa tagħha ma’ Marija kienet vera u hi ltaqgħet mas-Sinjura li hija l-eżempju tal-umiltà, Bernadette qatt ma ssuppervjat.

    Meta is-Sinjura qaltilha: “jiena ma nwegħdekx li tkun ferħana fid-dinja t’hawnhekk, imma fid-dinja l-oħra”, dawn il-kliem personali Bernadette semgħethom u emmnithom. F’din id-dinja minħabba l-marda kiefra tat-tuberkolożi sofriet ħafna, sofriet ukoll kif tafu s-swied il-qalb tal-għira ta’ sħabha. “Ifirħu lil Ġerusalemm”, allura dan il-ferħ minn fejn ġej? Tgħiduli: “jiena li qiegħda f’dan is-salib, kif se nsib il-ferħ?”. L-ewwelnett it-talba tiegħi li nagħmel fuqkom hija li ssibu ħbieb ta’ vera. “Thennew biha intom ilkoll ħbieb tagħha”. Kemm hi ħaġa sabiħa li anke fil-mard insibu ħbieb ta’ vera li jkellmuna ċar. “Il-pilloli ħadthom? Obdejtu t-tabib? Jew irridu nibqgħu nagħmlu ta’ rasna bħallikieku ma ġralna xejn? Qed tistrieħ biżżejjed? Qed tieħu paċenzja anke bi sħabek?”

    Persuna ħabiba vera tgħidilna wkoll il-verita. Imma persuna ħabiba tfakkarna wkoll fis-sabar u l-ferħ li jġib is-sabar. Min jitgħallem il-paċenzja jkun tgħallem iċ-ċavetta tal-hena. Għaliex inti trid titgħallem tieħu paċenzja bik innifsek, bl-oħrajn, u ħa ngħiduha kif inhi, anke bil-Mulej għax kultant tiġbidlu l-libsa u tgħid: “imma dan ittarrax, ma jridx jisma’ t-talb tiegħi?”. Kull meta titolbuh lill-Mulej - u l-marid lill-Mulej jitolbu l-ewwel nett l-fejqan - għidulu: “imma mhux kif irrid jien, kif trid inti” bħalma qallu Ġesu fl-ort tal-Ġetsemani.  Mhiex talba faċli, għax aħna l-Mulej inkunu rriduh jagħmel ir-rieda tagħna, mhux li aħna nagħmlu r-rieda tiegħu. Santa Katerina ta’ Siena kien ikollha l-wiċċ tgħidlu: “agħmel li rrid jien għax jien irrid dak li trid inti”. Imma din talba iebsa. Aħna nitolbuh lill-Mulej biex jagħmel ir-rieda tiegħu u nitolbuħ li norbtu qalbna mar-rieda tiegħu.

    Min isib ħabib jew ħabiba vera jsib ukoll il-wens li jkun jista’ jitkellem fuq id-dulur l-iżjed personali tiegħu. U għalhekk dawn il-kollokji intimi jafu jkunu wkoll għajn kbira ta’ paċi. Bernadette sabet sapport kbir fi ħbiebha u anke f’ommha. Kienet tista’ titkellem ma’ ommha, allavolja kienet ta’ dixxiplina. Ommha kellha raġel li ma ndurahiex bid-deheb, għax minn xogħol jidħol u minn xogħol joħroġ, u daq il-ħabs ukoll. Imma l-mama ta’ Bernadette baqgħet bniedma ta’ dixxiplina u fiha Bernadette Soubirous sabet sapport kbir bħalma sabet sapport kbir ukoll dik is-Sinjura ħelwa li kienet tidhrilha fil-grotta ta’ Massabielle.

    Il-messaġġ ma kienx għaliha imma lill-qassisin, lill-midinbin, lilna. Kienet ukoll stedina biex aħna niftakru fil-Magħmudija tagħna bil-ħasil fl-ilma tan-nixxiegħa. Kienet stedina biex aħna nieklu l-ħaxix morr tal-penitenza. Kienet stedina wkoll biex fil-pellegrinaġġ tagħna nħallu x-xemgħa mixgħula, dik ix-xemgħa li tfakkarna li anke aħna li mgħobbijin bil-mard, aħna d-dawl tad-dinja. Dik ix-xemgħa mixgħula li ngħatat lill-ġenituri, lill-parrrini tagħna fil-Magħmudija u tfakkarna li aħna qed nilqgħu f’ħajjitna d-dawl ta’ Kristu: ħudu d-dawl ta’ Kristu.

    “Se nifrex fuqha s-sliem bħal xmara, u bħal xmara tfur il-ġid tal-ġnus” (Is 66, 12). Dik in-nixxiegħa li ħarġet minn taħt il-grotta ta’ Massabielle hija din ix-xmara ta’ sliem, ix-xmara ta’ rikonċiljazzjoni, ix-xmara tal-hena ta’ min isib il-paċi m’Alla. Jiena nixtieq nitlobkom, għeżież morda, għeżież anzjani, biex illum bit-talb tagħkom, bl-offerti tat-tbatija tagħkom, tattiraw fuq il-gżejjer tagħna din ix-xmara ta’ sliem, din ix-xmara ta’ paċi fil-qlub. Tiltaqa’ ma’ ħafna nies li donnhom ma jonqoshom xejn imma m’għandhomx paċi f’qalbhom. Tiltaqa’ ma’ nies fil-kondizzjoni tagħkom li jedifikawk bil-paċi li hemm fil-qalb tagħhom, il-ħin kollu jitolbu, il-ħin kollu jitkellmu fuq Ġesu u fuq ommu Marija, il-ħin kollu jagħtu xi messaġġ ta’ ġid. Kemm hi ħaġa sabiħa li l-marid u l-marida jsiru appostli ta’ din ix-xmara ta’ sliem minn fuq is-sodda tagħhom, minn fuq il-wheelchair tagħhom.

    “Jagħrfu l-qaddejja tal-Mulej l-id qawwija tiegħu” (v. 14). B’dan l-awgurju tal-profeta Isaija, nitolbu bl-interċessjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija ta’ Lourdes u ta’ Santa Bernadette Soubirous il-faraġ u s-sliem fuq il-morda kollha tagħna.  

     Charles J. Scicluna
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja