• San Mark 9:14-29

      Meta reġgħu ġew ħdejn id-dixxipli l-oħra, rawhom b’kotra kbira ta’ nies madwarhom, u xi kittieba jitlewwmu magħhom. In-nies, kif rawh, lkoll stagħġbu ħafna u ġrew lejh biex isellmulu. U hu staqsiehom: “Fuqiex qegħdin titlewwmu magħhom?” U wieħed mill-kotra qallu: “Mgħallem, ġibtlek lil ibni għax għandu spirtu mbikkem. U kull fejn jaħkmu jsabbtu ma’ l-art u hu joħroġ ir-ragħwa minn ħalqu, jgħażżeż snienu u jibbies. Għedt lid-dixxipli tiegħek biex ikeċċuh minnu, u ma kellhomx ħila.” “Ja nies bla fidi” qalilhom Ġesù, “kemm se ndum magħkom? Kemm se ndum nissaportikom? Ġibuhuli quddiemi.” U ressquhulu quddiemu. L-ispirtu, malli lemaħ lil Ġesù, beda jħabbtu ‘l hawn u ‘l hemm bir-ragħwa f’ħalqu. “Xi kemm ilu jagħtih hekk?” staqsa Ġesù lil missieru.”Minn ċkunitu,” qallu, “u sikwit ġie li tefgħu fin-nar u fl-ilma biex jeqirdu. Imma int, jekk tista’ tagħmel xi ħaġa, għinna u ħenn għalina!” “Jekk tista’!” qallu Ġesù. “Kollox jista’ jkun għal min jemmen!” Missier it-tifel minnufih beda jgħajjat u jgħidlu: “Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi!” Ġesù, meta ra l-kotra tiżdied, hedded bl-aħrax lill-ispirtu ħażin u qallu: “Ja spirtu mbikkem u trux, jiena nordnalek: oħroġ minnu, u la terġax tidħol fih, qatt iżjed!” U filwaqt li qabad jixher u jħabbtu ħafna, ħareġ minnu, u t-tifel inxteħet għal mejjet, hekk li l-kotra tan-nies bdiet tgħid: “Miet!”  Imma Ġesù qabdu minn idu u qajjmu, u hu waqaf fuq saqajh. Meta mbagħad Ġesù raġa’ daħal id-dar, id-dixxipli tiegħu staqsewh rasu u rashom: “Għaliex ma rnexxilniex inkeċċuh?” “Spirtu bħal dak,” qalilhom, “ma jista’ jitkeċċa b’xejn ħlief bit-talb.”

      Qaddis tal-jum: San Eukerju, Isqof, Beati Franġisku u Ġaċinta Marto