• It‑Tlieta 21 ta’ Marzu 2017, jum l‑anniversarju tal‑mewt ta’ Mons. Arċisqof Ġużeppi saret attivita’ kommemorattiva fil-Kurja tal-Arċisqof, fejn il-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi qasam il-ħsibijiet tiegħu f’din l-okkażjoni. 

  • Il-Messaġġ tal-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi

  • Ir-Refettorju tal-Kurja tal-Arċisqof , Il-Furjana
    21 ta’ Marzu 2017

    Mhux f’kollox l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca kien jixbah lil Papa Franġisku. Imma hemm fejn kien jixbhu, u xtaqt insemmi żewġ aspetti.

    L-ewwel  aspett hu dak li joħroġ mill-ewwel intervista li saret lil Papa Franġisku minn Antonio Spadaro ftit xhur wara li sar Papa, f’Awwissu 2013, meta staqsieh min hu Jorge Mario Bergoglio. U l-Papa wieġeb: “Jiena midneb, dik hi l-iktar definizzjoni preċiża, jiena midneb li l-Mulej ħenn għalih.” U l-Arċisqof Mercieca l-istess kien jgħid, “jiena midneb”, u kien jirrepetiha ta’ spiss u b’konvinzjoni. Tant li ġieli kien hemm min qallu: toqgħodx kull darba tgħidha li int midneb!

    It-tieni aspett hu l-mod kif Papa Franġisku ifisser ruħu ta’ spiss b’xi xbieha – per eżempju, dan l-aħħar meta tkellem fuq il-gossiping (ukoll fil-Vatikan) qal li l-gossiping hu bħal bomba li titfagħha u taħrab, u tħalli warajk qerda. U l-Arċisqof Mercieca kien ta’ spiss juża xbihat differenti biex ifisser ruħu, per eżempju, meta qed jirreferi għal Papa (dak iż-żmien Benedittu XVI) li jaf sew il-kurja: “il-Papa jaf sew it-tiġieġ li għandu fil-gallinar”. Jew fuq l-importanza ta’ Alla fil-ħajja: “Il-bniedem li jgħix mingħajr Alla jkun bħal borma vojta fuq in-nar. X’jiġrilha? Tinħaraq.” Kien juża x-xbihat ġieli biex ifisser aħjar x’qed jgħid u ġieli biex iħallik taħseb x’ried jgħid.

    Hemm żgur punti oħra ta’ xebħ. Imma iktar milli għax hemm xebħ, jien naħseb li kieku l-Arċisqof Mercieca kellu jagħtina messaġġ illum f’din l-okkażjoni, kien jgħidilna: kunu qalb waħda mal-Papa. Mhux minħabba xi xebħ, imma għax dak hu l-Papa. Kien jgħid bl-istess stil: Mhux Papa Franġisku hemm? Kunu qalb waħda miegħu. Dan bħal meta jkollok katina, ħolqa ma’ oħra. Il-veri catholici huma dawk li għandhom din ir-rabta sħiħa mal-Papa.

    Illum, insellmu lill-Arċisqof Mercieca, ir-ragħaj li ħabb lill-Knisja f’Malta u ta ħajtu għaliha. Il-bniedem ta’ talb, ta’ għaqal, għerf, kuraġġ, umiltà, ta’ qalb li taħfer, ukoll meta kien isofri fis-skiet; ir-ragħaj li kellu mħabba kbira lejn in-nies, lejn il-familja, lejn is-saċerdoti, lejn il-morda, u li ħadem bis-sħiħ biex inkunu lkoll aħwa fi Kristu.

    Il-ktieb ta’ Charles Buttigieg Ragħaj għal kull staġun hu ċelebrazzjoni għażiża ta’ dan il-bniedem speċjali. Grazzi u prosit tassew, Charles, ta’ din il-biċċa xogħol sabiħa.

    Irrid niffoka fuq l-aspett pastorali fil-ministeru tal-Arċisqof Mercieca, u b’mod partikolari fuq esperjenza speċjali – dik tas-Sinodu Djoċesan (1999-2003). Niffoka fuq is-Sinodu kemm għax hi ġrajja unika fl-episkopat tal-Arċisqof Mercieca imma wkoll għax kif qal Papa Franġisku: “Il-mixja ta’ sinodalità hi sewwasew il-mixja li Alla jistenna mill-Knisja fit-tielet millennju”.

    Għalkemm is-Sinodu jissemma f’memo mibgħuta lill-Arċisqof Mercieca mill-Kulleġġ tal-Kappillani fis-7 ta’ Jannar 1977, ftit ġimgħat wara l-ingress tiegħu, u ftit ta’ żmien wara li kien beda Sinodu fid-djoċesi ta’ Għawdex, dan seħħ – naħseb provvidenzjalment –  mhux fl-ewwel snin imma lejn l-aħħar snin tal-Arċisqof Mercieca bħala Arċisqof ta’ Malta. Għalhekk jista’ jitqies il-wirt pastorali tiegħu.

    Nixtieq li nfisser f’erba’ punti dak li rajt fl-Arċisqof Mercieca tul din l-esperjenza li biddlet l-iskemi tas-soltu.

    1. Il-fiduċja tiegħu f’Alla. Meta l-Arċisqof Mercieca ddeċieda li jsejjaħ Sinodu Djoċesan, għamel dan b’fiduċja kbira f’Alla. Hu stess ma kellux esperjenza ta’ Sinodu ta’ wara l-Konċilju Vatikan II. Ħadd fid-djoċesi ta’ Malta ma kellu memorja ta’ Sinodu, għax is-Sinodu ta’ qabel kien sar fl-1703. Kellu kull raġun għaliex Sinodu ma jsirx, ukoll għax l-Arċisqof Mercieca ma kienx xi tip li jidħol għal affarijiet ġodda mingħajr ma jqis mitt darba u jaqta’ darba. Kien ġa qed joqrob l-75 sena u diversi kienu tal-parir li aħjar iħallih għal ta’ warajh. Lill-Arċisqof kien hemm min inkoraġġieh u kien hemm min jiskoraġġih, mhux biss qabel beda imma wkoll tul il-proċess. Imma hu kellu fiduċja f’Alla, emmen li l-Ispirtu ta’ Alla hu ħaj fil-Knisja, u qed imexxiha. U din il-fiduċja f’Alla tat il-frott.
    1. Ir-rispett kbir tiegħu lejn is-sehem tal-lajċi. Is-Sinodu Djoċesan kien ċelebrazzjoni tal-poplu kollu ta’ Alla, ‘mixja flimkien’ bħalma tfisser il-kelma ‘Sinodu’; imma saret enfasi partikulari fuq is-sehem tal-lajċi li kienu attivi ħafna. L-Arċisqof Mercieca kien isemmi dan ta’ spiss. Hu approva li l-mexxejja tal-working groups li ħadmu fuq id-dokumenti tas-Sinodu jkunu kollha lajċi, xi ħaġa tassew ġdida. U niftakar il-kummenti tiegħu ta’ apprezzament għall-parteċipazzjoni ħajja ta’ tant lajċi f’din l-esperjenza.
    1. L-ispazju li ħoloq għal djalogu. L-Arċisqof kien dejjem preżenti għall-Assemblea tas-Sinodu, jisma’, jistaqsi, jinkoraġġixxi. Ħoloq spazju għal ambjent ta’ djalogu sinċier, ġieli wkoll ta’ kritika li hu kien jisma’ b’attenzjoni, ħoloq ambjent li ta frott kbir.  Kien jgħid li qed jieħu gost jitgħallem mill-varjetà ta’ interventi. Fi kliemu: “Aħna bħall-għasafar. Daqskemm hawn għasafar! U ħadd ma jkanta wieħed bħall-ieħor. Kull għanja sabiħa.”
    1. Ir-responsabbiltà li refa’ ta’ ragħaj tal-Knisja lokali. Fl-għeluq tas-Sinodu ġew ippreżentati d-dokumenti tas-Sinodu, frott tar-riflessjoni u tal-ħidma ta’ tant nies, biex l-Arċisqof jeżaminahom u fl-aħħar mill-aħħar jiffirmahom bħala d-dokumenti ta’ policy pastorali għall-Knisja f’Malta. B’hekk refa’ r-responsabbiltà ta’ ragħaj tal-Knisja lokali. Ħa dan ix-xogħol b’serjetà kbira – ma kinetx sempliċiment xi ħaġa li ġġiblu għall-firma. Id-dokumenti għarbilhom b’reqqa, kelma kelma, u għamel xi bidliet żgħar fil-kliem ’l hawn u ’l hemm, u fl-aħħar ippreżentahom lill-Knisja f’Malta bħala dokumenti pastorali li jagħtu l-viżjoni u d-direzzjoni.

    L-Arċisqof Mercieca ta lill-Knisja f’Malta din l-esperjenza tas-Sinodu li hu ddeskriva bħala “nixxiegħa ta’ ħajja ġdida”; u d-dokumenti tas-Sinodu li huma l-frott ta’ din l-esperjenza.

    Wara s-Sinodu, xi affarijiet twettqu, oħrajn le – bħall-Konċilju Vatikan II fuq kollox –  imma ħalla mudell ta’ Knisja li llum, snin wara, nistgħu napprezzaw iktar.

    Hi Knisja li tħobb, li tilqa’, li takkumpanja, li tiddjaloga, li taqdi, li tinkludi, li toħroġ lejn il-periferiji, li tibqa’ fidila għall-Kelma ta’ Alla u fid-dawl tagħha tfittex li taqra s-sinjali taż-żminijiet, li twassal il-ferħ tal-Evanġelju.  Din hi l-Knisja tas-Sinodu Djoċesan. Hi Knisja li tiltaqa’ man-nies fil-“ferħ u t-tamiet tagħhom, fl-uġigħ u t-tbatijiet tagħhom.” Hi Knisja lil ma tingħalaqx fiha nnifisha imma toħroġ ’il barra. L-Arċisqof Mercieca, permezz tas-Sinodu, ħeġġeġ lill-Knisja f’Malta għal dan. Nikkwota lilu: “Ma naqtgħux qalbna.  Dan bħas-sajjieda meta jaraw il-baħar imqalleb; joħorġu xorta, ma jibżgħux, u jaqbdu l-ħut!”

    Din hi l-viżjoni u d-direzzjoni li ta s-Sinodu Djoċesan – jibqa’ ta’ ispirazzjoni wkoll qalb il-bidliet kbar li għaddejjin minnhom fis-soċjetà Maltija. Illum, bis-saħħa ta’ Papa Franġisku, nistgħu napprezzaw ħafna aktar  din il-viżjoni u d-direzzjoni tas-Sinodu.

    Għalhekk bir-raġun nistgħu ngħidu li s-Sinodu Djoċesan hu dan il-wirt uniku, wirt prezzjuż li ħalla l-Arċisqof Mercieca li minnu gawdejna aħna lkoll u nibqgħu ngawdu lkoll.

    Ta’ dan il-wirt, u ta’ dak kollu li kien ifisser f’ħajjitna u li tana b’tant ġenerożità u mħabba: grazzi, Arċisqof Ġużeppi Mercieca.

    Fr Joe Galea Curmi
    Vigarju Ġenerali

  • Ritratti: Uffiċċju Komunkazzjoni, Kurja