• San Mattew 18:21-35
    Mbagħad Pietru resaq lejh u qallu: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?” “Ma ngħidlikx sa seba’ darbiet,” wieġbu Ġesù,”imma sa sebgħa u sebgħin darba. Għalhekk is-Saltna tas-Smewwiet nistgħu nxebbhuha ma’ wieħed sultan, li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu. Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li kellu jagħtih għaxart elef talent. Billi ma kellux minn fejn iroddhomlu, is-sinjur ordna li jinbiegħu hu, martu, uliedu u kull ma kellu, ħalli b’hekk jitħallas id-dejn. Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu, ‘Sinjur, stabar ftit bija; kollox inroddlok.’ Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu. Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa’ ma’ wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu. ‘Ħallas dejnek,’ qallu. Il-qaddej sieħbu nxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu, ‘Stabar ftit bija u nroddlok.’ Imma dak ma riedx jaf, mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kull ma kellu jagħtih. Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewwdu qalbhom ħafna; marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu kull ma kien ġara. Mbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu, ‘Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena, ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?’ U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kull ma  kellu jagħti. Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom.”

    Qaddisin tal-jum: Santa Euda, Santa Benedetta Cambiagio Frassinello