"Il-ġustizzja tagħna ġejja mill-ħniena tal-Mulej" - L-Arċisqof

  • Nhar is-Sibt 18 ta' Marzu 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa mal-anzjani fil-Kappella tad-Dar Little Sisters of the Poor, il-Ħamrun.
  • Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Kappella tal-Little Sisters of the Poor, Ħamrun
    18 ta’ Marzu 2017

    “La tibżax tilqa’ għandek lil Marija b’martek għax dak li tnissel fiha ġie bil-ħidma ta’ L-Ispirtu s-Santu. Hi jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom” (Mt 1, 20-21). 

    Alla ra l-qalb kbira ta’ dan il-mastrudaxxa umli ta’ Nazaret u ppermetta, imma fil-ħolm, li Ġużeppi jingħata l-istess tagħrif divin, l-istess rivelazzjoni li ngħatat omm Ġesù. L-ewwel nett tingħatalu li jifhem il-misteru u l-azzjoni tas-Santissima Trinità. Tħabbarlu li l-Mulej inissel fil-ġuf ta’ Marija, iben, bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu: il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Ingħatalu wkoll li jifhem il-missjoni ta’ Ġesù: “hu jsalva lill-poplu tiegħu minn dnubiethom”. San Ġużepp, fi ftit kliem, ingħata minn Alla tagħrif dirett tal-misteru intimu ta’ Alla: il-Missier, u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, u l-misteru tal-Iben ta’ Alla li jsir Bniedem biex isalvana.

    “Hi ikollha iben, inti issemih Ġesù” (v. 21). F’dan il-kliem hemm il-maternità ta’ Marija u l-awtorità paterna ta’ Ġużeppi. “Hi jkollha iben, inti ssemmih” għaliex ormaj se teħodha f’darek bħala martek, inti se jkollok l-awtorità ta’ missier, inti ssemmiha lit-tarbija. Tiftakru meta twieled Ġwanni u Żakkarija kien għadu ma jitkellimx, staqsew lil missieru: X’jismu dan? “Hu kiteb: ismu huwa Ġwanni” (Lq 1, 63), għal Ġwanni l-Battista. Il-missier juri l-paternità tiegħu, juri l-awtorità tiegħu billi jagħti isem.

    Dan il-ġest mhuwiex biss ritwal imma: dan huwa ibni u jien se nieħu ħsiebu. Il-Mulej jgħidlu li ta l-Ispirtu s-Santu, imma li jafdalu lill-Iben il-waħdieni tiegħu u jaħtru missieru quddiem id-dinja. Tant hu hekk li meta ta’ tnax-il sena Ġesù għamel waħda tinkiteb - tant tinkiteb li kitibha fl-Evanġelju tiegħu San Luqa, minn hemm naħseb li ġejja ‘tagħmel waħda tinkiteb’ - ħarab, baqa’ Ġerusalemm u ntilef. Ommu, meta sabuh qaltlu: “jiena u missierek” (Lq 2, 48), ma qaltlux ‘missierek puttativ, l-Ispirtu s-Santu’, ma qaltlu xejn, qaltlu: “missierek u jien”, daqshekk, sempliċi.

    Anke meta kiber Ġesù, mhux ta’ tnax il-sena, meta tfixklu n-nies ta’ Nazaret x’qalu?  “U missieru mhux Ġużeppi l-mastrudaxxa u ħutu ma nafuhomx?” (ara Mt 13,  55). Dan ir-raġel ġust li huwa wkoll missier fil-Knisja bħalma huwa Abraham, għaliex il-liġi tant fehmha li ma użahiex biex joqtol, imma sar ġust u għex ta’ ġust mhux bil-qawwa tal-kelma tal-liġi, imma bil-fidi, bl-ubbidjenza lejn Alla. “Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej” (Mt 1, 24).  

    Il-Papa Franġisku fuq il-komodina ta’ ħdejn is-sodda tiegħu f’Casa Santa Marta, għandu statwa ta’ San Ġużepp, statwa partikolari li hija ħafna popolari fil-Latin Amerika, huwa San Ġużepp rieqed. Għaliex San Ġużepp, kull meta kellmu Alla, kellmu fil-ħolm, waqt li kien rieqed. Nerġgħu naraw meta lil Ġesù għat-tieni darba, mill-qilla ta’ Erodi, l-anġlu jwissih fil-ħolma biex jaqbad lit-tifel u ’l ommu u jaħrab lejn l-Eġittu (ara Mt 2, 13-14). 

    Imbagħad għat-tielet darba fil-ħolm jerġa’ jgħidlu: “dak li ried joqtol lit-tifel  m’għadux ħaj, tista’ tirritorna (ara Mt 2, 20). Dawn it-tliet ħolmiet li l-Evanġelju ta’ San Mattew jirrakuntalna. Allura San Ġużepp jisma’ lil Alla waqt li huwa rieqed, imma jobdih waqt li huwa mqajjem. Ir-raqda qaddisa ta’ San Ġużepp mhuwiex ta’ wieħed li joħlom u ma jagħmilx, imma ta’ wieħed li joħlom u jobdi, ta’ wieħed li joħlom u jisma’. Wara kollox anke Ġużeppi, it-tifel ta’ Ġakobb, kien magħruf bħala dak li joħlom, ‘il-ħalliem’ (ara Ġen 37, 19), the dreamer.

    Aħna llum irridu nitolbu l-interċessjoni ta’ San Ġużepp biex pjuttost milli nkunu nies li nsawwtu lil xulxin u noqtlu lil xulxin bil-kelma tal-liġi, ngħixu ta’ bnedmin ġustifikati, li Alla għamilna ġusti - għax San Ġużepp, veru huwa bniedem ġust - imma aħna ġustifikati, magħmulin ġusti mill-ħniena tal-Mulej, mhux minn ħtijietna. Il-ġustizzja tagħna ġejja mill-ħniena tal-Mulej, mill-ħarsa ħanina tiegħu. Mhux ta’ b’xejn il-kor fakkarna: “glorja ’l Alla fl-għoli tas-smewwiet, u paċi fl-art lill-bnedmin li huma oġġett tar-rieda tajba tal-Mulej”, li Alla għandu rieda tajba fuqhom, li Alla jħobbhom, li Alla jħenn għalihom, li Alla jimliehom bil-grazzja tiegħu, li Alla jagħmilhom ġusti.  Aħna ġustifikati, magħmulin ġust, lill-Mulej ngħidulu: “jiena minkejja d-dgħufija tiegħi, nixtieq ħafna nobdik”.

    Għeżież anzjani, ħbieb tiegħi, il-ħolm tagħkom x’inhu? Tgħiduli: “aħna mhux ħolma għandna, nightmare!”. Forsi mhux dejjem. Tgħiduli: “aħna noħolmu b’dak li għadda minna”. Iż-żgħażagħ joħolmu bil-futur, ma tantx għandhom passat; aħna għandna ħafna passati, u dan il-passat  jgħaddi mill-passatur tal-emozzjonijiet, huwa l-ingredjenti tal-ħolm tagħna. Nitolbu lil San Ġużepp biex iqaddes, jippurifika, u anke jirrasserena, jiġifieri jagħmel li l-ħolm tagħna jkun seren. Meta f’nofs ta’ lejl tkun inkwetat, jew inkwetata, itolbu lil San Ġużepp.

    Jiena ippuvajt insib statwa ta’ San Ġużepp rieqed imma għadni ma rnexxilix, naħseb ikolli bżonn immur l-Argentina biex insibha din l-imbierka statwa ta’ San Ġużepp rieqed, kważi kważi jabillek taqbad u tordnaha, San Ġużepp rieqed hekk, kalm, kalm. Il-Papa meta jkollu xi ħaġa tinkwetah - qalha hu stess - jikteb biċċa karta żgħira u jpoġġieha taħt San Ġużepp rieqed.

    Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna għandna l-qaddisin bħalma hu San Ġużepp, li nistgħu nafdawlhom l-inkiwet u l-qtigħ il-qalb tagħna. Ma nkwetatx il-Madonna: “Dana, kif se ngħidlu jien, u dan se jemmini li ġej mill-Ispirtu s-Santu?”. Jgħidilha: “mela le, hekk”. U naħseb hekk baqa’ ukoll għax qalilha: “Mhux hekk?  Mhux hekk?” Dik marret tgħidlu: “jiena ħa jkolli tarbija, mill-Ispirtu s-Santu”.  U ma qallha xejn. Din ix-xebba ta’ sittax il-sena, għadha tibda l-ħajja, tgħid ‘iva’ lill-Mulej għal dan il-proġett biex aħna nsalvaw minn dnubietna u tibda sensiela ta’ tbatijiet bil-konfużjoni kollha. Imbagħad hu jipprova jsalva s-sitwazzjoni, ma riedx joqtolha, ma qallhiex joqtol it-tarbija li hemm, issa Spirtu s-Santu u Ġakbu u Ġakobin, insomma tarbija hi. U l-Mulej jagħraf il-qalb ta’ dan ir-raġel ġust u jgħidlu: “inti tkun missier ta’ Ibni,  inti ssemmih Ġesù għax hu jsalva lill-poplu tiegħu minn dnubiethom”.

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja