• ****

    Direttur: Chris McKay

    Ilħna: Will Arnett, Zach Galifianakis, Michael Cera, Rosario Dawson u Ralph Fiennes

    Ħin tal-Film: 104 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: U

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: PG

    Tliet snin  wara li Batman għen lil Emmet u Wyldstyle biex isalvaw id-Dinja Lego, hu baqa’ dejjem lest biex jiġġieled kull forma ta’ kriminalita’ fil-belt ta’ Gotham. F’waħda mill-missjoni biex ma jħalliex lil The Joker li jeqred il-belt, Batman fiera fis-sentimenti lil dan il-arċ-rival tiegħu bi kliem li kien qal. The Joker tant ħa għalih li ħalef li jagħmel vendetta. Jum wara, Batman jattendi gala parti bħala Bruce Wayne, l-alter ego tiegħu u dan għamlu biex jiġi ċelebrat l-irtirar tal-Kummissarju Gordon u l-bidu tal-ħidma tat-tifla tiegħu, Barbara bħala Kummissarju ġdid tal-pulizija. Meta Bruce (Batman) jisma’ lil Barbara tħabbar li kienet sejra tirriforma l-korp tal-pulizija biex dan ma jkollux għalfejn jiffunzjona bis-saħħa u l-għajnuna tal-Batman, xejn ma ħa pjaċir. Meta mingħajr ebda twissija, The Joker jidħol fix-xena bla ma kien mistenni u wisq inqas mistieden akkumpanjat minn ħafna villani tal-belt  u li ġġagħlhom jagħtu lilhom infushom lill-pulizija. Batman jissuspetta li dak li għamel The Joker kien xi pjan maliżjuż. Għalhekk Batman jitfgħu fil-Phantom Zone, ħabs fejn hemm kien hemm l-iktar villani perikolużi li kienu jeżistu fid-dinja tal-Lego.  X’kien qiegħed jippjana The Joker? F’din il-qagħda diffiċli  li kienet tinsab il-belt  ta’ Gotham, kienet titlob li kulħadd jikkoopera u jaħdem flimkien biex b’hekk il-pjan ta’ The Joker iffalli. Il-problema iżda kienet,  kemm kien lest li  Batman iċedi l-indipendenza tiegħu u li kienet tonfħu bħala l-uniku wieħed li seta’ jieqaf kull forma ta’ ħażen? Minnaħa tagħha, Barbara tirrealizza li ma kienx hemm għażla oħra ħlief li tipperswadi lil Batman biex jaħdmu flimkien għall-ġid ta’ kulħadd.  Għal dan il-għan tiġi fi fteħim mal-Batman li hu,  flimkien magħha, Robin, it-tifel li kien addotta l-Batman kif ukoll Alfred Pennyworth, il-butler, jingħaqdu flimkien biex joffru reżistenza lil The Joker. X’jiġri minn hawn? 

    Film animat ikkomputerizzat, mimli azzjoni fuq Batman, l-eroj leġendarju fil-belt ta’ Gotham. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Chris McKay u għandu messaġġ pożittiv fejn juri l-ħtieġa li kulħadd jaħdem id f’id biex jingħeleb l-għadu komuni f’dan il-każ  The Joker. Minħabba xi xeni  perikolużi, inklużi splużjonijiet u xi kliem baxx, għalkemm il-film jista’ jarah kulħadd, iżda xi xeni jistgħu ma jkunux tajbin għat-tfal żgħar.